Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > L-Ewropa id f’id ma’ San Benedittu

L-Ewropa id f’id ma’ San Benedittu


Patri Mario Attard OFM Cap

Nhar is-Sibt 11 ta’ Lulju l-Knisja universali iċċelebrat il-Festa ta’ San Benedittu. Dan il-qaddis, li hu meqjus bħala missier il-monastiċiżmu tal-punent, għex bejn is-sena 480 u s-sena 543. Kif jista’ jkun li bniedem li għex daqstant żmien ilu ikollu daqshekk influwenza fuq il-Kontinent Ewropew?

Tul iż-Żminijiet tad-dlam fl-Ewropa, jiġifieri dawk iż-żminijiet li ġew wara l-waqgħa ta’ Ruma, imnalla kienu l-monaċi li, b’ħafna mħabba u dedikazzjoni, żammew u studjaw b’tant reqqa l-Kelma ta’ Alla, il-kitbiet patristiċi, ix-xogħlijiet tal-letteratura klassika u anki dawk xjentifiċi. Li kieku ma kienx għall-monasteri dawn it-teżori tal-fidi u r-raġuni kienu jintesew għal kollox. It-tradizzjoni monastika tal-Punent kienet imsejsa fuq ir-Regola Benedittina li ġiet imwaqfa fuq preċetti għall-għejxien fil-komunità taħt it-tmexxija ta’ abbati. Għal aktar minn 1,500 sena l-Benedittini, flimkien ma’ komunitajiet reliġjużi oħra madwar id-dinja, sejsu l-istruttura monastika tagħhom fuq din ir-regola.

Benedittu twieled f’familja nobbli Rumana fil-belt ta’ Norcia fis-sena 480. Qatta’ ħafna minn żgħożitu fil-belt ta’ Ruma. Aktar ‘il quddiem kellu jħalli Ruma biex jgħix il-ħajja ta’ eremit fil-muntanji ta’ Subiaco, belt żgħira fil-provinċja ta’ Ruma. Wara li rċieva s-sejħa biex jgħix fil-komunità fi struttura monastika San Benedittu ħalla Subiaco u erħielha lejn belt fin-naħa t’isfel jiġifieri Monte Cassino. Huwa qagħad f’din il-belt ma’ oħtu Santa Skolastika sa mewtu, jiġifieri sas-sena 543.

Nhar l-24 t’Ottubru tal-1964 l-Beatu Papa Pawlu VI, fl-ittra appostolika Pacis Nuntius, ipproklama lil San Benedittu bħala qaddis padrun tal-Ewropa. Il-Papa iddeskriva lil San Benedittu bħala “messaġġier tal-paċi”. B’din il-frażi l-Beatu Pawlu VI fisser lil San Benedittu bħala “nissieġ il-għaqda, għalliem taċ-ċivilizzazzjoni, u fuq kollox ambaxxatur tar-reliġjon ta’ Kristu u fundatur tal-ħajja monastika fil-Punent: dawn huma t-titli proprji ta’ tifħir mogħtija lil San Benedittu Abbati”.

Il-Beatu Pawlu VI issokta jfaħħar ix-xogħol siewi ta’ San Benedittu u ta’ dawk li ħaddnu l-ħolma qaddisa tiegħu. “Kien prinċipalment għalih u għal uliedu, li bis-salib, bil-ktieb u bil-moħriet mexxew l-iżvilupp Nisrani lill-ġnus imxerreda mill-Mediterran sa l-Iskandinavja, mill-Irlanda sal-pjanura tal-Polonja. Bis-salib, jiġifieri bil-liġi ta’ Kristu, huwa ta konsistenza u żvilupp għall-organizzazzjoni tal-ħajja pubblika u privata”.

Wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman il-kultura tal-Punent ġiet imħarsa fil-konfini tal-monasteri. Fil-Paci Nuntius il-Beatu Pawlu VI qal: “Bil-ktieb, jiġifieri bil-kultura, l-istess San Benedittu, li minnu ħafna monasteri jieħdu isimhom u l-qawwa tagħhom, bil-qawwa provvidenzjali salvaw it-tradizzjoni klassika tal-antiki fi żmien fejn il-wirt umanistiku kien qed jintilef. Kienu huma [il-monasteri Benedittini] li għaddewh bla mittiefes lil dawk li ġew warajhom u ġeddew l-kult tal-għerf”.

Il-valur li s-soċjetà Ewropeja tpoġġi fuq l-għeruq Benedittini tagħha seta’ jidher f’dawn l-aħħar għaxriet tas-snin meta, wara li l-monasteru ta’ Monte Cassino ġie imġarraf fit-Tieni Gwerra Dinjija, ġie kompletament restawrat. Fuq dan il-fatt Papa Pawlu VI ikkummenta hekk: “Dan nagħmluh bil-qalb kollha, intennu l-għemejjel ta’ ħafna mill-Predeċessuri tagħna, li personalment ħadu passi matul is-sekli lejn id-dedikazzjoni ta’ dan iċ-ċentru ta’ spiritwalità monastika li sar magħruf bil-qabar ta’ San Benedittu”.

San Benedittu jiddeskrivi r-regola li kiteb bħala “minima, sempliċiment gwida inizjali” (ara 73, 8). Madankollu huwa joffri gwida utli mhux biss għall-monaċi imma wkoll għal dawk kollha li qiegħdin ifittxu gwida fil-mixja tagħhom lejn Alla. Ir-Regola ta’ San Benedittu hija magħrufa ħafna fl-istorja tal-ispirtwalità monastika bħala waħda moderata, umana u mimlija dixxerniment bejn dak li hu essenzjali u dak li hu sekondarju fil-ħajja spiritwali. Mhux ta’ b’xejn li r-Regola tiegħu għadha iddawwal lil ħafna sal-ġurnata tallum!

Meta l-Beatu Pawlu VI ipproklama lil San Benedittu bħala qaddis padrun tal-Ewropa l-intenzjoni qaddisa u għaqlija tiegħu kienet li jagħraf ix-xogħol tal-għaġeb li l-qaddis kiseb permezz tar-Regola għall-formazzjoni taċ-ċivilizzazzjoni u l-kultura Ewropeja. Wara li l-Ewropa għadha kemm toħroġ minn seklu li ġerragħha minn fuq s’isfel kemm biż-żewġ Gwerer Dinjija li għaddiet minnhom u kif ukoll mit-tiġrif ta’ ideoloġiji kbar li ma kienux għajr utopji traġiċi l-Ewropa illum qiegħdha itterraq fit-tfittxija tal-identità tagħha. M’hemmx dubju li biex tibni għaqda ġdida u li ittul l-istrumenti politiċi, ekonomiċi u ġuridiċi huma mportanti. Madankollu l-Ewropa jeħtieġilha tgħaddi minn qawmien etiku u spiritwali li jaf il-ħajja kollha tiegħu mill-għeruq Insara tal-Kontinent tagħna. Jekk dan ma jsirx l-Ewropa qatt ma tista’ tinbena u wisq iżjed tieħu ruħ! Mingħajr din il-mixja essenzjali li l-Ewropa trid tagħmel l-Ewropew jispiċċa jaqa’ fin-nasba tat-tentazzjoni qadima li jipprova jifdi lilu nnifsu permezz tiegħu innifsu. Mhux din kienet l-utopja li, f’ħafna modi differenti fis-seklu 20 fl-Ewropa, bħalma kien qal San Ġwann Pawlu II fid-diskors tiegħu lill-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura tat-12 ta’ Jannar 1990, ikkawżat “ rigressjoni mingħajr preċedent fl-istorja turmentata umana”? Illum, waqt li bħala Ewropej nibqgħu infittxu b’qalbna kollha l-vera progress ejjew nisimgħu wkoll lir-Regola ta’ San Benedittu biex tkun id-dawl u l-gwida tagħna. Dan il-monaku kbir jibqa’ għalliem veru. Fl-iskola tiegħu aħna nistgħu nitgħallmu biex nikbru fl-umaniżmu tassew.

Jalla San Benedittu, li darba keċċa d-dlamijiet bid-dawl taċ-ċivilizzazzjoni Nisranija u fih idda d-don tal-paċi, issa jippresiedi fuq il-ħajja Ewropeja. Jalla bit-talb tiegħu din tiżviluppa u tissokta tikber fil-mod Nisrani tagħha!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: