Home > Leħen is-Sewwa > L-enċiklika Laudato Sì u l-Arċisqof

L-enċiklika Laudato Sì u l-Arċisqof


L-Avukat Tonio Borg

L-enċiklika Laudato Sì, it-tieni waħda ta’ Papa Franġisku, hi dwar l-ambjent. Iżda mhux biss. Il-Papa jisħaq fuq il-valuri tal-ħajja u l-importanza u t-tifsira ta’ kull ħlejqa li hi parti mill-ħolqien maħluq minn Alla.

L-enċiklika hi indirizzata lil kulħadd, lil kull persuna ta’ rieda tajba iżda kif kien mistenni l-Papa jispjega l-kunċett Nisrani tal-ħarsien tal-ambjent, il-ġlieda kontra l-konsumiżmu u l-ħela, ir-rgħiba għall-flus a skapitu tal-ambjent, l-importanza tal-bilanċ fil-ħolqien li ġieli jitkisser mill-bniedem li dejjem irid jagħmel proġetti li jirrendu u jirrendu malajr.

Jispjega kif meta jitħassar l-ambjent l-iktar li jbatu huma l-fqar, kemm individwi kif ukoll stati. Jekk ma nħarsux il-klima u nibqgħu nipproduċu gassijiet li bl-effetti tagħhom jgħollu it-temperatura madwar id-dinja u jogħla l-livell tal-baħar, ċerti pajjiżi żgħar bħall-gżejjer Maldives l-ewwel li jbatu u jbatu l-foqra li jaqilgħu x’jieklu mill-kosta u l-baħar.

Iżda l-Papa ma jieqafx biss fuq kunċett dejjaq tal-ambjent. Isaqsi kif jista’ wieħed iħares l-ambjent u l-ħlejjaq ta’ madwaru, jipprotesta meta jkun hemm ħolqien fil-periklu tal-estinzjoni jew proġett li se jgħarraq l-ambjent u l-ispazji li huma meħtieġa għall-bniedem imbagħad qajla jaħseb jew jinkwieta dwar il-qtil ta’, esperimenti li jsiru fuq embrijuni umani u l-qtil tad-dgħajfa f’ġuf ommhom.

Il-ħarsien tan-natura”, jgħid il-Papa, “mhux kompatibbli mal-ġustifikazzjoni tal-abort (para 120).

Kemm-il darba l-Papa jċanfar il-pajjiżi żviluppati talli ma tawx każ biżżejjed tal-ambjent u moħħhom kien fil-flus u qligħ malajr.“It-traġedja ta’ politika moħħa biss fir-riżultati immedjati, imwieżna wkoll mill-popli konsumisti, titlob li wieħed jipproduċi tkabbir fi żmien qasir. Biex iwieġbu għall-interessi elettorali, il-Gvernijiet mhux ħa jażżardaw malajr jurtaw il-popli b’miżuri li jistgħu jheddu il-livell ta’ konsum jew iqiegħdu f’riskju investiment barrani” (para178).

Dokumenti ħajja

L-enċikliki mhumiex dokumenti mejta iżda dokumenti li għandna nwettquhom fil-ħajja pubblika u fil-ħajja ordinarja tagħna. Il-Papa jħeġġeġ l-Insara biex jesprimu l-opinjoni tagħhom meta jkun hemm theddida għall-ambjent. Fil-fatt jgħid “hu bil-pressjoni tal-poplu u tal-istutuzzjonijiet li jiċċaqilqu l-Gvernijiet”.

Għalhekk l-enċiklika ma setgħetx tiġi f’mument aħjar f’pajjiżna. Proprju meta wħud attakkaw ir-Ragħaj Spiritwali tagħna għax, bħalma għamlu saħansitra Deputati tal-Gvern,  tkellem kontra żvilupp ta’ Univeristà minn kumpanija tal-kostruzzjoni Gordaniża fiż-Żonqor ta’ Wied il-Għajn. Kellu kull dritt l-Arċisqof isemma’ leħnu kontra l-qirda tal-ambjent bi proġett li jista’ isir band’oħra.

Din hi Knisja ħajja li lesta li tiġi kritikata anki jekk issemma leħinha. Bħalma l-Knisja f’Malta tkellmet kontra l-vjolenza, in-nuqqas tal-valuri u l-korruzzjoni fil-politika, għandha dritt sostnut issa anki minn kliem il-Papa li titkellem dwar l-ambjent. Għax l-ambjent hu magħġun mal-bniedem u meta dan jiġi traskurat ibati l-bniedem ukoll.

“Aħna m’aħniex Alla”, tgħid l-enċiklika, “l-art ġiet qabilna u ngħatat lilna. Dan jimplika reċiproċità repsonsabbli bejn il-bniedem u n-natura”.

L-enċiklika tidħol f’ħafna dettal. Ebda enċiklika qabel din ma kienet tant speċifika dwar l-ambjent. Ħafna drabi aħna l-Kattoliċi forsi sħaqna wisq fuq id-dnubiet tal-passjoni, tas-sitt kmandament. U m’hemm xejn ħażin f’dan. Iżda hemm dnubiet oħra forsi iktar gravi. L-indifferenza lejn t-tbatija u l-faqar u kif hemm ukoll fil-Katekiżmu tal-Knsija Kattolika l-isfreġji u l-isfruttar tal-ambjent għal skopijiet egojistiċi ta’ individwu jew tal-pajjiżi żviluppati. Iżda l-enċiklika tisħaq fuq it-trasparenza ta’ meta wieħed jiġi biex jikkunsidra proġett li se jolqot l-ambjent. Dawn huma kliem tal-Papa:“Studju bir-reqqa minn qabel tal-impatt ambjentali tal-inizjattivi intraprenditorjali u tal-proġetti jitlob proċess politiku trasparenti u sottopost għad-djalogu. Waqt li l-korruzzjoni bil-favuri spiss twassal għal xorta ta’ ftehim stramb li jippruvaw jaħarbu milli jinfurmaw lill-pubbliku jew minn dibattitu iktar fil-fond”.

Effiċjenza u immedjat

Il-Papa jħeġġeġ lill-politiċi biex ma jimxux mal-kurrent u ma jwieġbux għal-loġika tal-ekonomija u tal-politika tal-lum li tfittex l-effiċjenza u l-immedjat.“Jekk isib il-kuraġġ li jagħmel dan”, tgħid l-enċiklika,“il-politiku jkun jista’ jagħraf mill-ġdid id-dinjità li Alla tah bħala persuna u wara żmienu f’din l-istorja jkun ħalla xhieda ta’ responsabbiltà ġeneruża”.

Altru mela minn Knisja fis-sagrestija, imbeżżgħa u mrekkna fis-silenzju! Iżda Knisja li tgħallem bil-ħlewwa u bla kruċjati u kundanni iżda bla sarima ma’ ħalqha li tista’ tipproklama, tiggwida u tidderieġi dwar dak li hu tajjeb u ħażin anki fl-ambjent. U dan, kif qal l-Arċisqof Scicluna, tagħmlu hi stess bl-eżempju tagħha tant li l-Knisja f’Malta qed tikkunsidra mill-ġdid kull żvilupp, proposta, minn xi entità ekklesjastika barra miż-żoni ta’ żvilupp.

Ħadd ma jsir mexxej biex igawdi ħajja paxxuta. Kull min fid-dinja ġġieled favur ambjent qalgħaha fuq rasu u ġie mpinġi bħala għadu tal-progress u l-izvilupp. Uħud bħall-membri tal-Greenpeace saħansitra mietu fi New Zealand fl-1995 meta ġiet attakkata b’bomba l-lanċa li biha kienu se jipprotestaw kontra splużjonijiet nukleari minn Franza.

Kif allura bħala Nsara nistgħu nibqgħu siekta u ġifa quddiem żviluppi żbaljati? Għamlu sew il-Ġiċwiti li pprotestaw kontra l-bini ta’ shooting range b’investiment Russu bieb ma’ bieb mad-dar tal-irtiri tagħhom.

Inħarsu lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu. Kif dejjem jgħid il-Papa, in-Nisrani ma jistax jagħti eżempju bix-xandar tal-aħbar it-tajba jekk ikun dejjem bin-nervi u b’wiċċ Laskri. Anzi dawn il-problemi għandna bħala Nsara narawhom bħala sfida. L-Arċisqof mexxa bl-eżempju. Aħna rridu nagħmlu l-istess.

tonio.borg57@gmail.com

CALL OUT

Il-Knisja f’Malta qed tikkunsidra mill-ġdid kull żvilupp, proposta, minn xi entità ekklesjastika barra miż-żoni ta’ żvilupp

CAPTION

Il-Papa ħeġġeġ il-politiċi biex ma jwieġbux għal-loġika tal-ekonomija u tal-politika tal-lum

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: