Home > Leħen is-Sewwa > Il-Papa ried imur l-Amerika Latina biex jagħti kuraġġ lil Knisja żagħżugħa

Il-Papa ried imur l-Amerika Latina biex jagħti kuraġġ lil Knisja żagħżugħa


3. trip 4Waqt it-titjira lura lejn Ruma l-Ħadd filgħaxija, il-Papa Franġisku kellu s-soltu laqgħa mal-ġurnalisti. Hu qal li ried imur fil-kontinent ta’ twelidu biex jagħti kuraġġ lil Knisja żagħżugħa għax konvint li għandha ħafna x’tagħti lill-Knisja tal-inħawi l-oħra tad-dinja, speċjalment lill-Knisja fl-Ewropa, fejn in-nuqqas ta’ twelid hu tal-biża’. 

Il-Papa wera t-tama li l-Ewropa tagħraf toħloq politika ta’ għajnuna lill-familji.

Minkejja l-ġurnata li kellu u l-vjaġġ twil lura, il-Papa xorta waħda ltaqa’ mal-ġurnalisti u wieġeb madwar ħmistax-il mistoqsija dwar argumenti differenti. Uħud mill-mistoqsijiet kienu dwar il-vjaġġ u oħrajn dwar l-appuntamenti li għandu ġejjin fosthom dwar iż-żjara f’Kuba u fl-Istati Uniti u s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja.

Il-Papa spjega waqtiet diversi li permezz tagħhom reġgħu bdew ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi li se jżur f’Settembru. Hu tenna t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi u d-diffikultajiet tal-familji kif imfissra fid-dokument tal-ħidma tas-Sinodu.

Għall-ewwel tliet mistoqsijiet il-Papa wieġeb bl-Ispanjol u meta mistoqsi għaliex m’hemmx Kardinal mill-Paragwaj hu qal li jekk inħarsu lejn il-vitalità ta’ din il-Knisja u lejn l-istorja glorjuża tagħha, il-pajjiż jistħoqqlu żewġ Kardinali.

Dwar ix-xewqa tal-Bolivja li jkollha sbokk għall-baħar, il-Papa wieġeb li din hi kwistjoni delikata ħafna. Imbagħad tkellem dwar kif ġie interpretat politikament dak li qal fl-Ekwador.

Il-Papa Franġisku ħa spunt minn din il-mistoqsija biex għamel riflessjoni fuq l-interpretazzjoni tar-regoli, tbeżbiża ftit jew wisq lill-ġurnalisti kollha! Hu qal li diskors sħiħ m’għandux jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ sentenza waħda imma għandu jitqies fil-kuntest sħiħ tiegħu inkluża l-istorja li hemm warajh.

Wara dawn it-tliet mistoqsijiet mill-ġurnalisti tal-pajjiżi li kien żar, il-Papa kompla bit-Taljan u spjega l-laqgħa li kellu mal-Movimenti Popolari Dinjin li qed jorganizzaw ruħhom mhux biss biex jipprotestaw imma biex imexxu ’l quddiem il-ġlieda għad-drittijiet tal-foqra.

Dawn il-movimenti huma bosta fl-għadd u l-Knisja ma tistax tibqa’ indifferenti. Triq tiddjaloga magħhom permezz tad-duttrina soċjali tagħha. Dawn mhumiex xi gruppi anarkiċi għax huma ħaddiema. Il-Knisja mhux qed toħroġ idha għal xi għadu u mhix qed tindaħal fil-politika imma qed tħares lejn dan il-fenomenu mill-aspett kateketiku, iċċara l-Papa.

Il-Papa tkellem dwar il-kwistjoni tal-Greċja u dwar drammi u realtajiet tal-Amerika Latina, dwar il-Venezwela fejn il-Konferenza Episkopali qed taħdem biex iġġib ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u dwar il-Kolombja li għaliha stieden it-talb biex il-proċess ta’ paċi wara ħamsin sena ta’ kunflitti u mwiet jibqa’ għaddej.

Kulma qal il-Papa kien miżgħud b’kummenti qosra bħal meta qal li x-xarba tipika ta’ pajjiżu għenitu ħafna u għamilha ċara li hu ma ħax coca kif ħafna ħasbu. Battuta oħra kienet li meta ż-żgħażagħ jitolbuh biex jieħu selfie hu jħossu qisu l-bużnannu tagħhom. Madankollu, osserva l-Papa Franġisku, dan hu fenomenu kuturali tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

Fl-aħħar iċċara l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-rigali li ngħata mill-President Morales. Il-midalji ta’ onorifiċenza li ngħata baqgħu fil-Bolivja u se jittieħdu fis-Santwarju Marjan tal-Madonna ta’ Copacabana.

Dwar il-kurċifiss tal-injam fuq is-simboli komunisti, il-Papa qal li hu ma ħassx li din kienet offiża u żammu b’tifkira ta’ Patri Espinal, bniedem ġenjali u speċjali li ġġieled favur il-poplu tiegħu anki permezz “tal-arti ta’ protesta”.

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: