Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Ixrob ħafna ilma!

Ixrob ħafna ilma!


Patri Mario Attard OFM Cap 

Darba minnhom kont miexi fil-kuritur tal-Isptar. Waqt li kont miexi ġie jilħaqni tabib. U, ta’ żewġt iħbieb li aħna bdejna taħdita flimkien.

F’mument minnhom dort lejh u għedtlu: “Dott! Kien hawn familja tgħidx kemm faħħritek miegħi! Apprezzaw ħafna għall-mod sabiħ li int ħadt ħsiebhom”. Fuq wiċċ it-tabib dehret tbissima ta’ rikonoxxenza. “Dak dover tagħna”, qalli. “Int saħħtek kif inhi?” “Issa aħjar Dott!” issuktajt jien. “Sentejn u nofs ilu għal naqra ma’ mortx għand il-Mulej bla ħsieb!” “Tassew?” weġibni maħsud. “Mela x’ġaralek?” “Għandni myeloproliferative disorder ”, komplejt jien. “F’daqqa waħda telgħuli żewġ blood clots għal qalbi u mnalla mort l-Isptar minnufih għaliex li kieku illum taħt it-trab! Kellhom jagħmluli żewġ molol”. “X’mediċina tawk?” reġa’ staqsieni b’interess ġenwin ta’ tabib ġentlom. Wara li għedtlu qalli b’insistenza ta’ wieħed li tassew iridli l-ġid: “Ixrob ħafna ilma!”

Kelmet it-tabib daħlet ġewwa fija. Ħassejtha tissfronda ċ-ċinta li hemm madwar qalbi u tinfidhieli. “Ixrob ħafna ilma!” Patri, kun onest, int tassew qiegħed tixrob ħafna ilma? Il-ħmura li għandi fuq wiċċi bħalissa qiegħdha tikxifni. Le! Minix nixrob biżżejjed. Mela l-Mulej, permezz ta’ dan it-tabib umli u ta’ ħila, qiegħed itawwali jiemi fuq l-art. Qiegħed jagħtini parir siewi, li jaf jiswieli aktar ħajja jew mewta zopptu. Kollox jiddependi jekk nimliex flixkun tal-ilma u nikkorda tazza miegħu ħalli, minn ħin għall-ieħor, inferra’ u nixrob. L-ilma! X’qawwa għandu! Iħoll id-demm li jkun mejjet biex jgħaqad. Bħalma hu demmi!

Jiena u nħammem fuq dawn il-kelmtejn dehbija ħerġin minn tabib misjur bl-esperjenza fil-mediċina u, fuq kollox, immexxi mill-imħabba kbira li għandu lejn il-morda, wasalt għall-konklużjoni li l-ilma għandi bżonnu mhux biss għal ġismi! Anzi, l-ewwel u qabel kollox, ninħtieġu daqs il-ħobż għal ruħi! Mhux l-ewwel darba li nsibha iġġamjatha. Ipparalizzata! Biex? Meta tinqata’ mid-Dielja li hu Ġesù! U mela jiena, il-Patri, mhux bilfors niġġamja jekk ma nitlobx? Mhux bilfors nitlef id-direzzjoni? Kif ninduna? Meta nibda’ nagħmel dak li għandi nagħmel bit-tqanżiħ! Nagħmlu għax ta’ bilfors! Nidħol fir-rutina! Insir skjav tad-drawwiet! F’kelma waħda nibda’ l-proċess tal-mewt.

Meta nsib ruħi f’din il-qagħda tal-biża’ aqta’ x’nagħmel? Naqbad is-CD Abba Pater ta’ San Ġwann Pawlu II u nibda’ nismagħha. U ħa ngħidilkom l-ilma jibda’ dieħel minn ġo widnejja, rasi, ħalqi u kullimkien! Imma fuq liema ilma ħej qiegħed nitħaddet? Fuq l-Ispirtu s-Santu! Meta nisma’ dik is-CD l-istess Spirtu s-Santu li ħakem il-ħajja ta’ San Ġwann Pawlu II jibda’ jaħkem lili wkoll! Kemm kien jitlob bil-qalb il-Papa Pollakk hux! Kemm kien jemfasizza kull kelma li kien jitlob! Anzi, kemm kien jifhem kull kelma li kien ilissen! Qisha hi biss teżiżti! Qisha l-fidi tiegħu kienet miġbura fiha biss! Kemm noħroġ aħjar kull darba li nismagħha dik is-CD! Nerġa’ nimtela’ b’kuraġġ ta’ sur! Għax filli inkun mejjet għall-qatra u b’dik is-CD insir jiena stess xmara ta’ ilma li ssaqqi lill-oħrajn!

Mela, meta bħali tkun qiegħed tmut bil-għatx għax tibda’ taqta’ qalbek milli tkompli tagħmel il-ġid tikkonfondi xejn. Oqgħod bilqiegħdha. U minn qalbek dur lejn l-Ispirtu s-Santu u itolbu b’imħabba kbira l-kliem is-salm 63:

Spirtu s-Santu! Alla, Alla tiegħi int! Lilek ħerqan infittex! Ruħi bil-għatx għalik, għalik imxennaq jiena, bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. Għalhekk qiegħed nitħaddet miegħek Mulej biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek. Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; ngħolli idejja u nsejjaħ ismek. Miegħek tingħaqad ruħi, int tweżinni bil-leminija tiegħek! Amen.

 Wara li minn qalbek tgħidlu dan il-kliem oqgħod ftit fis-skiet. Imbagħad qum u issokta ikkumbatti. Ir-riżultat jibda’ jidher! Mela kuraġġ! Meta tħossok tmut bil-għatx tal-qtiegħ il-qalb aqtgħu billi issejjaħ lill-Ispirtu s-Santu! Ixrob minnu għax Hu jaqtagħlek l-għatx li hemm fik!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: