Home > Leħen is-Sewwa > Nafu naqraw?

Nafu naqraw?


It-Tabib Carmelo Palmier Cecy

Mhux kull min jaf ilissen dak li jsib miktub jista’ jiftaħar li jaf jaqra

Mhux kull min jaf ilissen dak li jsib miktub jista’ jiftaħar li jaf jaqra

Kulħadd jaf jaqra. Min qatt ma tgħallem l-ittri u l-kelma miktuba żgur li jaf jaqra messaġġi mfissra bl-istampi jew b’sinjali oħra. Oħrajn jafu jaqraw wiċċ is-sema biex jgħidulna kif se jkun l-ajru fil-jiem li ġejjin. Imberkin dawk li jaqrawlek il-bixra ta’ wiċċek u jifhmu mal-ewwel jekk intix ferħan jew imdejjaq, kwiet jew imbergħen, imħasseb jew b’moħħok mistrieħ u sinċier jew giddieb.

Madankollu l-qari jiftaħ univers sħiħ għal min għandu l-ħila jifhem it-tifsira ta’ dik il-ġemgħa ta’ sinjali maħżuża li missirijietna sawru bħala l-ilsien miktub.

Iżda tassew nafu naqraw? Mhux kull min jaf ilissen dak li jsib miktub jista’ jiftaħar li jaf jaqra. Qarrej tajjeb jifhem x’importanza għandu jagħti lil dak li hemm maħżuż, skont is-serjetà u t-trattament tas-suġġett, il-ħila tal-kittieb u jekk il-messaġġ jistax jitqabbel mas-sewwa li diġà nafu u mal-esperjenzi ta’ ħajjitna.

Jinħtiġilna nagħżlu stejjer mistħajla minn verità sħiħa jew nofs verità. Min ma jaqrax jixbah lil ħabsi wara ċint għoli li minn fuqu qatt ma ttawwal.

Il-qari tal-Iskrittura

Santu Wistin, f’mixjietu spiritwali, sema’ ilħna jkantaw: “Ħu f’idejk u aqra” (‘L-Istqarrijiet’ tiegħu pġ 226)! Deherlu li dan kien messaġġ għalih mingħand il-Mulej. Fetaħ l-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani u l-ewwel sentenza li tfaċċat quddiem għajnejh urietu t-triq tal-konverżjoni.

L-Iskrittura hi l-iżjed kitba siewja li wieħed jista’ jaqra għax hi l-Kelma ta’ Alla. “Min ma jafx il-Kotba Mqaddsa ma jafx lil Kristu” (San Ġirolmu: KKK 133). Iżda kemm għaqal u tħejjija huma meħtieġa għal dan il-qari!

Terġa’ u tgħid: “Il-Bibbja hi djalogu bejn il-kelma ta’ Alla u t-tweġiba tal-bniedem li jilqagħha u jħalliha tmexxih” (Benedittu XVI: The Feast of Faith, trad Ingliża Graham Harrison pg 16).

Il-Bibbja fiha l-ħsieb ta’ Alla miktub fl-istili ta’ bnedmin differenti li wżaw kliem skont id-drawwiet tal-kultura tan-nies li għalihom kienu qed jiktbu. Tiġbor fiha poeżija u proża, messaġġi ċari u espressjonijiet li mhux lakemm tifhimhom.

Il-Knisja Kattolika Appostolika Rumana biss għandha s-setgħa u l-esperjenza biex tfisser u tittraduċi l-Kotba Mqaddsa. U dejjem taħt it-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu. Kienet hi li għażlithom minn fost il-ħafna kitbiet sbieħ tal-qedem.

Il-qarrej ma jkunx qed jifhem il-ħsieb ta’ Alla jekk il-Bibbja ma jaqrahiex f’għaqda sħiħa mat-tagħlim tal-Maġisteru u mat-tradizzjoni fil-Knisja Kattolika. Il-qarrej li ma jiħux dawn it-tlieta id f’id ma jistax jgħid li jaf jaqra l-Iskrittura.

Naqraw f’Isaija: “Agħtuni widen u ersqu lejja” (55, 3): kliem li jgħodd ukoll għall-qari jew għas-smigħ tal-Iskrittura. Min ma jistax jaqra l-kelma miktuba jew bil-Braille jista’ jisma’ l-qari tal-Iskrittura fil-liturġija jew fuq ir-radju. Għal ħutna anqas sfortunati jaħseb il-Mulej fl-għerf tiegħu bla tarf.

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: