Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Eżattament x’irrid?

Eżattament x’irrid?


Patri Mario Attard OFM Cap

Issibhom jingħu kemm jifilħu. Inkella bis-saliva ħierġa minn ħalqhom l-għaliex dejjem irrabjati. Tiltaqa’ magħhom hemm u hawn. Dejjem negattivi. Lanqas tbissima ma tidher fuq wiċċhom. X’arja tqila iħallu warajhom! Tal-biża’!

In-nies li dejjem isibu xi ħaġa f’ħaddieħor. Qatt m’huma kuntenti b’xejn! Dejjem ibiddlu. Il-ħajja għalihom saret issa ‘l hawn u mbagħad ‘l hemm. Isibu elf difett. F’kollox u f’kulħadd. Magħhom kulħadd għandu tort! Kollox ħażin. Sistemi. Idejat. Persuni. Kollox! Barra … huma. Ma tarax! Qatt ma jiżbaljaw sieħbi. Dejjem fir-raġun!

Il-ħajja qasira. Ħidmieti fl-isptar fost id-dmugħ li nxerred ma’ min qiegħed ibati u ħadd ma jisma’ l-karba tiegħu għajr il-familjari u l-ħaddiema li jkunu qiegħdin jaqduh b’tant dedikazzjoni, fosthom ħuti l-patrijiet, tgħallimni bil-bosta. Il-ħajja m’hijiex le kif infassalha f’moħħi. Kieku tajjeb! Min jieħu gost iħallas it-taxxa? Min jieħu gost iqum għodu għodu biex imur għax-xogħol? Il-ħajja fiha l-iskumditajiet tagħha. Għaliex aħna hawn qiegħdin ngħixu. Fid-dinja! F’post fejn għandu x’jirranġa. Għaliex abitat minn nies tad-demm u l-laħam li jibżaljaw. U min ma jiżbaljax? Tgħidlix int le!

L-isptar iġagħlni wkoll nitbissem għall-idea, u wisq aktar għall-attitudni, li kollox għandu jsir kif ngħid jien. Kollox irid jiġi ingastat kif ħlomt bih f’moħħi jien. U jekk ma jsirx dak li nixtieq arani nitbaqbaq u ntaqqal lil ħaddieħor li jkun qed jgħix fil-paċi għall-affari tiegħu b’diskorsi. Il-ktieb ta’ Koħelet għandu passaġġ li lili tgħidx kemm jagħmilli kuraġġ f’ħajti u li illum irrid naqsmu magħkom bil-ferħ kollu ta’ qalbi:

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: Żmien li titwieled, u żmien li tmut; żmien li tħawwel, u żmien li taħsad l-imħawwel; żmien li toqtol, u żmien li tfejjaq; żmien li ġġarraf, u żmien li tibni; żmien li tibki, u żmien li tidħak; żmien li tagħli, u żmien li tiżfen; żmien li tarmi l-ġebel, u żmien li tiġbru; żmien li tgħannaq, u żmien li tiċċaħħad mit-tagħniq; żmien li tikseb, u żmien li titlef; żmien li terfa’, u żmien li tarmi; żmien li tqatta’, u żmien li ssewwi; żmien li tiskot, u żmien li titkellem; żmien li tħobb, u żmien li tobgħod; żmien it-taqbid, u żmien il-paċi” (Koħ 3:1-8). Smajtu l-awtur sagru? Kollox għandu żmienu!

Nifimha li jekk ħaġa ma togħġobnix jew li ma naqbilx magħha insemmieha b’isimha. Niktrikaha. Madankollu ejja ma niġrix! Darba saċerdot għallimni hekk: “Qabel ma tikkritika xi ħaġa qis li jkollok suġġeriment għaliha”. Kemm kellu raġun! Inkella l-kritika tiegħi issir qried, qried, qried. U min jeqred hawn ħafna! Forsi l-inqas ħaġa li tkun trid tisma’ jew taqra għodu għodu. Veru?

Biss fil-ħajja irridu nkunu saqajna mal-art. Jeżiżtu ħwejjeġ li jistgħu jinbidlu. B’forsi naqra aktar impenn. Anki hawn. Mhux millum għal għada! Mela insejt ħija u oħti kemm ilna nieklu biex wasalna sad-daqs li għandna illum? Kollox irid jieħu ż-żmien tiegħu. U, barra minhekk, ejjew ma ninsewx ukoll li mhux sempliċiment li ħaġa issir. L-ispirtu li bih tissawwar il-ħaġa fil-moħħ u kif ukoll l-ispirtu li bih trid issir huma essenzjalissimi. X’tiswa l-effiċjenza l-aħwa jekk tkun effiċjenza bla ruħ? L-istess bħal meta ngħidu servizz mingħajr tbissima mill-qalb. Il-bniedem ikellmek bl-ispirtu ta’ ġo fih! Għalhekk San Franġisk kien jgħid b’għaqal kbir: “Il-verità tal-bniedem hija kif jidher quddiem il-Mulej!” Hu BISS jaf x’hemm moħbi fil-moħħna u f’qalbna!

Tajjeb għalhekk li jekk jien persuna li ma jogħġobni xejn, idejjaqni kollox, dejjem irrid insib x’nikkritika, ħa nagħrbel naqra lili nnifsi. Għaliex inġib ruħi hekk? Jaqaw għandi xi rabja moħbija u li din ir-rabja qed nirremettieha fuq nies innoċenti bil-qried li qed neqred? Jaqaw ir-rabja li hemm fija tant kemm hi kbira li aktar ma nfittex id-difetti ta’ dik, dak u dawk aktar qed ninduna li jiena stess ma nafx fejn qiegħed jew qiegħdha?

Ejja inkun sinċier u sinċiera! Almenu għal darba! Bil-qried tiegħi x’inhu eżattament dak li tassew irrid?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: