Nidgħi!


Patri Mario Attard OFM Cap

Bħalissa tgħidx x’inhu nieżel! Kulfejn immorru dejjem bis-sħana tiġri magħna! Imma mhux aħjar jekk ngħidu li qiegħdin ngħixu fi sħana kbira?

L-istorja tmur lura għall-ewwel snin tiegħi f’Mater Dei. Kont spiċċajt lejl iebes ta’ ħidma fl-Isptar. Madankollu kien lejl mimli barka. L-għaliex il-Mulej il-meravilji tiegħu ma jkun jafhom ħadd. Għajr il-qtajja’ bla għadd ta’ anġli u qaddisin għalenija miegħu! Mela naħseb li jafhomx xi ħadd hux? Ħeqq, xejn xejn dawk għandhom kameras akbar minn tagħna! X’taħsbu?

Wara xi sigħat l-Isptar mort f’dar ommi u missieri. Biex tkompli tħawwar il-ġurnata kien hemm għand ommi z-zija u l-kuġini tal-Awstralja. Kemm ħadna gost flimkien dakinnhar! L-għaqda sabiħa wisq! Wara li kilna ridt immur lura lejn l-Isptar u z-zija, flimkien mal-kuġini, riedu jmorru lejn ix-Xatt tas-Sliema biex jaqbdu cruise għall-Port il-Kbir. Għalhekk akkumpanjajthom sa ħdejn il-bus stop. Lanqas temmnuni jekk ngħidilkom: ma kienux għaddew anqas minn nofs minuta minn x’ħin wasalna fuq il-bus stop li l-karozza għax-Xatt ma ġietx! Kemm serraħt rajthom rajthom rekbin u sejrin għad-destinazzjoni tagħhom!

X’ħin din il-biċċa xogħol kienet lesta qbadt miexi ċeklem ċeklem lejn l-Isptar. Niftakar li kienu għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs. Inħallikom timmaġinaw x’forn kien hemm barra t-triq. F’Ġunju! Fl-eqqel tas-sajf! Għaddejt minn ħdejt ħanut u kien hemm żewġ żgħażagħ li ma għoġbuni xejn. Eqq Patri! Tiġġudikax! Blajt ilsieni u bqajt għaddej. Miexi u nżebbeġ il-kuruna tar-Rużarju.

Iżda kif qbadt wasalt ħdejn l-Isptar ikun hemm ħofra fl-art mimlija ilma. Għall-ewwel ma tajt kas. Waqqfittni persuna u kellmitni. U wara sellimna lil xulxin u bqajt sejjer għal rieħi. Iżda hekk kif qbiżt eżatt l-ħofra b’xiber jiġi vann abjad biż-żewġ żgħażagħ u għadda apposta minn ġol-ħofra. M’għandniex xi ngħidu: xarrabni għasra! Ħallieha li kien is-sajf u l-ilma jinxef malajr minn fuq iċ-ċoqqa. Imma tieħu dehxa hux tassew! Għall-ewwel dik ir-reżħa tal-kesħa tal-ilma regħxietni!

Ta’ bniedem li jien telgħetli fawra. U l-wires ħabtu se jitħabblu! Imma mbagħad rajt żgħażugħ u żgħażugħa għaddejjin minn ħdejja. Sellimna lil xulxin u qbadna nitħaddtu. Waqt li konna nitħaddtu staqsejthom: “Issa kieku intom jaħsilkom xi ħadd b’xi karozza jew vann x’tagħmlu?” Il-ġuvni qalli: “Nidgħi!” U mbagħad dort lejn it-tfajla u għamiltilha l-istess mistoqsija. Anki hi weġbitni: “Nidgħi!” “U għaliex?” staqsejthom. Ftit qabel il-ġuvni qalli li ma kien jemmen b’xejn. Għalhekk weġibtu: “Kif tista’ tidgħi jekk ma temminx?” Qabeż iż-żgħażugħ u weġibni: “Għax dak vizzju!”

Nidgħi! Imma nista’ problema nsolvieha bi problema oħra? Ma naħsibx! Id-dagħa minnu nnifsu problema kbira. Id-dagħa huwa l-ilsien tal-infern! Huma x-xjaten li jidgħu. Ara l-anġli u l-qaddisin ifaħħru lill-Mulej jafu! Issa int tista’ tgħidli: “Patri! Ma nemminx f’dawn l-affarijiet! Ma nemminx li d-dagħa jisħet!” Għandek kull dritt. Imma anki jien nista’ ngħidlek li ma nemminx li fil-wire tad-dawl hemm l-elettriku. L-elettriku ma narahx. Imma ħej ara jfettilli ndaħħal idejja fih ħa tara nibqax hawn? Kieku aqta’ x’xokk nieħu! Żgur li nibqa’ imwaħħal! Nibqa’ tal-post! Mela ħaġa teżiżti jew le mhux sempliċiment jekk naraha jew ma narahiex. Imma li fil-fatt teżiżti.

Id-dagħa ikraħ l-għaliex ixewwikkna. Ittaqqalna. Iniggiżna l-ħin kollu. Iċajprilna l-vista ta’ ruħna. Nifimha. Int bħali dejjem se ssib xi proxxmu li jagħmillek apposta. Eżatt bħalma għamlu lili. Imma ħażen ma jitpatthiex b’ħażen. Lanqas b’vendikazzjoni. Meta dawn ħuti xarrbuni wara li l-wires ħaslu bdew se joqomsu mill-ewwel fil-kompjuter ta’ ruħi skrolja ruħu t-test ta’ San Luqa fejn Ġesù jgħid:

Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom (Lq 6:27-28).

Quddiem dan il-kliem ċar kristall xi stajt nagħmel aktar għiduli milli inkompli nżebbeġ il-kuruna tiegħi u nitlob għal min xarrabni għasra fix-xahar qalil bis-sħana bħalma kien ix-xahar ta’ Ġunju ta’ ftit snin ilu? U li, fuq kollox, nirringrazzja lill-Mulej tat-tixriba b’xejn li ħadt?

U mela ninfexx nidgħi jew nixtieqilhom id-deni? Le! Ma rridx li dak id-dagħa u s-saħta jiġu fuqi!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: