Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Issemmix divorzju!

Issemmix divorzju!


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-kwistjoni tad-divorzju saret parti, jew aħjar, waħda mill-punti ewlenin mhux biss tal-bullettini tal-aħbarijiet imma wkoll tat-taħdit tagħna ta’ kuljum. Kemm ilu li l-Mulej ikkonsagrani saċerdot qatt ma niftakar li suġġett ġie daqshekk mitħaddet. Nifhem l-għaliex l-aħwa. Għaliex il-Mulej li ħalaqna, u li lilu ġurnata jiena u int għad irridu nagħtu kont tal-għażliet li nkunu wettaqna fil-ħajja, qalilna ċar u tond fil-Kelma tiegħu: “‘Għax jiena d-divorzju nobogħdu’, jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael” (Mal 2, 16). Jekk trid takkużani li qiegħed inbeżżgħek bil-babaw jiena ngħidlek li hekk jgħid il-Mulej Alla f’Kelmtu. Mela, jekk tħossok tibża’ jew mhedded irranġa miegħu għax Kelmtu din mhux kelmti!

Minħabba li issa l-kwistjoni tad-divorzju ġiet politiċizzata, il-poplu tagħna kompla jinqasam. U l-qasma tista’ tħossha b’idejk u taraha b’għajnejk. Il-ħasra hi li kieku noqgħodu naqra bilqiegħda u naraw fuqhiex erġajna nqasmna minn xulxin, il-kwistjoni fiha nnifisha suppost iżjed għandha tgħaqqadna bħala pajjiż wieħed. L-aħwa, qiegħdin nitkellmu fuq il-familja tafux! Fuq dik iċ-ċellula bażika tas-soċjetà tagħna li mingħajrha int u jien m’aħniex fejn qiegħdin illum! Li kieku l-ġenituri tagħna ma għamlux sagrifiċċji kbar biex irabbuna, jagħtuna edukazzjoni mill-aħjar, jakkumpanjawna f’kull stadju ta’ ħajjitna, u, jekk mhux ukoll, qiegħdin issa jrabbulna lill-uliedna, għaliex b’paga waħda ma nlaħqux, għiduli x’sar minna? Jekk jiena qiegħed nagħraf li mingħajr l-għaqda tal-familja ma mxejtx f’ħajti x’kuxjenza jrid ikolli li nċaħħad lill-ħaddieħor milli jgħix dak li għext jien? X’kuxjenza jrid ikolli li ngħid IVA għad-divorzju? Nista’ qatt inpoġġi rasi fuq l-imħadda fis-sliem meta niftakar li bil-vot tiegħi jiena mort direttament kontra t-tagħlim ta’ Kristu u ġibt fuq ħafna familji Maltin u Għawdxin tbatija kbira? Mhux għerf li nobdi lil Kristu? U min hu għaref l-iżjed il-bniedem jew Alla? Ejjew inkunu sinċieri!

Din il-kwistjoni tad-divorzju qiegħda tqajjem xebgħa biża’ issemmix! Dan l-aħħar iċċelebrajt tieġ u rajt kemm il-biża’ mhux biss iġġib paniku imma wkoll tneħħilna l-ferħ li ngħixu dawn il-mumenti daqshekk sbieħ f’ħajjitna. Milli jidher f’din il-familja kien hemm opinjonijiet diversi, pjuttost ixaqilbu iżjed lejn l-introduzzjoni tad-divorzju f’artna. F’dak il-jum stess tat-tieġ, sewwasew filgħodu, irċevejt telefonata mingħand l-għarusa fejn din qaltli, imriegħdha għall-aħħar: “Father, jekk jogħġbok issemmix divorzju waqt l-omelija għax hemm min hu mweġġa’ u ma rridux li jinqala’ l-inkwiet. Lanqas nixtiequ li minħabba din il-kelma ikun hemm xi nies joħorġu ‘l barra mill-Knisja”. Skantajt b’dan il-kliem. U pront pront weġibtha: “Oħti, dan il-biża’ kollu għalfejn? Mela ma tafx x’inhi x-xewqa ta’ Alla għall-familja tiegħek?”

Xi kwarta wara oħt l-għarus bgħatitli messaġġ fuq il-mowbajl fejn qaltli biex ma nsemmix il-kelma divorzju waqt iċ-ċerimonja tat-tieġ. Il-pressjoni bdiet tiela’. Bdejt nistaqsi lili nnifsi iniex naqra sewwa dak li kien qiegħed jintbgħatli. Dort lejn il-Mulej u tlabtu: “X’se nweġibha Mulej?” U l-kliem li poġġieli f’qalbi kien dan: “Fejn hi l-fidi tiegħek?” Ktibt dan il-messaġġ u bgħattulha minnufih.

L-istorja ma waqfitx hawn. Fettilli niċċekkja l-email tiegħi u araw x’messaġġ daqshiex kien hemm jistennieni. Messaġġ li ġie minn oħt il-għarus, li intbagħtli l-jum ta’ qabel, u li meta qrajtu ħallieni bla kliem. It-titlu tiegħu kien: “It-tieġ ta’ ħija”. It-test kien jgħid hekk: “Nispera li tinsab mhux ħażin. Jalla l-Bambin ikompli jżomm idejh fuqek għax is-soċjetà għandha ħafna bżonnok. Fr Mario, bħalma taf għada inti żżewweġ lil ħija u l-għarusa tiegħu. Qaluli biex ngħidlek biex fl-omelija u waqt il-quddiesa ma jissemmix is-suġġett tad-divorzju. Taf inti bħal issa qegħdin fil-peak tar-referendum u min għandu opinjoni u min oħra. U, bħall-elezzjoni ġenerali, tibda’ tibża li ma jmurx jinqala’ xi argument. Fuq kollox li ma jmurx ikun hemm xi ħadd mill-mistednin li jeħodha personali u, allaħares qatt, jitlaq ‘il barra mill-knisja jew inkella imur fis-sala u bid-drink li jkollu f’rasu jinqala’ xi argument. Nispera li tifhem x’qed nipprova ngħid. Grazzi Fr Mario, u, jekk Alla jrid, narak għada. Berikni.”

L-istorja issuktat l-aħwa. Waqt li kont qiegħed inqaddes il-quddiesa ta’ nofsinnhar, il-mowbajl beda’ jivvibra. Kif temmejt il-quddiesa nsib dan il-messaġġ, mill-ġdid minn oħt l-għarus: “Mulej aħfirli. Jiena midinba”. “Niżik ħajr Mulej!”, għedt jien x’ħin qrajtu. Kien għad fadal l-aħħar intopp x’jintrebaħ. Ix-xuffier wassalni daqs tlett kwarti qabel il-quddiesa. Għall-grazzja ta’ Alla, kelli ċ-ċans kollu nirrifletti tal-aħħar fuq din is-sitwazzjoni imċaqalqa. Daqs kwarta qabel, l-għarus daħal fis-sagristija, ġie fuqi, u qalli b’ton kemxejn imbeżża’: “Father, jekk jogħġbok issemmix divorzju” “Ħalli f’idejn Alla ħabib!”, weġibtu jien, hekk kif taptaptlu tnejn fuq spalltu l-leminija.

Meta ġejna għall-quddiesa, il-Mulej taha xebgħa lid-divorzju mingħajr ma biss issemma’ ismu. Mela, li tgħid lill-koppja li ż-żwieġ tagħhom huwa permanenti u stabbli mintix qiegħed tammetti li d-divorzju hu ħażin u għalhekk m’għandux jidħol? Mela, li tgħid li taħsibha bil-mod kif Kristu jaħsibha fuq iż-żwieġ u l-familja mintix tgħid ukoll li d-divorzju m’għandux post fil-familja? Mela, li tgħid li taħfer u tinsa’ m’intix tgħid li fil-familja m’hemmx lok għall-firda li d-divorzju żgur li jġib miegħu? Mela, li tistħaqq fuq it-talba ta’ Sara: “Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, u jalla nixjieħu t-tnejn flimkien f’saħħitna” (Tob 8, 5-10) m’intix tgħid li l-koppja għandhom jibqgħu flimkien sal-mewt u li qatt m’għandhom jinfirdu bid-divorzju? Fuq kollox, il-kunsens taż-żwieġ m’huwiex minnu nnifsu kritika u kundanna kbira għad-divorzju? Mela, x’inhi l-problema li d-dnub ma nsemmuhx b’ismu? Minn xiex qiegħdin nibżgħu l-aħwa?

Filwaqt li qagħadt b’seba’ għajnejn li ma nsemmix il-kelma divorzju imma dak li l-Mulej tani biex ngħid fl-omelija u anki fir-rit taż-żwieġ innifsu, għedtu minn qalbi u fissirt sal-inqas kelma li tkellimt u li qrajt. Kull kelma li ħarġet minn fommi kienet LE daqshiex kontra d-divorzju u IVA daqshiex favur iż-żwieġ stabbli u permanenti! Filwaqt li nifhem l-uġiegħ ta’ ras ta’ dawn ħuti li xtaqu li jum daqshekk importanti f’ħajjithom imurilhom kollox ħarir jiena għandi xi mistoqsijiet x’nagħmel. Għalfejn dejjem il-Mulej għandu jmur min taħt? Mhux hu kien li qal li d-divorzju jobgħodu? Għalfejn għandna naħbu l-kelma tiegħu? X’raġun għandu mistieden li, għax ma jaqbilx mad-divorzju, jitlaq ‘il barra mill-Knisja waqt li jkun mistieden għal tieġ jew li, bl-iskuża tad-drink, jieħu l-opportunità biex jaqla’ ħafna nkwiet f’sala? Xi dritt għandu? Dan kollu jurini kemm f’Malta, għalkemm ħafna huma dawk li qiegħdin jirċievu l-edukazzjoni terzjarja, imma, u dan ngħidu b’dispjaċir, għandna ma kbirniex! Għadna boloh! U dan ngħidu għax konvint. Hija bluha li tħalli lil ħaddieħor imexxik minn imnieħrek u jieħdok fejn, wara żmien, tirrejalizza li qatt ma ridt li tkun. Hija bluha meta ma tafx tieqaf fuq saqajk, u, wara li b’sinċerità, tara l-verità oġġettiva, twarrabha xorta waħda u tispiċċa tagħżel il-qerda għalik u għal ħutek Maltin u Għawdxin. U tagħmel dan frisk bħal ħassa! Qisu mhu qiegħed jiġri xejn. U, fuq kollox, hija bluha grassa li se tmur direttament kontra t-tagħlim ta’ Kristu fuq iż-żwieġ u l-familja. Għad jiddisjpaċik jekk twebbes qalbek!

Dan mhuwiex diskorsi. Dan huwa diskors ta’ dak li int u jien niftaħru li nħobbu! “Imma kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lill-bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha!” (Mt 7, 26-27). Bid-divorzju se jkollna ramel u qerda għax din il-pjaga soċjali u morali hija frott il-bluha. L-għażla f’idejna.

Imma aħna s-saċerdoti għandna d-dmir sagrosant li niddefendu liż-żwieġ u l-familja kif riedhom Alla l-Missier u Ġesù Kristu Ibnu u Ħuna. Fin-Nota Duttrinali u Pastorali maħruġa mill-Isqfijiet tagħna dwar l-impenn u l-imġieba tagħna s-saċerdoti fir-rigward taż-żwieġ u l-familja, iħeġġuna u jwissuna bil-kbir u bla kantunieri: “Il-Knisja għandha responsabiltà li ddawwal il-kuxjenza tal-Kattoliċi u ta’ dawk li qegħdin ifittxu l-verità ħalli jsibu u jgħixu l-viżjoni Nisranija tal-bniedem u tas-soċjetà fl-impenji tagħhom ta’ kuljum, kemm personali, kif ukoll dawk soċjali. Il-Knisja tagħmel dan billi toffrilhom raġunijiet validi u tagħlim imdawwal mill-fidi biex kull bniedem jgħix ħajja li tkun tixraq lid-dinjità tiegħu f’relazzjoni mal-oħrajn. Il-Knisja dejjem kellha u għandha għal qalbha l-familja. Hija fid-dmir li tagħti s-sehem tagħha fejn tidħol il-familja għall-istess ġid tal-miżżewġin, tal-ulied u tal-istess soċjetà”.

Għażiż ħija fis-saċerdozju, semmi kemm tiflaħ s-sbuħija taż-żwieġ u l-familja fl-istabbiltà u l-permanenza tagħhom! U, f’dan id-dawl, semmi ukoll il-kruha u l-qerda li ġġib magħha l-bluha tad-divorzju!

Nixtieq nagħmillek kuraġġ bl-email li irċevejt l-għada tat-tieġ mingħand oħt l-għarus. Inħeġġek li bħali, qabel tagħmel l-omelija, titlob lill-Ispirtu s-Santu man-nies ħalli jmexxik Hu f’dak li jurik li għandek tgħid. Ħija, imexxik ta’ veru! Dak Alla! Dan li se taqra issa, mill-A saż-Żeta, huwa l-effett ta’ xogħlu. “Grazzi Mulej li ftaħtli għajnejja u ħriġtni mid-dalma ta’ biża’ li ħakmitni. Mulej irħejt f’idejK u tlabtek li tmexxi Int. Kemm kont belha li ddubitajtek Mulej! Prosit Fr Mario tal-quddiesa sabiħa li kkonċelebrajt lil ħija u lill-għarusa tiegħu. u prosit tal-priedka! Xi ġmiel ta’ kliem! Il-messaġġ wasal pulit :)”.

Semmih id-divorzju Father. Ippriedka kontrih. Anki bil-pulit!

  1. Giovanni Caruana
    July 10, 2015 at 4:25 pm

    Għażiż Fr. Mario Nitlob lil “Mulej li jgħatik l-Hajja” biex ikompli jinqeda bik. Jalla is-Saċerdoti kollha jifhmu li huwa dmir sagrosant tagħhom biex bla biża’ jwasslu l-messaġġ tal-Evanġelju bla mittifes.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: