Home > Leħen is-Sewwa > L-intervista tal-Papa Franġisku mal-ġurnal Arġentin La Voz del Pueblo

L-intervista tal-Papa Franġisku mal-ġurnal Arġentin La Voz del Pueblo


25. Papa genn 3 cols 1907miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Juan Barretta: Waħdi mal-Papa Franġisku fir-residenza tiegħu f’Santa Marta, il-Vatikan. Diskursata storika wiċċ imb’wiċċ fejn waħda mill-aktar personalitajiet importanti tad-dinja tkellmet fuq il-ħajja personali tagħha. “Nixtieq li jibqgħu jiftakru fija bħala bniedem tajjeb” u jammetti: “In-nies tagħmilli tajjeb”. 

F’kamra sempliċi tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku laqa’ għandu lil La Voz del Pueblo, mingħajr il-preżenza ta’ persuni oħra u fuq kundizzjoni waħda: “L-unika ħaġa li nitolbok hi li ma tqarraqx”, qalli qabel ma xgħelt ir-recorder.  Imbagħad, fil-45 minuta li damet il-laqgħa, stqarrli li fi żminijiet oħra kien jaqbdu “paniku quddiem il-ġurnalisti”. Hu ċar li din it-trawma issa rebaħha.

Jorge Bergoglio kellu l-kuraġġ jirrakkuntali l-ħajja personali tiegħu u wieġeb bla biża’, spiss b’ġesti jakkumpanjaw il-kliem tiegħu meta l-mistoqsija kienet tentużjażmah imma anki b’mod xott u qasir quddiem mistoqsija li t-tweġiba għaliha setgħet tqanqal ħafna diskors żejjed barra mill-ħitan tal-Vatikan.

Dawn huma wħud mit-temi li ttrattajna tul id-diskursata tagħna li bdiet min-nomina tiegħu.

Ħadd ma semma ismi, ħadd

Qatt kont toħlom li ssir Papa?

Le! U lanqas li nkun President tar-Repubblika jew ġeneral tal-eżerċtu. Hemm min għandu din il-ħolma. Jien le.

Lanqas meta bdejt tagħmel karriera fis-servizz episkopali ma stħajjilt din il-possibbiltà?

Wara li għal 15-il sena kelli f’idejja l-kariga ta’ tmexxija li fiha qegħduni, erġajt inżilt mnejn tlajt, bħala konfessur, kappillan. Il-ħajja ta’ reliġjuż, ta’ Ġiżwita, tinbidel skont il-ħtieġa li tkun. U dwar il-possibbiltà, kont fil-lista tal-papabbli fil-Konklavi l-ieħor. Imma din id-darba, it-tieni waħda, meta tqis l-età tiegħi, 76 sena, u meta tara li żgur kien hemm persuni iżjed validi.

Fil-fatt ħadd ma semma ismi, ħadd.  Mill-bqija kienu jgħidu li jien kingmaker (elettur kbir, kif jissejħu dawk il-kardinali li minħabba l-esperjenza u l-awtorità tagħhom għandhom piż ikbar minn ta’ oħrajn fuq ir-riżultat elettorali) u stajt ninfluwixxi fuq il-vot tal-kardinali tal-Amerika Latina. Sal-punt li fuq il-ġurnali lanqas ritratt wieħed tiegħi ma deher. Ħadd ma kien qed jaħseb fija. Il-bookmakers ta’ Londra poġġewni fis-46 post (jidħak waħda kbira). Lanqas jien stess ma kont qed naħseb fija nnifsi.

U dan minkejja li fl-2005 kont it-tieni l-aktar ivvutat wara Ratzinger?

Dan hu li jingħad. Dak li hu ċert hu li tal-inqas fl-elezzjoni l-oħra kont fuq il-ġurnali, kont nidher fost il-papabbli. Fuq ġewwa kien ċar li kellu jkun Benedittu, li rċieva voti kważi b’mod unanimu, u ħadt pjaċir ħafna b’dan.

Il-kandidatura tiegħu kienet ċara, fit-tieni elezzjoni ma kien hemm l-ebda kandidat ċar. Kien hemm ħafna possibbli imma l-ebda wieħed b’saħħtu. Għalhekk ġejt minn Ruma b’ta’ fuqi senduqi u b’biljett lura għas-Sibt fil-għaxija biex nerġa’ lura Buenos Aires fil-ħin għal Ħadd il-Palm. Sa kont anki ħallejt l-omelija tiegħi lesta fuq l-iskrivanija. Qatt ma ħsibt f’dak li seta’ jiġri.

U meta ġejt elett, x’ħassejt?

Qabel l-elezzjoni defenittiva ħassejt ħafna paċi. “Jekk Alla jrid hekk…”, ħsibt bejni u bejn ruħi. U bqajt fil-paċi. Huma u jagħmlu l-iskrutinji, li donnhom ma riedu jispiċċaw qatt, tlabt ir-Rużarju, trankwill.

Kelli ħdejja lil ħabibi, il-Kardinal Cláudio Hummes, li f’votazzjoni qabel dik definittiva qalli: “Tinkwetax, ta, għax hekk jaħdem l-Ispirtu s-Santu” (jidħak mill-ġdid).

Aċċettajt mill-ewwel?

Ħaduni fis-sagristija, bidluli s-suttana u ħriġna għal-logħba.  U hemm għedt dak li ġieni f’rasi.

Mela kienet ħaġa naturali.

Iva, ħassejt fija ħafna paċi u għedt dak li ħassejt f’qalbi.

Int taf kemm irnexxielek tiġbed nies lejk, qisek kalamita?  Qed ngħid għal dik ix-xi ħaġa iżjed li l-persuna tiegħek tagħti lill-figura ta’ Papa.

Iva…naf li n-nies (ħosbien, jiskot). Qabel ma kontx nifhem għaliex. Kardinali qaluli li n-nies qed tgħid: “Lil dan nifhmuh”. Veru, jien waqt l-udjenzi nipprova nagħti l-eżempji, f’dak li ngħid. Allura hekk in-nies tifhem dak li nkun irrid ngħid. Bħal meta tkellimt fuq il-każ tal-ġenituri separati li jużaw it-tfal bħala ostaġġi, ħaġa kerha ħafna, u jagħmluhom vittmi, il-missier jitkellem ħażin fuq l-omm u bil-kontra, u lit-tifel joħolqulu ħafna konfużjoni ġo moħħu.

Nipprova nkun konkret u dik li int issejħilha kalamita, Kardinali jgħiduli li għandha x’taqsam mal-fatt li n-nies tifhimni.

Togħġbok l-udjenza ġenerali?

Iva, togħġobni f’sens uman u spiritwali, f’kull sens. In-nies tagħmilli tajjeb, tittrasmetti fija enerġija pożittiva, kif jgħidu.  Ħajti bħal donnha titħallat ma’ dik tan-nies. Jien, psikoloġikament, ma nistax ngħix mingħajr in-nies, m’iniex magħmul biex ngħix bħala monaku, għalhekk bqajt ngħix hawn, f’Dar Santa Marta.

Din qisha lukanda żgħira. Hawn 210 kmamar. Aħna li ngħixu u naħdmu fis-Santa Sede (xi 40 ruħ) imbagħad il-mistiedna l-oħra, Isqfijiet, kappillani, lajċi li jgħaddu minn hawn u joqogħdu hawn. Dan inħossu jagħmilli ħafna ġid. Li niġi hawn, niekol fis-sala tal-pranzu, fejn ikun hemm ħafna nies, niċċelebra l-Quddiesa erbat ijiem fil-ġimgħa fejn tiġi n-nies minn barra, mill-parroċċi… Dan kollu jogħġobni ħafna.

Jien ilħaqt qassis biex noqgħod man-nies. Nirringrazzja lil Alla li għadni nista’ nagħmel dan.

Xi tħoss li jonqsok mill-ħajja li kellek qabel il-ħatra ta’ Papa?

Li noħroġ fit-triq. Dan, iva, inħossu jonqosni, it-trankwillità li nista’ noħroġ nimxi fit-toroq. Jew li nidħol f’pizzerija u niekol xi pizza tajba (jidħak).

Ma tistax titlobhom iġibuhielek il-Vatikan?

Iva imma mhix l-istess ħaġa. Il-problema hi biex immur jien.  Jien dejjem mort bil-mixi. Meta kont kardinal kont nieħu gost wisq nimxi fit-toroq, nirkeb il-karozzi tal-linja, fil-metro. Il-belt togħġobni ħafna. Ma nafx ngħix f’belt bħal tiegħek, ngħidu aħna. Naħseb kieku nbati…

Hawn timxi fit-toroq tal-belt?

Le (jerġa’ jfaqqa’ daħka). Immur fil-parroċċi imma ma nistax noħroġ. Aħseb ftit x’pandemonju jinqala’ jekk nipprova noħroġ. Darba ħriġt bil-karozza waħdi mas-sewwieq u nsejt intella’ t-tieqa. Kienet miftuħa u ma ndunajtx. U kien qisu l-aħħar tad-dinja.

Kont bilqiegħda maġenb is-sewwieq, ridna ngħaddu, imma n-nies ma riditx tħallina ngħaddu. M’għandniex xi ngħidu, tiltaqa’ mal-Papa fit-triq…

Dan jorbot sew mal-istil ta’ ħajja li tgħix?

Veru li hawn għandi l-fama ta’ indixxiplinat. Il-protokoll ma tantx nimxi miegħu. Il-protokoll hu ‘kiesaħ’ wisq anki jekk hemm ħwejjeġ uffiċjali li nirrispetta mija fil-mija.

Fil-għaxija jirnexxielek tistrieħ? Taqta’ minn kollox?

Għandi nagħsi tqil ħafna. Nimtedd fuq is-sodda u norqod dritt.  Norqod sitt sigħat. Normalment fid-disgħa nkun fis-sodda u noqgħod naqra sa xi l-għaxra, meta tibda ddemmagħli għajni u allura nitfi d-dawl u nibqa’ hekk sa l-erbgħa, x’ħin waħdi nqum. Veru, imbagħad, ikolli bżonn raqda wara nofsinhar.  Ikolli bżonn norqod minn erbgħin minuta sa siegħa. Allura ninża’ ż-żarbun u nimtedd fuq is-sodda. Anki hawn norqod fil-fond u nqum waħdi. Meta ma nagħmilx is-siesta, jiddispjaċini.

Int tibki?

Meta nara quddiemi t-traġedja umana. Imbagħad it-tfal morda. Anki meta nżur il-ħabsijiet inħossni mqanqal.

Imma tasal li tibki u xxerred id-dmugħ?

Pubblikament ma nibkix. Ġratli darbtejn li kont wasalt biex nibki imma rnexxieli nżomm. Ħassejtni mqanqal wisq, forsi xi demgħa ħarbitli, imma għamilt ta’ bir-ruħi li ma kien xejn u għattejt wiċċi.

Għaliex ma ridthomx jarawk tibki?

Ma nafx. Deherli li kelli nibqa’ għaddej.

F’liema okkażjonijiet seħħ dan?

Niftakar waħda. Kellha x’taqsam mal-persekuzzjoni tal-Insara fl-Iraq. 

Xi jbeżżgħek?

Ma tantx nibża’. Jien pjuttost bla kont. Naġixxi bla ma naħseb fil-konsegwenzi. Dan kultant jikkawżali wġigħ ta’ ras għax taħrabli xi kelma żejda (jerġa’ jidħak mill-qalb). Dwar l-attentati, jien f’idejn Alla u meta nitlob lill-Mulej ngħidlu: “Ħares, jekk għandu jiġri, ħa jiġri. Nitolbok biss grazzja waħda, li ma nweġġax” (jidħak) għax jien beżżiegħi meta niġi għall-uġigħ fiżiku.

L-uġigħ morali nissaportih imma dak fiżiku le. Jien beżżiegħi ħafna f’dan. Mhux li nibża’ minn titqiba imma nippreferi ma jkollix problemi bl-uġigħ fiżiku.

Tħossok taħt pressjoni?

Il-pressjonijiet jeżistu. Kull persuna fit-tmexxija tħossha ftit jew wisq taħt pressjoni. Bħalissa dak li qed itaqqalni l-iżjed hu l-ħafna xogħol li hemm. Għaddej b’ritmu qawwi ħafna ta’ xogħol. Jinġabru ma’ xulxin elf ħaġa u jitfaċċaw il-problemi. Imbagħad hemm il-problemi li joħolqulek, x’għedt u x’m’għedtx… Anki l-mezzi ta’ komunikazzjoni jaqbdu kelma u jeħduha barra mill-kuntest. Kontra dan l-għadu, m’għandek saħħa ta’ xejn.

Tieħu gost li jsejħulek il-Papa fqir?

Jekk wara jqiegħdu kelma oħra, allura iva. “Bniedem fqir”, ngħidu aħna (jidħak mill-ġdid u mill-qalb). Il-faqar hu fil-qalba tal-Vanġelu. Ġesù ġie biex jippriedka lill-foqra. Jekk tneħħi l-faqar mill-Vanġelu ma tifhem xejn minnu. Tkun neħħejtlu l-qalba tiegħu.

Mhix utopja taħseb li tista’ teqred il-faqar kollu?

Iva, imma l-utopji jgħinuna nibqgħu mexjin ’il quddiem. Hemm tlitt affarijiet li kollha għandu jkollna fil-ħajja: memorja, ħila li naraw il-preżent u utopja għall-futur.

Il-memorja ma rridux nitilfuha. Meta l-popli jitilfu l-memorja tagħhom tinħoloq it-traġedja kbira li jibdew jittraskuraw l-anzjani. Ħila ta’ ermenewtika quddiem il-preżent li ninterpretah u nkun naf lejn fejn għandi nimxi b’dik il-memorja, bl-għeruq li għandi u kif inħaddimha. Hawn qiegħda l-ħajja taż-żgħażagħ u tal-adulti.

U l-futur, hemm qiegħda l-ħajja fuq kollox taż-żgħażagħ u tat-tfal. Bil-memorja, bil-ħila li ngħixu l-preżent, tad-dixxerniment u l-utopja għall-futur, għax hemm jidħlu ż-żgħażagħ.

Għalhekk il-futur ta’ poplu jidher f’kemm jgħożż l-anzjani li huma l-memorja tiegħu u kemm jieħu ħsieb tat-tfal u ż-żgħażagħ li se jmexxuh ’il quddiem. Aħna l-adulti għandna nirċievu din il-memorja, naħdmuha fil-futur u nagħtuha lil uliedna.

Jekk naqta’ l-għeruq tiegħi u nitlef il-memorja, jiġrili dak li jiġri lil kull xitla, immut. Jekk ngħix biss il-preżent bla ma nħares għad-dawl tal-futur, jiġrili dak li jiġri lil kull amministratur iblah li ma jafx jagħmel pjanijiet. Dawn it-tliet ħwejjeġ iridu jmorru flimkien. Meta tonqos waħda, il-poplu jibda jintemm fix-xejn.

Liema hu l-agħar ħażen li qed jifni d-dinja llum?

Il-faqar, il-korruzzjoni u t-traffikar tal-persuni. Jista’ jkun li qed niżbalja fl-istatistika imma xi tweġibni jekk nistaqsik fuqiex qed imur l-infiq dinji wara l-ikel, il-ħwejjeġ u l-mediċina? Fir-raba’ post hemm il-kożmetiċi u fil-ħames l-annimali domestiċi. U dan hu gravi.

Għaliex dejjem ittenni “itolbu għalija”?

Għax għandi bżonn. Għandi bżonn li tweżinni t-talba tal-poplu. Hi ħtieġa qawwija li nħoss ġo fija. Irrid li l-poplu jweżinni bit-talb tiegħu.

Kif tixtieq li jibqgħu jiftakruk?

Bħala bniedem tajjeb. Ħa jgħidu: “Kien raġel tajjeb li fittex li jagħmel il-ġid”. Ma rrid xejn aktar.

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: