Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > X’għandek? X’int imħasseb?

X’għandek? X’int imħasseb?


Patri Mario Attard OFM Cap

Innutatni dieħel ħdejn il-pazzjenti. Qdejthom minn qalbi. Imbagħad ħarġet u ġiet issibni. Għall-ewwel ħasdittni. Imma ferħittni. Għaliex sensittiva għall-bżonnijiet tal-proxxmu!

“X’għandek Patri? X’int imħasseb?” Il-mistoqsijiet tagħha mimlija mħabba daħlu f’qalbi. Apprezzajthom. Kelli bżonnhom! “Int taf kif jaħdem kompjuter meta jkollu xi tlett programmi għaddejjin f’daqqa? Kif il-lembut idur u jgħaqad?” Tbissmet. Ħadt ir-ruħ. L-għaliex issa bdiet tifhem x’kont se ngħidilha. “Immaġina,” weġibtha. Ikollok mat-tlett affarijiet f’moħħok x’se tagħmel. Bilfors li tinkwieta xi naqra hux biex tara kif se tlaħħaqhom.” “Veru Patri!” weġbitni. “Għandek raġun! Imma peress li int dejjem tistaqsina kif aħna issa kien imiss lili biex nara kif int”.

Hija din l-attenzjoni b’saħħitha għall-proxxmu li tagħmel id-differenza kollha! Il-bniedem jgħaddi minn xiex jgħaddi. Il-ħajja fiha t-toqol tagħha. Il-bżonnijiet dejjem jikbru. U ż-żmien, flimkien mal-mard li wieħed ikollu, mhux dejjem jagħmluha possibbli li wieħed jibqa’ ħafif u liċidu bħalma kien. Madankollu dan mhux xi preludju jew xi skuża biex wieħed jarmi lilu nnifsu tafux! Anzi! Illum tistagħġeb kif in-nies jibqgħu għaddejjin! Minkejja dak kollu li jgħaddu minnu. Inkluż il-mard u ż-żmien! U dak kollu li l-impenji familjari tagħhom, flimkien ma’ dawk tax-xogħol, jitolbu kontinwament minnhom.

Il-ħajja hux tassew! Imma aħna nafu li, għalkemm il-ħajja hi għat-telgħa, minbarra sintendi l-waqtiet tal-inżul tagħha inkella żgur li niġġennu fiha, ikun hemm dawk il-mumenti li kelma ta’ inkuraġġiment inkunu qiegħdin nistennewha. Iva ħbieb! U inkunu qegħdin nistennewha eżattament bħal dik ir-ruħ tal-purgatorju li, l-għaliex tkun fi bżonn kbir tat-talb u s-suffraġju ta’ xi erwieħ tajba li jitfakru fiha, qiegħdha tokrob quddiem il-Mulej biex imiss qlub ta’ ħafna aktar nies ħalli jiftakru fiha.

Imma l-erwieħ ma jokorbux biss fil-purgatorju! L-erwieħ jokorbu madwarna wkoll! U jokorbu mingħajr ma lanqas biss jiftħu ħalqhom! Jokorbu l-għaliex il-ħajja tkun tagħthom wisq bil-ħarta. Daqqa wara l-oħra! U imsieken, tħallihom letteralment bla nifs! Tistaqsinix l-għaliex dawk iva u l-oħrajn le. Lanqas m’għandek għalfejn tistaqsini x’għamlu dawk biex ħaqqhom hekk aktar ma huma tajbin. Aktar ma jħennu. Ngħidlek hekk mhux b’suppervja jew arroganza. Imma ħabib meta jiena stess ippruvajt nagħti tweġiba bqajt b’ħalqi miftuħ jew magħluq. Mela ma ħarġet l-ebda tweġiba ta’ sugu minn ħalqi! Għajr it-tnehida tal-uġiegħ għal tant inġustizzji li hawn iduru fil-ħajja.

Ma jimpurtax! Biżżejjed hawn it-toqol madwarna. Issa ejjew ma nżiduħx ġo fina wkoll! Għall-kuntrarju! Ejjew inħaffuħ lil xulxin! Mela, meta tara bniedem jew bniedma sieket jew siekta aktar mis-soltu dan ifisser li l-alarm ikun xegħel. Dan ifisser li rridu naraw x’nagħmlu! Mela, ejjew nagħtu daqqa t’id! Ejjew inħaffu l-piż ta’ xulxin! “X’għandek sieħbi kemm int kwiet?” Biżżejjed tkun dik il-kelma biex dak li jkun jibda’ jħossu li xi ħadd jimpurtaħ minnu. Tagħtix kas xi jwieġek! Lanqas jekk, sforz it-tbatija li jkollu, jibgħatek issaqqi l-ħass tal-Marsa! Dak jgħidlek hekk mhux l-għaliex għandu xi ħaġa kontrik. Dak irrejaġixxa hekk miegħek għax imtaqqal miskin. Ikkumpatiħ! Tieħux għalih. Issapportjah fejn tista’.

Issa ġieli nisfgħu imdawrin b’nies li ma jagħtux kasna. Jistgħu jarawk kwiet jew kwieta għaliex x’jimpurtahom minnhekk. Allura x’nagħmel f’dak il-mument iebes?

Meta fil-waqtiet tal-inkwiet ma nsibx spalla li tikkunslani immur għand Ġesù għaliex niftakar fil-Kelma li hu stess jgħidli, rasu u rasi: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mt 11 :28-30). Imbagħad immur ħdejh fil-Kappella u noqgħod quddiemu għall-kwiet, ħdejh fl-Ewkaristija. Kemm noħroġ aħjar!

Sieħbi! Meta tkun imtaqqal u ma jkollok lil ħadd min jisimgħek tkellem ma’ Ġesù! Mur f’Kappella tal-adorazzjoni u oqgħod naqra ħdejh! Toħroġ fil-paċi!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: