Home > Leħen is-Sewwa > Dmir il-ġenituri

Dmir il-ġenituri


J.M. Bonnici

Waħda mill-kliem li tintuża spiss illum – speċjalment mill-klassi politika – hi konsultazzjoni. Hi kelma li tfisser ħafna u li meta tissarraf tajjeb tgħin ħafna għat-twettiq tad-demokrazija.

Sfortunatament mhux dejjem isir hekk. Ġieli tintuża għall-konvenjenza jew bħala għodda ta’ propaganda partiġġjana. Għax bħalma l-kelma tisma’ tista’ tfisser to hear jew to listen, hekk il-kelma konsultazzjoni meta tiftiehem ħażin tista’ tfisser to take note of  inkella meta tiftiehem tajjeb tfisser li tiżen sew dak li jingħad jew jinkiteb u tieħu konsiderazzjoni tiegħu b’mod li tkun dispost tbiddel jew ittejjeb l-ideat tiegħek.

Ma nistgħux ngħidu li f’żewġ liġijiet li għaddew f’pajjiżna dan l-aħħar inħasset is-sensazzjoni li saret konsultazzjoni.

Konsultazzjoni

Fuq il-liġi taċ-ċittadinanza ma kien sar l-ebda diskors fuqha qabel l-elezzjoni. Tħabbret wara. Kien hemm ħafna diskors fuqha u mhux kollha żgur motivati politikament.

Ma tieħux l-impressjoni li dak li ntqal ttieħed ħafna f’konsiderazzjoni.

L-istess dwar l-adozzjoni tat-tfal mill-koppji gays. Fil-programm elettorali tal-Partit fil-Gvern kien hemm dwar l-unjoni ċivili imma ma kienx hemm id-dritt tal-adozzjoni. Tfassal abbozz ta’ liġi minn grupp ta’ LGBT li daħħal dan id-dritt.

Kien hemm diversi ilħna li wrew tħassib dwar dan imma kollox baqa’ kif kien. Meta jiġri hekk tintilef il-fiduċja fil-konsultazzjoni u ċ-ċittadin jibda jaqta’ qalbu li jsemma’ leħnu għax jirraġuna li hekk jew hekk kollox se jibqa’ kif tfassal.

Dan l-aħħar kien hemm il-liġi dwar il-gender. Liġi li lanqas hi korroborata mill-esperjenza ta’ pajjiżi oħra. Kien hemm min esprima riservi fuq punti anki mil-lat tekniku. Kollox baqa’ bħalma kien u issa, milli jidher, anki l-Gvern stess induna li hemm bżonn emendi.

Minoranzi

Mhux biss, l-ideat li ma jaqblux ma jiġux mogħtija l-kunsiderazzjoni li tixirqilhom imma ssir pressjoni morali fuq min ma jaqbilx. Wara l-vot fuq l-unjoni ċivili min ma baxxiex rasu għal kollox u vvota favur il-liġi tal-adozzjoni b’kollox sab folla ostili tilqgħu meta ħareġ mill-Parlament.

Fit-Times of Malta tas-26 ta’ Ġunju kien hemm artiklu interessanti ta’ Vanni Xuereb intitolat Do minorities really rule? L-artikolista ddikjara ċar u tond li hu favur il-policy document dwar il-gender propost għall-iskejjel imma jħoss li l-ġenituri għandhom jittieħdu on board u mhux jiġi qisu impost fuqhom. It-titlu tal-artiklu hu diġà interessanti.

L-artikolista jixtieq li titneħħa l-idea tat-tyranny of the minorities u jkun ċar li l-ebda minoranza ma qed tipprova tjassar lis-soċjetà għal dak li taħseb hi. Bħalissa din hi l-perċezzjoni.

Il-grupp LGBT bil-lobbying aggressiv tiegħu – megħjun minn organizzazzjoni internazzjonali – qed isir arroganti u f’soċjetà li trid issir dejjem iżjed inklużiva qed tittieħed attitudni li teskludi u twarrab lil kull min ma jaqbilx magħhom.

Drittijiet

Fl-istess ħarġa tat-Times kien hemm artiklu intitolat Human rights and dignity tal-Professur Patrick Pullicino, professur ta’ clinical neurosciences fl-Università ta’ Kent. Mhux bilfors kulħadd jaqbel ma’ kull ma ntqal fl-artiklu tiegħu imma żgur li l-artiklu jqajjem punti ta’ nteress li ta’ min jaħseb fuqhom.

L-artikolista jgħid li the freedom we value so highly is not freedom at all. It causes us to demand ‘rights’ that are not real rights. Jitkellem fuq il-liġi tal-gender li għaddiet b’vot unanimu mill-Parlament. Vot unanimu ma jfissirx li kulħadd ivvota favur.

Min kien preżenti dak il-ħin approva l-liġi. Jista’ jkun li kien hemm min ma marx apposta biex ma jivvotax favur imma ma kellux il-kuraġġ minħabba konvenjenza politika u minħabba l-pressjoni morali tal-lobbying jieħu pożizzjoni kontra.

Il-Professur Pullicino fl-artiklu tiegħu jgħid li l-politiċi tagħna li qed japprovaw the new mythical gender ideology qed ikissru s-soċjetà li huma ġew eletti biex jiddefendu. Jgħid li qed jittradixxu l-proċess demokratiku li bih telgħu fil-Parlament, lid-dinjità tagħhom u dik tal-uffiċċju tagħhom.

Hu dmir il-ġenituri – speċjalment dawk li għażlu edukazzjoni għall-uliedhom fl-iskejjel tal-Knisja – li jqumu fuq tagħhom u jiddefendu d-drittijiet tagħhom u lil uliedhom.

jmbonnici@lehenissewwa.com

Categories: Leħen is-Sewwa
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: