Home > Leħen is-Sewwa > Biex l-ilsien Malti jibqa’ ħaj u ma jintesiex

Biex l-ilsien Malti jibqa’ ħaj u ma jintesiex


Martin Morana bi ktieb ieħor dwar storja, kultura, tradizzjonijet u aktar

George Maggi

Bit-tiftix ma jaqta’ xejn tiegħu dwar bosta kliem u kif jingħad, Martin Morana issa seħħlu jagħtina t-tielet ktieb f’sensiela ta’ kotba li huma glossarju enċiklopediku dwar tradizzjonijiet, toponomi u termini storiċi Maltin b’dan tal-aħħar iġib l-isem Biex il-kliem ikun sew.

15 moranaTliet kotba f’medda ta’ ħames snin. Ta’ qablu kienu Bejn Kliem u Storja u Ara x’Int Tgħid.

Tabilħaqq xogħol mirqum li għalih Martin jixraqlu jissejjaħ ‘investigatur tal-kliem’ li ħafna minnu intesa. Irid ikollok tassew kuraġġ biex tagħmel dak it-tiftix kollu għal kemm-il darba.

Iva, kif jgħid il-Malti, fuq tlieta toqgħod il-borma u dan it-tielet ktieb, b’qoxra mill-isbaħ bil-bużnanna Jeanne tirrakkonta lin-neputija Alice fl-isfond għadd ta’ kotba, ma jagħmilx għajb lit-tnejn ta’ qablu. Meta tibda taqrah, għax minbarra li hu ktieb ta’ riferenza hu wkoll ktieb ta’ qari, ma jagħtikx li titilqu minn idejk.

Kif qal tajjeb Martin fid-daħla, dawn is-serje ta’ kotba fihom hemm miġbura kliem u suġġetti li għandhom x’jaqsmu mal-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet ta’ gżiritna. B’dan it-tielet ktieb Morana żied mat-800 kelma ma’ dawk li dehru fl-ewwel żewġ kotba. Dan kollu frott tat-tiftix f’dizzjunarji tas-sekli tmintax u dsatax u f’xogħlijiet antiki ta’ proża kif ukoll f’bosta sorsi oħra ta’ kitba, fosthom dawk li jinsabu fuq l-Internet.

Iżda Martin ma jkunx kuntent biss li jikteb dak kollu li jsib dwar ilsienna għax biex żgur il-qarrej ikollu prodott tajjeb ifisser bosta mill-kliem b’ritratti jew tpinġijiet. Hekk jgħin aktar lill-qarrej jifhem it-tifsir tal-kliem miktub li bosta minnu ntesa matul iż-żmien. Xi ħaġa oriġinali li fl-ebda ktieb ta’ din l-għamla ma ssibu.

Sadattant jidher li Martin jisma’ ħafna l-kummenti ta’ dawk li wrew interess fiż-żewġ kotba li ħareġ qabel għax lejn l-aħħar tal-ktieb inkluda żewġ kapitli b’kummenti li ġew mgħoddija lill-kittieb.

Barra minnhekk, fil-ktieb Biex il-kliem ikun sew, hemm inkluż indiċi tat-titli kollha li Martin iddeskriva madwar ’il fuq minn elfejn u sitt mitt kelma li huma ppreżentati alfabetikament filwaqt li kull kelma għandha wieħed minn kull tliet kuluri. Kull kulur jirriferi għall-volum li l-kliem jinsab fih. Dan kollu biex jgħin lill-qarrej u lir-riċerkatur fit-tiftix tiegħu dwar suġġett partikulari.

Meta staqsejt lil Martin kienx qed iħammem xi ktieb ieħor ma’ din is-sensiela tabilħaqq interessanti, weġibni li għalissa daqshekk iżda minnufih kompla jittamani li forsi fil-ġejjieni jżid u jsib kliem ieħor u fl-aħħar jgħaqqad kollox f’sekwenza alfabetika waħda u b’hekk il-volumi jinġabru f’wieħed.

U meta semmejtlu l-aħħar mezz ta’ komunikazzjoni, l-Internet, bi tbissima Martin qalli li jista’ wkoll ikun li jippreżenta x-xogħol komplut fuq dan il-mezz qawwi u li jintlaħaq minn kulħadd.

Għax fuq kollox, l-iskop tal-kittieb hu li bosta kliem li kien jintuża fl-Ilsien Malti għexieren ta’ snin ilu ma jintilifx u b’hekk ilsienna, li għadda minn bosta ġrajjiet iebsa biex wasal sa għandna, jibqa’ ħaj u aħna stess inkunu kburin li qed nitkellmuh u ma nħalluhx imut.

Mhux ta’ b’xejn li f’Biex il-kliem ikun sew f’256 paġna u b’200 ritratt, Martin jittratta 800 suġġett li għandhom x’jaqsmu ma’ kliem antik jew minsi, mal-istorja, l-agrikultura, il-Knisja, l-artiġjanat, il-bini, it-toponomi tal-ibliet, l-irħula u nħawi oħra, idjomi, drawwiet mill-ħajja tradizzjonali, twemmin, leġġendi u folklor kif ukoll aneddoti mill-istorja ta’ gżiritna.

Tabilħaqq firxa kbira u wiesgħa ta’ dak kollu li sawwar mhux biss l-Ilsien Malti iżda wkoll dak kollu li minn ġrajja għal oħra seddaq lill-poplu ta’ dawn il-gżejjer fosthom bid-drawwiet u t-tradizzjonijiet.

Jalla dax-xogħol mill-isbaħ ta’ Martin Morana li jagħmel ġieħ lill-Ilsien Malti u lill-gżejjer Maltin, jinxtered mal-gżira kollha u, għaliex le, imqar lil hinn minn xtutna u jintuża kemm bħala studju, qari u riċerka. Għandu jkun l-isbaħ rigal li jista’ jingħata lil min irridu li nżidulu mat-tagħrif li jkollu dwar l-ilsien, l-istorja u d-drawwiet Maltin. Dan biex verament il-kliem li jingħad ikun mifhum sew.

gorgmaggi@gmail.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: