Home > Leħen is-Sewwa > It-tenur Paul Asciak

It-tenur Paul Asciak


Peter Paul Ciantar

M’għandix f’moħħi nikteb dwar il-karriera tat-tenur Paul Asciak li miet f’April li għadda. Xtaqt nirrakkonta biss  l-esperjenzi tiegħi ma’ dan it-tenur li qatt ma smajt f’ħajti vuċi ta’ saħħa kbira, iddamdam sala, daqs dik ta’ Pawlu Asciak kif konna nsejħulu aħna, il-ħbieb tiegħu.

Smajtu fis-sala tal-Iskola Sekondarja San Ġużepp, Raħal Ġdid, fejn iltqajt miegħu fil-bidu tas-snin 60 wara li kien lesta l-opra Otello fil-Ġonna tal-Argotti, il-Floriana. Kont nattendi l-iskola sekondarja msemmija fuq u hemm, bħala għalliem tal-mużika, kelli lis-Sur Paul Asciak, bniedem smart, b’libsa se ttir, samrani u daqsxejn (jekk mhux aktar) dixxiplinat.

Kien joqgħod Santa Luċija u kien jiġi l-iskola f’Raħal Ġdid bis-singer marun nadifa tazza.

Jien minn dejjem kont inħobb il-mużika u kont nafha wkoll xi ftit. Għaldaqstant kont qed inħares b’interess kbir lejn din l-ewwel lezzjoni tal-mużika. Naħseb l-uniku wieħed fil-klassi.

Waslet, daħal is-Sur Asciak u mill-ewwel intbaħna li mhux ‘taz-zija’. L-ewwel qatgħa li ħadt kienet li kien se jgħallimna l-mużika bl-Ingliż u mhux bit-Taljan kif kont naf jien. Meta kien qed jispjegalna t-temp mużikali sempliċi four four u kif jitħabbat, jien, pront pront qomt u għedtlu: “Mhux hekk, Sir. Is-Surmast Sammut iħabbtu differenti!” Is-Sur Asciak issoda u ma nafx x’qalli. Naf biss li gerfixtlu l-lezzjoni.

Wara l-lezzjoni s-Sur Asciak sejjaħli u fil-kuritur ħdejn il-bieb tal-klassi, b’leħen żorr qalli, “Darb’oħra ssemmix ismijiet”. Dak iż-żmien kont daqsxejn ta’ qarmuċu, mingħajr esperjenza, u tgħallimt lezzjoni għal ħajti. Din iżda kienet introduzzjoni biex Paul Asciak sar jafni u biha rbatna ħbiberija ta’ aktar minn 50 sena ħbieb kbar u tassew.

Malli mort id-dar u lil missieri għedtlu li s-Sur Asciak qed jgħallimna l-mużika, pront pront qalli li dak kien tenur b’vuċi qawwija u li kien għadu kif għamel l-opra Otello fil-Ġonna tal-Argotti. Dakinhar ma tantx fhimtu dan id-diskors.

Naħseb li Paul mill-ewwel intebaħ bl-interess tiegħi fil-mużika. Ressaqni għall-ewwel eżamijiet tar-Royal School of Music u kont qisni l-id il-leminija tiegħu fl-organizzazzjoni tal-kor tat-tfal tal-iskola. Darba minnhom, fuq il-palk tas-sala tal-iskola, wara prova tal-kant is-Sur Asciak newwel l-parti tal-pjanu lil Patri Caruso (Dumnikan li kien il-pjanista tagħna u lili kien jgħallimni wkoll ir-reliġjon) u talbu jakkumpanjah. Hu beda jkanta. Kien hawn li venven is-sala bil-vuċi tiegħu.

Waqt li qed nikteb dan l-artiklu nħares lejn id-diversi kwadri fil-kamra u wieħed minnhom hu dak tas-Sur Asciak fil-parti ta’ Manrico (Il Trovatore) iffirmat minnu u b’kitba sabiħa li tgħid: ‘Lill-ħabib Peter Paul Ciantar b’tifkira ta’ Paul Asciak 1985’.

Kien perfezzjonista

Ma ngħidilkomx kemm-il kartolina tal-Milied għandi tiegħu. Kollha fihom kitba personali għax kien iniżżel ukoll xi erba’ kelmiet. Kellu kitba sabiħa u preċiża minn dawk li ngħidu mpinġija. Ittri tiegħu għandi wkoll għax dejjem xtaq li l-bijografija tiegħu tkun preċiża kemm jista’ jkun. Allura kien jiktibli biex iżid jew inaqqas. Kien perfezzjonista.

U r-recordings tiegħu! Mamma tiegħi! Dejjem jibgħatli r-recordings. Wieħed fuq ieħor. Dan aħjar minn ta’ qablu.

Niftakar jgħidli li l-Perit Richard England se jagħmillu l-cover tal-LP il-ġdida u li dalwaqt ikolli kopja. Wara kompla jaħdem aktar f’dan il-qasam u ħareġ diversi recordings oħra fuq it-tapes u ġabarhom fuq CDs. Ma nafx kemm-il stedina għamilli u ċempilli. U ħa ngħidilkom, mhux stedina ta’ malajr, stedina li tispiċċa daqslikieku tieġ.

Niftakar sew il-wirja kbira li għamel fis-Sala Nicolò Isouard tat-Teatru Manoel li kienet tiġbor fiha memorji sbieħ tal-karriera brillanti iżda qasira tiegħu. Okkażjoni oħra tiegħu kienet it-tnedija tal-ktieb fil-Każin Malti.

Paul Asciak kien Pawlin kbir imsemmi għal dan il-kbir qaddis tal-ġnus. Paul beda l-għaqda Festi Esterni Pawlini li għadha ħajja. Dejjem tkellem miegħi dwar dan l-interess festiv Pawlin.

Kienet l-għaxqa tiegħu li meta kont immur nippreżenta l-marċi l-ġodda għar-recording tal-Banda La Valette kien pront jiġi ħdejja jfissirli r-ritratti u fl-aħħar iwissini biex ma nitlaqx niġri għax dejjem ikun irid li nieħdu grokk tal-festa flimkien. Hawn kont narah bi tbissima! Kien jgħidli grokk kultant tajjeb għall-qalb.

Meta kelli l-ewwel tarbija, Gabriella, ried li mmorru d-dar tiegħu Santa Luċija u hemm tani wieħed mill-isbaħ rigali. Paul baqa’ jsegwini bħala missier tal-familja u jistaqsini għat-tfal.

Biex tagħqad, jien kont (u għadni) ħabib taċ-ċeramista Gabriel Caruana u tal-iskultur Anton Agius li nzertaw ukoll ħbieb kbar tas-Sur Asciak. Ma nafx kemm xogħlijiet tagħhom esebixxa. Paul għamel żmien jieħu ħsieb il-wirjiet artistiċi u kien jorganizzahom b’mod l-aktar professjonali.

Is-Soċjetà tal-arti  

Meta s-Sur Asciak kien President tas-Soċjetà tal-Arti niftakru jgħidli li mal-ewwel ċans jagħti l-midalja tad-deheb’ l-iskultur Anton Agius. U meta Anton ingħatalu dan l-unur tas-Soċjetà, fl-2006, għamilt id-diskors tal-okkażjoni u s-Sur Asciak tgħidx kemm ħa pjaċir bid-diskors tiegħi. Jgħid ma’ kulħadd li kont student tiegħu.

U meta Paul kien Chairman tat-Teatru Manoel qalli: “Ara qis li jkollok bżonn, ċempilli”. Niftakar sew li kont għedtlu: “Paul, waqqaf orkestra taż-żgħażagħ fi ħdan it-Teatru Manoel biex ’il quddiem mużiċisti minn ħdan din l-orkestra jgħaddu għall-orkestra l-kbira”. Niftakru jgħidli li kien suġġeriment tajjeb u naf li twaqqfet.

Għax ħa ngħidilkom, minkejja li kien issa kiber fl-età madankollu kien għadu mimli enerġija. Ma tlaħħaqx miegħu. Jekk kien joħlom b’xi ħaġa żgur li kien iwettaqha.

Niftakru jgħidli: “Għandi żagħżugħ li qed inħarrġu fil-kant. ’Il quddiem inlaqqgħek miegħu”. Kien qed jirriferi għal Joseph Calleja. Il-mimmi t’għajnejh. U mat-Tenur Calleja laqqagħni u flimkien morna naraw opra Għawdex.

Darba Paul organizza lejla ta’ introduzzjoni fid-dar ta’ Joseph Calleja. Kien hemm il-ħbieb l-aktar intimi ta’ Paul Asciak fosthom dawk tal-Mellieħa u hawn it-Tenur Calleja kellu introduzzjoni mill-aqwa. Paul kien qalilna li jekk Joseph jibqa’ sejjer kif kien sejjer żgur li għad nisimgħu ħafna dwaru. U hekk sar għax illum it-Tenur Calleja (skoperta ta’ Paul Asciak) hu wieħed mit-tenuri l-aktar magħrufa fid-dinja operistika. Tenur li verament qed jagħmel isem lil pajjiżna.

Paul Asciak kien iżommni infurmat bl-iżviluppi u bis-suċċessi kollha li kien jikseb Calleja. Niftakru jagħtini l-ewwel recordings tiegħu għall-programm tar-radju u dawn b’għożża kbira għadhom għandi.

L-aħħar li kellimt wiċċ imb wiċċ lil Paul Asciak kien fil-Palazz tal-President, fit-13 ta’ Dicembru 2013, meta ngħata l-unur “Ġieħ ir-Repubblika”. Paul deher għajjien. Meta din is-sena stess, fit-28 ta’ Jannar, bgħattlu email u għedtlu li se nsellimlu fil-programm Għandi Pjaċir Nippreżentalek, fl-okkażjoni ta’ għeluq sninu, ma weġibni xejn lura. Tħassibt. Mhux soltu tiegħu. Miet ftit ġimgħat wara, fil-21 t’April. Kellu 92 sena. Hawn niżel is-siparju li fired il-ħbiberija ta’ bejnietna.

peterp@maltanet.net

 

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: