Home > Leħen is-Sewwa > Intietef

Intietef


Emanuel Bartolo

Skużawni li l-Ħadd li għadda ma żammejtx l-appuntament tiegħi magħkom. Meta avviċinani l-Editur li d-diversi ittri li kont qed nibgħatlu kien se jibda jiġborhomli f’artiklu, għedtlu mill-ewwel li ma kenitx l-intenzjoni tiegħi li nikteb regolarment. Il-gost tiegħi hu li malli niltaqa’ ma’ xi ħaġa li tinteressa lil oħrajn inħażżeż ftit linji u nibgħathom lill-Editur għall-pubblikazzjoni.

Min-naħa l-oħra fhimt il-punt tal-Editur li ma jistax, kull ġimgħa, jippubblikali ittra jew tnejn meta, kif qalli, qed ikollu ħafna ittri għall-pubblikazzjoni u jixtieq jagħti spazju lil kulħadd.

Barra minn dan, nirringrazzja lil dawk li kitbu lill-Editur dwar ir-rubrika tiegħi u għamluli xi suġġerimenti fosthom li nżomm mat-titlu tar-rubrika “Intietef” billi nikteb ħafna aktar fil-qosor u allura dwar suġġetti diversi u biex kemm jista’ ikun nissustanzja l-kitba tiegħi b’ritratti u dokumenti.

Pellegrinaġġi jew divertiti għal Lourdes

Kont ma’ wieħed mill-ewwel gruppi li telgħu Lourdes għal suppost pellegrinaġġ ta’ ħamest ijiem. Qed ngħid “suppost” għax dawk li ħadu l-excursions kollha aktar kellhom ġiri ’l hinn u ’l hawn milli ħin għal talb u riflessjoni personali u fi grupp.

Temmnuni jekk ngħidilkom li biex dħalt fil-għar kelli ninżel għal rasi matul il-lejl għax l-għada li wasalna niżżluna (bħala grupp) fl-Għar fil-ħin li kien hemm quddiesa. Allura ma stajniex nidħlu fl-Għar billi ħin nistennew il-quddiesa tispiċċa ma kellniex għax ridna mmorru nżuru xi postijiet oħra f’Lourdes.

Jien nemmen li l-aġenziji tal-ivvjaġġar l-iskop ewlieni tagħhom hu li jagħmlu l-flus. Allura m’għandhomx jirriklmaw divertiti għal Lourdes bħala pellegrinaġġ.

U għaliex kważi l-aġenziji kollha qed jagħtuna minn sena għall-oħra l-istess postijiet fejn inżuru? Possibbli mhemmx postijiet oħra fil-viċinanzi fejn nistgħu mmorru? U fejn huma l-ġiti ta’ tlett ijiem, il-weekends, u l-possibbiltà li wieħed imur Lourdes għal rasu kif aġenzija ewlenija wegħditna minn fuq l-RTK is-sena li għaddiet?

Il-bejjiegħa matul il-promenade ta’ Buġibba

Is-Sibt li għadda erġajt mort mal-familja Buġibba u, bħas-soltu, wara l-quddiesa tas-7 p.m. fil-kappella ta’ San Massimiljanu Kolbe, morna l-pjazza għall-kunċert li ttella’ mill-Korp tal-Pulzija fl-okkażjoni tal-201 sena mit-twaqqif tal-Korp u mbagħad għall-ikel f’wieħed mir-ristornati fil-viċinanzi.

Skantajt mhux ftit fi triqtna għar-ristorant fejn kienu s-soltu bejjiegħa, eċċ. barranin tul il-promenade kollu ta’ Buġibba. Litteralment sparixxew mill-inħawi. Tgħid beżgħu mill-preżenza tal-pulizija li kien hemm? U jekk inhu hekk, għaliex? Għax bla permess? Għax qed ibiegħu jew joffru servizzi (bħat-tattoo) illegalment?

Pulizija, please take note, act and answer.

Grazzi għall-festi titulari

X’mentalità għadhom jaħsbu fiha ħafna mill-Kunsilli Lokali. Biex ikollna s-sinjali tat-traffiku fit-toroq miżbugħa trid tkun waslet il-festa titulari jew is-sekonda festa tal-belt jew raħal li jkun. Reċentement ċempilt l-uffiċċju tal-Kunsill tiegħi, dak tal-Ħamrun, u staqsejt lil min wieġeb it-telefon meta kienu se jiżbgħu ż-zebra crossings ta’ quddiem pjazza Fra Diegu. Meta jtajru lil xi ħadd?

Qaltli dalwaqt, sinjur. Għall-festa ta’ San Gejtanu se nduru t-toroq kollha!

U ma kellix għalfejn immur tant ’il bogħod għax din il-ġimgħa l-Kunsill Lokali ġar tagħna, dak ta’ Santa Venera, kien qed idur ukoll it-toroq kollha u jiffriska s-sinjali tat-traffiku. Grazzi għall-festi titulari. Bis-saħħa tagħhom qed ikollna sinjali tat-traffiku jidhru. Kellu bżonn għalhekk ikollna festi titulari u sekondi festi kull tlieta jew erba’ xhur. Kemm bejn wieħed u ieħor iddum żebgħa tajba tat-triq!

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: