Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Don Bosco: Mudell għalliemi tas-saċerdoti

Don Bosco: Mudell għalliemi tas-saċerdoti


Patri Mario Attard OFM Cap

Bħalissa huma ħafna s-saċerdoti li qiegħdin jiċċelebraw l-anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tagħhom. Din is-sena l-Knisja qed tiċċelebra t-tieni ċentinarju mit-twelid ta’ San Ġwann Bosco. Nemmen li b’din l-okkażjoni speċjali l-Mulej żgur li jrid iniżżel xita ta’ barka fuqna s-saċerdoti! Kif Don Bosco, saċerdot bħalna, jista’ tabilħaqq jgħallimna nkunu saċerdoti skont il-qalb ta’ Ġesù Kristu, il-“qassis għal dejjem” (Lhud 7:3)?

Don Bosco iddedika l-missjoni tiegħu għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ. Fl-ittra li San Ġwann Pawlu II kiteb fl-anniversarju tal-ewwel ċentinarju mill-mewt ta’ Don Bosco, nhar il-31 ta’ Jannar tal-1988, bl-isem  Iuvenum Patris, huwa iddeskrivieh bħala “Missier u għalliem taż-żgħażagħ”. F’din l-ittra l-Papa apprezza l-missjoni edukattiva għall-qdusija li Don Bosco għex b’tant imħabba u mpenn.

“Huwa [Don Bosco] wettaq il-qdusija personali tiegħu permezz ta’ impenn edukattiv mgħajjex minn qalb żelanti u appostolika, u, fl-istess ħin, kien jaf kif jipproponi l-qdusija bħala oġġettiv prattiku tal-pedagoġija tiegħu. Skambju bejn u hija fil-fatt l-aspett karatteristiku tal-personalità tiegħu: kien ‘edukattur qaddis’, li ħa l-ispirazzjoni tiegħu minn ‘mudell ta’ qdusija’ – Franġisk de Sales, kien id-dixxiplu ta’ ‘direttur spiritwali qaddis’ – San Ġużepp Cafasso, u kien kapaċi jifforma minn qalb iż-żgħażagħ tiegħu ‘żgħażugħ qaddis’ – San Duminku Savio” (§ 5).

Don Bosco jgħix minn qabel dak li d-Digriet tal-Konċilju Presbyterorum Ordinis ried minna s-saċerdoti. Jiġifieri li aħna nitqaddsu meta inwettqu bla heda s-servizz saċerdotali tagħna. “Għax bis-saħħa ta’ l-istess funzjonijiet imqaddsa li jagħmlu ta’ kuljum, kif ukoll permezz tal-ministeru kollu tagħhom li huma jagħmluh f’għaqda waħda ma l-Isqof u mal-Presbiteri l-oħra, huma [il-presbiteri] jitqiegħdu fit-triq li twassalhom għall-perfezzjoni ta’ ħajjithom.  Terġa’ mbagħad l-istess qdusija ta’ ħajjithom tqawwihom ħafna biex ikomplu bi frott il-ministeru tagħhom” (PO, 12). Fil-paragrafu ta’ warajh insibu: “Il-Presbiteri jitqaddsu tabilħaqq jekk ma jgħajjew qatt jaqdu l-uffiċċji tagħhom skond il-veru Spirtu ta’ Kristu” (PO, 13).

Il-ministeru saċerdotali ta’ Don Bosco hu organizzat u imħeġġeġ fl-azzjoni edukattiva li hija espressjoni għolja u li tiġbor flimkien fiha l-uffiċċji (munera) afdati f’idejn is-saċerdot. Is-saċerdot hu edukatur daqskemm hu għalliem li jwettaq l-uffiċċju ta’ għalliem (munus docendi). Huwa gwida awtorevoli daqskemm jipprattika l-uffiċċju ta’ mexxej (munus regendi). U, fl-aħħar nett, ikun akkumpanjatur fil-mixja Nisranija daqskemm iħaddem l-uffiċċju tal-qdusija (munus sanctificandi) l-għaliex isaħħaħ bil-grazzja sagramentali l-iżvilupp tal-personalità umana u nisranija tal-insara li qiegħdin fil-kura pastorali tiegħu.

Għalkemm qatt ma kien formalment “għalliem” Don Bosco ħaddem b’qalbu u b’saħħtu kollha x-xogħol formattiv tiegħu bħala predikatur ħabrieki, katekist effikaċi u kittieb prolifiku. Don Bosco kien appostlu tal-konfessinarju u wieħed minn dawk li ppromova kemm felaħ it-tqarbin tas-spiss. Huwa seħħlu jieħu ħsieb liż-żgħażagħ permezz tal-istituzzjonijiet edukattivi li waqqaf, anima u mexxa. L-aktar permezz tad-direzzjoni spiritwali. Żgħażagħ u adoloxxenti kienu d-destinatarji ta’ din l-interpretazzjoni “edukattiva” tal-ministeru saċerdotali tiegħu.

Quddiem il-figura ta’ Don Bosco s-saċerdozju tiegħi qiegħdtu f’armatura? Ħbejtu? Ħallejtu rieqed? Għaliex qed naħli l-ħin fi ħwejjeġ li jmorru lil hinn mill-edukazzjoni tal-qdusija tal-oħrajn? Mhux aħjar jekk, bħal Don Bosco, inħaddmu lejl u nhar? Ningħata permezz tad-direzzjoni spiritwali, il-kitba, il-priedki, il-qrar u li nisma’ u nitlob man-nies?

Is-sies fil-ħajja ta’ Don Bosco kienet l-għaqda tiegħu mal-Mulej. Iż-żewġ pulmuni spiritwali tiegħu kienu Ġesù fl-Ewkaristija u Ommna Marija. Araw b’liema ħeġġa Don Bosco kien jiċċelebra l-quddiesa! Isimgħu lil Giovanni Battista Lemoyne jirrakkonta!

“Ħadna sehem ħafna u ħafna drabi għall-quddiesa tiegħu imma, f’dak iż-żmien, dejjem ħakimna sentiment ħelu ta’ fidi meta konna nosservaw id-devozjoni li kienet tiddi minn imġieba kollha tiegħu, l-eżattezza li biha kien isewgi ċ-ċerimonji sagri, il-mod kif kien iħabbar il-kliem u l-ħsejjes midluka li kienu jsieħbu it-talb tiegħu. U impressjoni li tibni u li kienet tiġi milqugħa ma kienet tiġi ikkanċellata qatt. Fejn kien imur, saħansitra barra l-Italia, kien biżżejjed li wieħed kien ikun jaf il-ħin u l-post fejn Don Bosco kien jiċċelebra l-quddiesa biex jinġabru n-nies madwar l-altar tiegħu”.

Għajn oħra li saħħietu spiritwalment kienet id-devozzjoni lejn Marija. Narawha f’żewġ mument f’ħajtu. L-ewwel fil-bażilika ta’ Marija Awżiljatriċi f’Turin. U l-ieħor fl-Istitut tal-Ulied ta’ Marija Awżiljatriċi, is-sorijiet Sależjani li waqqaf u li huma mxerrdin mad-dinja kollha. Imħabbtu lejn Marija żviluppat f’esperjenza spiritwali ta’ grazzja, tama, fedeltà u ispirazzjoni fit-tħaddim tal-ministeru saċerdotali u edukattiv tiegħu. Tant hu hekk li fl-aħħar ta’ ħajtu, waqt li kien qed jirrifletti fuq ħajtu, qal: “Għamlet kollox Hi”. Don Bosco hu qassis Marjan. Kif qed inqaddes il-quddiesa? Suq ħa mmorru jew bl-akbar imħabba u devozzjoni? Nikkonsagra kuljum il-konsagrazzjoni saċerdotali tiegħi lil Marija?

F’Diċembru tal-1866 Don Bosco kien qal lil Bettino Ricasoli, President tal-Kunsill tal-Ministri tas-Saltna tal-Italja: “Eċċellenza! Kun af li Don Bosco hu qassis għall-artal, qassis fil-konfessjonarju, qassis qalb iż-żgħażagħ tiegħu. U bħalma hu qassis f’Turin l-istess hu qassis f’Firenze, qassis fid-dar tal-fqir, qassis fil-palazz tas-Sultan u tal-ministri!” Jekk ningħata għall-oħrajn u nieqaf niffoka u niffissa fuqi innifsi, jekk nibda’ neduka għall-qdusija lil dawk li nservi, jekk ninġarr mill-imħabba lejn Ġesù fl-Ewkaristija u lejn Ommi Marija, mhux ovvja li nkun saċerdot ferħan u miftuħ beraħ għall-grazzja ta’ Alla li tqaddisni!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: