Home > Leħen is-Sewwa > Is-salib u l-iskandlu

Is-salib u l-iskandlu


Tanja Cilia

Bħal donnu tbissem…

Bħal donnu tbissem…

Min jaf kemm jingħataw rigali koroh u/jew strambi lill-mexxejja tal-pajjiżi u tar-reliġjonijiet. Jgħidu li darba tmiss il-Papa u din id-darba tabilħaqq li hekk ġara. Fil-mawra tiegħu fil-Bolivja, il-Kap tal-Knisja Kattolika ngħata Kurċifiss mingħand il-President Bolivjan, Evo Morales. Dal-Kurċifiss għandu għamla stramba, għax iwaħħad il-martell u l-minġel tal-komuniżmu mal-għuda tas-salib.

Daru d-dinja r-ritratti tal-Papa Franġisku jitkerrah meta ppreżentahulu Morales. Donnu ħadd ma ried iġib il-Papa jitbissem kif wieħed ġeneralment jagħmel meta jingħata rigal. F’pubblikazzjoni b’tendenzi Soċjalisti rajt il-Papa jitbissem hu u jilqa’ r-rigal fil-Palazz tal-Gvern f’La Paz fit-8 ta’ Lulju.

Skont il-Ġiżwita Federico Lombardi, il-kelliem għall-Vatikan, l-awdjo ma jiftiehemx. Kien hemm min sostna li l-Papa saħaq li dak id-disinn ma kienx wieħed “sew” iżda oħrajn qalu li l-Papa wera li ma kienx jaf li l-Kurċifiss kien ibbażat fuq disinn ta’ Espinal. Bl-Ispanjol, iż-żewg frażijiet jixxiebhu ħafna.

Issa smajna li Franġisku “ma ħax għalih” għax tawh dan is-Salib u ħadu miegħu l-Vatikan. Issa nistennew u naraw ikunx imdendel ma’ xi ħajt meta juru l-filmati ta’ “ġewwa”.

Laqatni l-fatt li dan kien Kurċifiss mhux sempliċi Salib kif forsi wieħed jistenna li jkun.

Morales spjega li dax-xogħol iddisinjah il-Ġiżwita Luis Espinal li nqatel fl-1980 għax kien attiv fil-moviment favur id-demokrazija fil-pajjiż. Hemm min qed isejjaħlu martri u jixtiequ li jkun mgħolli għall-qima tal-artali. Espinal kien “artist kreattiv ħafna” u għaldaqstant iddisinja dal-Kurċifiss bħala espressjoni tat-twemmin tiegħu fi żmien ta’ tensjoni u taqlib li kienu qed jgħixu fih. Dal-Kurċifiss, mela, ma kienx xi “interpretazzjoni Marxista tal-fidi” jew “ideoloġiku”.

Lombardi qal li n-nies għandhom jippruvaw jifhmu l-istorja li minħabba fiha Espinal sawwar il-Kurċifiss. Mhux lakemm inħarsu lejh u ngħidu “xi kruha!” jew “x’ħaseb li għamel dan, xi bravura?”, “il-Papa ta skandlu meta aċċettah” jew, l-isbaħ waħda li smajt, “dak Kurċifiss tal-Marxisti!”

Dan mhux l-ewwel Kurċifiss li qala’ ħafna kritika. Darba kien hemm wieħed minnhom li qala’ t-titlu ta’ “Ying Yang Cross”. Ingħad li kien hemm simbolu fin-nofs li jagħti lemħa lil dak is-simbolu, qisu ballun maqsum fi tnejn, li fil-filosofija Ċiniża juri kif il-forzi ta’ kontra xulxin fil-fatt huma kumplementari.

Kien hemm Kurċifiss li qalu li kien qisu serp. Ma ninsewx dak li ma kellux it-traversa dritta u  ġibed ħafna kummenti negattivi minn dawk li dehrilhom li mhux sew li “is-salib ma jkunx salib”.

Kull darba jingħad li minflok ma l-Knisja tipprova tikkonverti lin-nies, b’xi mod kienet qed iċċedi dan id-dmir sagrosant. Ma ninsewx li wara l-ħafna kliem fieragħ li “qishom” tal-qdusija jkun hemm ukoll aġenda ta’ opportuniżmu u politika. Minbarra li naqraw dawn l-ideat strambi rridu wkoll nixtarruhom sew u, fejn ma nifhmux, nistaqsu.

tanjacilia@hotmail.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: