Home > Leħen is-Sewwa > L-ubbidjenza fost ir-reliġjużi

L-ubbidjenza fost ir-reliġjużi


Patri Alexander Vella, Provinċjal tal-Karmelitani, minn Tas-Sliema, jikteb:

Qiegħed nikteb b’riferenza għar-rubrika “Intietef” tas-Sur Emanuel Bartolo li dehret f’Leħen is-Sewwa tal-Ħadd 28 ta’ Ġunju.

Minkejja li naspiraw għall-qdusija, aħna r-reliġjużi bnedmin bħall-oħrajn, dgħajfin u midinba. In-nuqqasijiet tagħna għandhom effett ħażin ħafna fuq il-poplu ta’ Alla, għax dan, bi dritt, jistenna minna xhieda ta’ ħajja evanġelika. Aħna persuni pubbliċi u għalhekk dak li nagħmlu jew ma nagħmlux jispikka iktar u għandu valur aqwa kemm jekk ikun pożittiv u wisq iktar jekk ikun negattiv.

Għalhekk ma niddejjaq xejn li meta jkun il-każ nitlob maħfra tan-nuqqasijiet li bihom aħna nweġġgħu l-poplu ta’ Alla. Anzi nħoss li hu dmir tiegħi li nagħmel dan mhux biss fuq livell personali imma wkoll f’isem ħuti.

Imma s-sewwa ħabib Alla. Għandi ħafna riservi fuq dak li kiteb is-Sur Bartolo. L-ewwlnett ngħidlu li l-bidliet li saru fil-Kapitlu Provinċjali li kellna f’April li għadda ma kenux żgħar kif qal hu. Ħamsa minn sebgħa komunitajiet ġarrbu tibdiliet konsiderevoli. Mill-41 reliġjuż Karmelitan li qegħdin Malta – li sebgħa minnhom għandhom ’il fuq minn 80 sena – iċċaqalqu 14. Ma jidhirlix li dan tista’ ssejjaħlu ftit ċaqliq. Lanqas il-ħatriet ġodda li saru ma kienu daqshekk żgħar daqs kemm jassumi s-Sur Bartolo.

Imma ħa niġi għall-punt prinċipali. Is-Sur Bartolo jgħid li fost “il-ftit li ċċaqalqu kien hemm min aċċetta mill-ewwel imma wkoll min żamm iebes biex jaċċetta li jiċċaqlaq u jaċċetta responsabbiltà”. Din kienet it-tielet darba li ġejt elett Provinċjal waqt Kapitlu Provinċjali Ordinarju u għalhekk ftit esperjenza għandi.

L-esperjenza tiegħi hi pjuttost waħda ta’ aċċettazzjoni, kollaborazzjoni u ubbidjenza. L-atteġġjament tar-reliġjużi tal-Provinċja, li fil-maġġornaza tagħhom kienu akbar minni fl-età, speċjalment meta sirt Provinċjal l-ewwel darba fl-2003, dejjem edifikani. Ovvjament mhux kulħadd għandu l-istess karattru. Hemm min ma jsibha diffiċli xejn li jiċċaqlaq u hemm min isibha diffiċli ħafna li jiċċaqlaq. Imma anki dawn tal-aħħar, anki jekk b’ċerta tbatija personali, dejjem obdew. Din hi l-esperjenza tiegħi.

L-istess fl-aċċettazzjoni ta’ uffiċċji. Dejjem sibt ħafna ġenerożità. Meta ġieli jkun hemm min ma jaċċettax nista’ ngħid li dejjem ikun hemm raġunijiet validi.

L-ubbidjenza reliġjuża, kif tifhimha llum il-Knisja, mhix impożizzjoni tar-rieda tas-superjur fuq ħutu imma djalogu ta’ dixxerniment bejniethom biex flimkien ifittxu r-rieda ta’ Alla. F’dan id-dixxerniment mhux l-ewwel darba li s-superjur innifsu jasal għall-konklużjoni li dak li kellu f’moħħu hu fil-bidu ma kienx ir-rieda ta’ Alla u jbiddel il-fehma tiegħu għax hu wkoll marbut bl-ubbidjenza lejn Alla u lejn il-komunità tal-aħwa li miġbura f’Kapitlu tiddixxerni u tiddeċiedi.

Din hi l-ubbidjenza matura li llum il-Knisja tipproponi lir-reliġjużi. Anzi, aħna l-Ordnijiet l-antiki, din kienet it-tip ta’ ubbidjenza li sa mill-bidu kellna fil-leġislazzjoni u fil-kultura tagħna.

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: