Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-ġid komuni mhux il-prosperità!

Il-ġid komuni mhux il-prosperità!


Patri Mario Attard OFM Cap

Mill-5 sat-13 ta’ Lulju li għaddew Papa Franġisku wettaq id-disa’ vjaġġ appostoliku tiegħu barra mill-Italja. Din id-darba l-Provvidenza Divina ħadietu fil-pajjiżi tal-Ekwador, tal-Bolivja u tal-Paragwaj. Papa Franġisku hu l-ewwel Papa Latin Amerikan li żar dawn il-pajjiżi imbiegħda li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-Kontinent Amerikan.

Diversi kienu d-diskorsi qawwija li għamel Papa Franġisku f’dan il-vjaġġ storiku u mportanti f’dawn il-pajjiżi tal-Amerika Latina. Imma ta’ min jikkonċentra ftit fuq id-diskors b’saħħtu li għamel Papa Bergoglio nhar l-Erbgħa 8 ta’ Lulju lill-awtoritajiet u l-mexxejja tas-soċjetà li iltaqgħu miegħu fil-Kattidral ta’ La Paz, il-belt kapitali tal-Bolivja. Papa Franġisku qatta’ ftit sigħat fil-belt kapitali Bolivjana qabel ma dak il-jum stess filgħaxija tar lejn Santa Cruz, l-aktar belt popolata tal-Bolivja.

Fil-vista tiegħu f’La Paz Papa Franġisku appella lill-mexxejja ċivili Bolivjani biex ma jħalltux il-ġid komuni (bien común) mas-sempliċi ġid materjali (bienestar). Qalilhom ukoll biex iħarsu lilhom infushom mill-attitudni li l-għaliex jibdew jiddraw jaraw il-faqar u l-inugwaljanza f’pajjiżhom jiddeċiedu li jibqgħu b’idejhom fuq żaqqhom. Wara li għamel viżta ta’ kortesija lill-President Evo Morales u sar l-għoti ta’ ħafna rigali bejniethom il-Papa mill-ewwel mar lejn il-kattidral bil-għan li jagħmel id-diskors tiegħu. Misjuq mill-imħabba kbira li għandu lejn Ommna Marija l-ewwel ħaġa li għamel kienet li poġġa bukkett fjuri quddiem ix-xbieha għażiża tal-Madonna.

Waqt li kien qed jindirizza lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili il-Papa qalilhom: “Kull wieħed u waħda minna jaqsam sejħa biex jaħdem għall-ġid komuni. Ħamsin sena ilu, il-Konċilju Vatikan it-Tieni iddefinixxa l-ġid komuni bħala ‘l-ġabra ta’ dawk il-kondizzjonijiet tal-ħajja soċjali li jippermettu lill-gruppi soċjali u lill-individwi tagħhom aċċess sħiħ u imħejji għall-milja tagħhom.’ […] Jalla l-isforzi tagħkom jikkontribwixxu għall-kobor ta’ aktar rispett għall-persuna umana, imżejna bid-drittijiet bażiċi u inaljenabbli, li huma ordnati għall-iżvilupp integrali tiegħu u tagħha, u l-paċi soċjali, jiġifieri l-istabbilità u s-sigurtà ipprovduta b’ċertu ordni li ma jistax jintlaħaq mingħajr l-attenzjoni partikulari għall-ġustizzja distributtiva (ara Laudato Si’, 157). U, filwaqt li ħalla t-test li kien qed jaqra, kif soltu qiegħed jagħmel, il-Papa qal b’mod spontanju: “Dan sempliċiment ifisser li l-prosperità għandha tinqasam”.

Waqt li issokta jirreferi għall-enċiklika reċenti li kiteb Laudato Si’, il-Papa għamel sejħa għall-“ekoloġija integrali”. Huwa qal li “l-ambjent naturali huwa marbut, b’mod l-aktar strett, mal-ambjent soċjali, politiku u ekonomiku”.

Il-Papa qal: “Hija tant faċli għalina li nidraw l-atmosfera tal-inugwaljanza madwarna bir-riżultat li nibdew naċċettawha. Mingħajr lanqas nibdew insiru konxji tagħha. Tant li nibdew inħawdu l-‘ġid komuni’ mal-‘prosperità’ [bienestar]. Aktar u aktar meta aħna huma dawk li jgawdu mill-prosperità. Il-prosperità mifhuma biss fis-sens ta’ ġid materjali għandha t-tendenza li ssir egoista, li tiddefendi l-interessi privati tagħha, li ma tagħtix kas tal-oħrajn u li tagħti r-riedni f’idejn il-konsumeriżmu. Mifhuma b’dan il-mod il-prosperità minflok li tgħin tnissel il-konflitt u d-diżintegrazzjoni soċjali. Meta issir aktar prevalenti hija tiftaħ il-bieb għall-ħażen tal-korruzzjoni li iġġib tant qtiegħ il-qalb u ħsara meta tgħolli rasha. Minn naħa l-oħra l-ġid komuni huwa ħafna aktar mill-ġabra tal-interessi individwali. Huwa jimxi minn ‘dak li hu tajjeb għalija’ għal ‘dak li hu l-aħjar għal kull persuna’. Il-ġid komuni jħaddan dak kollu li jgħaqqad poplu flimkien: għan komuni, valuri maqsuma bejn kulħadd, idejat li jgħinuna nħarsu lil hinn mill-orizzonti individwali u limitati tagħna”.

Il-Papa issokta jgħid: “Il-libertà hija dejjem l-aqwa ambjent għall-ħassieba, l-assoċjazzjonijiet ċivili u l-midja tal-kommunikazzjonijiet biex ikomplu l-attivitajiet tagħhom b’passjoni u krejattività għall-qadi tal-ġid komuni”.

Fid-diskors tiegħu Papa Franġisku għamel aċċenn partikulari għall-familja. Filwaqt li emfasizza bil-qawwa dwar l-importanza tal-familja l-Papa wissa kontra dik li sejħilha l-“kolonizzazzjoni ideoloġika”. Huwa semma lista ta’ theddidiet li l-ħin kollu qiegħdin jagħfsu fuq il-familja bħal, ngħidu aħna, il-vjolenza domesitka, l-alkoħoliżmu, l-abbandun tal-persuni anzjani u, saħansitra, tat-tfal fit-toroq. Il-Papa irrimarka: “Dawn il-problemi spiss jiltaqgħu ma soluzzjonijiet finta li juru l-effetti ċari tal-kolonizzazzjoni ideoloġika … Ħafna problemi soċjali jissolvew ruħhom fis-skiet tal-familja. In-nuqqas ta’ assistenza tal-familji jħalli dawk l-aktar vulnerabbli mingħajr ħarsien”.

Waqt li għaraf l-isfidi varji li qed jaffaċċja l-pajjiż li kien qed jospitah il-Papa qal: “Il-Bolivja tinsab f’salib it-toroq storiku: il-politika, id-dinja tal-kultura, ir-reliġjonijiet ilkoll huma parti minn din l-isfida sabiħa biex jikbru fl-għaqda. F’din l-art li l-istorja tagħha ġiet imniġġsa mill-isfruttament, mix-xeħħa u minn għadd kbir ta’ egoiżmu u settarjaniżmu, issa huwa ż-żmien għall-integrazzjoni”.

Quddiem dan id-diskors qawwi tal-Papa ħa nagħmlu ilkoll eżami serju tal-kuxjenza. Bħala politiċi u ċittadini kemm tassew qed naqsmu dak li għandna mal-fqar? Kemm pajjiżna qed jindirizza b’impenn il-problema tal-faqar fostna? X’jiswa li jkollna ambjent naturali sabiħ u ħieles mit-tinġiż jekk fostna jibqa’ ikollna Maltin li soċjalment, politikament u ekonomikament huwa emarġinati? Kif jistgħu l-politika u l-ekonomija f’pajjiżna jkomplu jkabbru l-kunċett tal-ekoloġija integrali? Bħala politiċi u ċittadini kif se niġġieldu l-inugwaljanza fostna? Nixtiequ li l-prosperità f’pajjiżna tinqasam bejn kulħadd? Kemm tassew aħna lesti li nibdew nirraġinaw bil-mentalità ta’ x’inhu l-aħjar għal kull Malti u Maltija? U mhux iżjed x’jaqbel lili personali? Nemmnu li jekk nibdew nirraġunaw dwar x’inhu l-aħjar għal kull persuna l-familji tagħna jibdew ifiequ?

Il-mazz f’idejna!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: