Home > Leħen is-Sewwa > Is-seħer ta’ Ideal

Is-seħer ta’ Ideal


J.M. Bonnici

5. PRIEST AND PEOPLEFil-parroċċi tagħna spiss tisma’ l-karba li naqsu l-vokazzjonijiet. In-nies kienu mdorrijin b’għadd ġmielu ta’ saċerdoti li jagħtuhom servizz. Illum spiss tisma’ b’parroċċi li fihom hemm numru żgħir ta’ saċerdoti u xi wħud mgħobbija bl-età. Dan hu dovut għal ħafna ċirkustanzi. Waħda minnhom hi l-kobor tal-familja. Ħafna vokazzjonijiet nibtu ġo familji numerużi. Ġeli fl-istess familja kien hemm iżjed minn vokazzjoni waħda. Daż-żmien rari ssib familji b’iżjed minn żewġt itfal.

Barra minn hekk, seħħet f’pajjiżna wkoll u qed isseħħ b’pass mgħaġġel bidla kulturali mnebbħa mis-sekulariżmu estrem li fiha iżjed diffiċli tinħass u tintlaqa’ s-sejħa. L-idea ta’ commitment għal ħajtek sħiħa llum donnha tbeżża’. B’danakollu, għalkemm ngħidu li naqsu l-vokazzjonijiet, dan il-fenomenu donnu issa waqaf u għall-aħħar snin donnu hawn medja kostanti ta’ vokazzjonijiet ġodda. L-età medja tas-saċerdoti kibret u għandna saċerdoti li qed jagħtu sehemhom b’ġenerożità għalkemm kibru fl-età. Il-ħajja pastorali llum saret iżjed kumplessa u teħtieġ iżjed attenzjoni u personnel f’diversi oqsma. Quddiem dawn il-problemi kollha, il-komunità Nisranija teħtieġ li tiġi sensibilizzata u tħoss din l-isfida li għandha quddiemha.

Preżenza

Il-preżenza tas-saċerdot fis-soċjetà Maltija kienet u għadha għajn ta’ ġid għall-poplu Malti. Fis-sena 2000 is-seminaristi tas-sena elfejn ħarġu ktejjeb Il-frott tagħhom jibqa’ miktub mill-Kanonku John Ciarlò li għal tmien snin kien l-Editur ta’ din il-gazzetta.

F’dan il-ktejjeb hemm tagħrif dwar erbatax-il saċerdot li taw sehem prezzjuż lis-soċjetà Maltija f’diversi oqsma. Dan il-ktejjeb is-seminaristi jiddedikawh lis-saċerdoti mhux magħrufa li matul is-snin wettqu l-ħidma tagħhom fl-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna u taw sehemhom għall-ġid tas-soċjetà Maltija.

Sentejn wara, il-Kapitlu tal-Katidral, biex ifakkar t-tliet mitt sena mill-konsagrazzjoni tal-Knisja Katidrali, ħa l-inizjattiva li joħroġ ktejjeb – għal darb’oħra miktub mill-Kanonku Ciarlò u Michael Galea – li fih taw tagħrif dwar sittax-il membru tal-kapitlu li spikkaw fil-kamp missjunarju, soċjali, karitattiv, edukattiv u kulturali fl-aħħar mitt sena. Dan sar għall-ġieħ tal-istorja u b’radd il-ħajr lill-Mulej li wettaq tant ġid fis-soċjetà Maltija permezz tas-saċerdoti.

Apprezzament

Il-poplu Malti fil-ġeneralità tiegħu japprezza l-preżenza u l-ħidma tas-saċerdot. U tajjeb li l-poplu Nisrani jiġi megħjun biex jifhem u japprezza s-sehem prezzjuż tal-preżenza u l-ħidma tas-saċerdot f’pajjiżna.

Naturalment, tiltaqa’ wkoll ma’ kritika fuq is-saċerdot u l-ħidma tiegħu. Hemm diversi forom ta’ kritika. Hemm il-kritika ta’ min għandu idea tant kbira tas-saċerdot li jippretendi żżejjed minnu u mhux dejjem jirrealizza li s-saċerdot hu bniedem ukoll. Hemm però wkoll l-antiklerikaliżmu li wieħed jinnota f’uħud, speċjalment fil-ġenerazzjoni żagħżugħa, li għalkemm forsi ma jiċħdux il-viżjoni tad-dinja li temmen u fadlilhom xi ħjiel ta’ prinċipji reliġjużi, ma jridux jafu bi prattika reliġjuża istituzzjonalizzata.

Dawn joffru sfida għall-ħidma tas-saċerdot illum li fuq l-eżempju tal-Papa Franġisku jrid jersaq lejn kulħadd – hu min hu – biex iwassal il-Ferħ tal-Vanġelu u jrid jagħmel dan bix-xhieda li jagħti f’ħajtu. Il-komunità Nisranija għandha tgħin biex toħloq klima li fiha l-ħidma tas-saċerdot tista’ tiġi milqugħa u jingħelbu l-preġudizzji li jtellfu għal dan.

 

Talb

Il-poplu Nisrani li jifhem u japprezza l-ħidma tas-saċerdot iħoss il-ħtieġa li jitlob u jaħdem biex din il-preżenza tibqa’ dejjem ħajja. Il-Knisja trid kontinwament taħdem biex tixgħel fost il-poplu l-entużjażmu għall-vokazzjonijiet saċerdotali u biex iħoss dejjem iżjed il-preżenza ta’ Kristu fostna fil-ħidma tas-saċerdoti.

Hemm diversi parroċċi li għandhom inizjattiva ta’ talb għas-saċerdoti. Fuq bażi djoċesana kull tieni Sibt tax-xahar issir adorazzjoni f’parroċċi differenti bejn id-9 u l-11 p.m. għal dan l-iskop. Imbagħad saċerdoti u lajċi jridu joħolqu atmosfera li fiha l-ideal ta’ ħajja saċerdotali jiġi ppreżentat liż-żgħażagħ tal-lum li jirċievu tant messaġġi oħra.

Hu ideal li meta jinftiehem għandu jsaħħar il-qlub. Is-seħer ta’ dan l-ideal – kif naraw għalkemm qalb id-diffikultajiet – għadu hemm u għadu jqanqal il-qlub taż-żgħażagħ biex jimxu warajh. Bit-talb u bil-ħidma – fuq kollox b’xhieda radikali ta’ ħajja Nisranija awtentika – il-poplu Nisrani jgħolli l-karba tiegħu lill-Mulej: Ibqa’ magħna Mulej bil-preżenza u l-ħidma tas-saċerdoti tiegħek fostna.

jmbonnici@lehenissewwa.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: