Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > B’hekk jikkonvinċik bniedem!

B’hekk jikkonvinċik bniedem!


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar kelli l-grazzja li nara mill-ġdid il-film mill-isbaħ ta’ Fabrizio Costa Francesco e Chiara. Rajtu l-għaliex għadni ferm ‘il bogħod mill-idejal ta’ San Franġisk. U kemm nixtieq jaħasra li nersaq viċin lejn l-idejal tiegħu! Bilħaqq! Biex tara dan il-film m’għandekx għalfejn tonfoq il-flus li tixtrieħ jew tikrieħ. Tista’ tidħol YOU TUBE, tittajpja Francesco e Chiara u ssib il-film jistenniek! Xi grazzja hux!

Jiena u nara dan il-film ma stajtx ma naffaxxinax ruħi bl-umiltà, is-sempliċità u l-faqar ta’ San Franġisk u l-ewwel aħwa tiegħu. Flimkien ma dak ta’ Santa Klara u l-ewwel ħuta s-sorijiet. San Franġisk, l-għannej tal-Mulej, għalih ix-xemx, il-qamar, il-kwiekeb, ir-riħ, l-ilma u n-nar kienu ħutu! Filwaqt li Ommu l-art bil-ħxejjex u l-ilwien tagħha ifakkru fit-tjubija ta’ Alla. Fl-Għanja tal-Ħlejjaq San Franġisk jibda’ l-kantiku tiegħu bil-kelma qawwija: Twajjeb Mulej. It-tjubija ta’ Alla hija ċ-ċavetta tat-tifħir lill-Mulej għall-ħolqien li hu ħalaq! It-tjubija hija l-ħniena li l-Mulej juri magħna! Midinbin u ingrati li aħna! Il-ħniena! L-għaliex il-ħniena hija l-ġustizzja ta’ Alla għalina l-bnedmin sakemm għadna f’din id-dinja!

Hija din il-ħniena li l-Missier wera miegħu, midneb u ingrat, li ġġiegħel lil San Franġisk iħabbat bieb is-setgħana ta’ żmienu. Bagħat lil ħutu jkantaw quddiem it-tieqa tal-Isqof u tal-Podestà (jew gvernatur) l-istrofa sabiħa mill-Għanja tal-Ħlejjaq meta dawn kienu miġġieldin. “Mulejja, tkun imfaħħar f’dawk li jaħfru għal imħabbtek”. Bil-kant ħelu u sempliċi lit-twajjeb Mulej San Franġisk iħabbeb mill-ġdid lill-Istat u lill-Knisja.

Darba raġel intelliġenti u xettiku ħafna għall-Knisja qalli hekk: “Il-Knisja Kattolika m’għandiex biex titfaħar għajr b’San Franġisk!” Illum nifhmu bil-bosta. San Franġisk ma ridniex lilna l-Patrijiet li nkunu nafu nitħaddtu jew li inġibu l-aqwa argumenti għoljin u studjati. Riedna nkunu foqra. Umli. Bla ebda pretensjoni u nfieħ. Riedna nkunu man-nies. Minuri. Mingħajr għatx għas-setgħa. Riedna nkunu bħaż-żiffa li tidħol f’għadmek u, għaliex tressħek bil-bard, ikollok titgħatta. Ma ridniex inkunu rifnu li jaqla’ s-siġar, jiknes il-karozzi, u jħalli xebgħa ħsara warajh. Franġisku ried jeduka l-qalb u mhux sempliċiment jinforma l-moħħ. Dan hu li ried jagħmel. U dan wettqu billi ħalla l-Mulej Ġesù jibdel lilu! Ħallieh ineżżagħlu s-suppervja, il-pretensjoni, il-frugħa u l-mutetti li kellu! Ħallieh jitfgħu mal-imġiddmin. Jgħix mal-foqra. Jilqa’ lil ħutu l-patrijiet bil-karattri tagħhom. Għax, kif jgħid hu stess fit-Testment tiegħu: “Il-Mulej irregalali l-aħwa!” U, il-kapolavur tiegħu kien li għannaq il-ġdiem li kien hemm fih stess, il-jien midneb tiegħu!

F’daqqa waħda San Franġisk reġa’ sar is-suġġett fuq fomm kulħadd. Mhux l-għaliex xi darba għeb. Imma ħbejnieh. Inkluż fil-Knisja. Il-faqar tiegħu jiskomodana. L-umiltà tiegħu tikkonfondina. Il-Minorità tiegħu iġġibna fix-xejn. Imma huwa dawn li jikkonvinċu. Fis-sitt ammonizzjoni tiegħu San Franġisk jikteb: “Għalhekk, hu għajb kbir għalina, il-qaddejja ta’ Alla, li l-qaddisin ikunu għamlu l-għemejjel kbar, u aħna rridu biss nircievu l-glorja u l-gieħ ghax noqogħdu nitħaddtu fuqhom”.

Il-messaġġ ta’ San Franġisk sabiħ, qawwi u attwali. Għaliex mhux politiku imma evangeliku! Kemm jaqbilli li aktar milli nitħaddet fuqu u l-messaġġ tiegħu nara x’nagħmel biex inkun fqir, umli, sempliċi u minuri bħalu!

U mhux b’hekk jikkonvinċik bniedem!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: