Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > It-triq tan-nofs

It-triq tan-nofs


Patri Mario Attard OFM Cap

Kont naħseb li hija kwistjoni biss tar-raġuni! Issa meta qallibt ftit intbaħt li anki l-fidi titħaddet dwarha. U skantajt. Naħseb ikun aħjar jekk nagħtikom is-sors fejn sibt dan li se naqsam magħkom illum.

Darba San Piju tal-Pjagi qal hekk: “Irridu inkunu nafu kif se nafdaw. Hemm il-biża’ ta’ Alla u l-biża’ ta’ Ġuda. Ħafna biża’ iġiegħel lil xi ħadd jaħdem mingħajr imħabba. Filwaqt li l-kunfidenza żejda ma tħalliniex nikkunsidraw il-periklu li għandna nissuperaw”.

Kemm hi tajba din Patri Piju qed ngħid! Dak li qed jgħid Patri Piju fakkarni f’dak li kien iħobb jgħid il-filosfu kbir Grieg Aristotile meta ħareġ bl-ideja tal-golden mean jew aħjar li l-virtù tinstab fit-triq tan-nofs. Wieħed mill-eżempji li jġib Aristotile huwa meta jitħaddet mill-virtù tal-kuraġġ. Huwa jgħid li meta l-kuraġġ jittieħed fl-eċċessività tiegħu jsir bluha. Filwaqt li jekk jittieħed fuq in-naħa l-oħra jissarraf f’biża’. Ma ninsewx li għall-Griegi klassiċi l-virtù kellha x’taqsam mal-matematika. Bħalma fil-matematika għandek issib is-simterija, il-proporzjon u l-armonija daqstant ieħor dan kellu juri ruħu fl-imġieba. L-istess jista’ jingħad bħas-sbuħija. Għall-Griegi l-antiki is-sbuħija hija l-oġġett tal-imħabba. Mela s-sbuħija kienet xi ħaġa li kellha tiġi imitata u riprodotta fil-ħajjiet, fl-arkitettura, fl-edukazzjoni u fil-politika tagħhom.

It-triq tan-nofs ma tiġix waħedha! Ma taqax mis-sema! Il-filosfu Aristotile joffrilna l-proċess tad-delibrazzjoni li tiġi qabel l-għażla. Id-deliberazzjoni tgħinna nagħrblu. U x’nagħrblu? L-ewwel nett, biex naslu għal deċiżjoni tajba irridu nkunu nafu l-għan li rridu nilħqu. Meta l-għan li nixtiequ niksbu ikun ċar kristall quddiemna imbagħad jeħtieġilna naraw b’liema mod se nimplimentaw il-mezzi li se jwassluna nilħqu dan l-għan.

Niftakar li s-Superjur tal-Mużew kien iħobb jgħidilna hekk: “Qabel tiddeċiedi aħseb dejjem x’jiġi wara”. Jiġifieri aħseb fil-konsegwenzi. Issa dan jagħmel sens kbir għall-ħajjitna. Tiskanta kemm deċiżjonijiet li jkunu tajbin jirfinaw ruħhom jew oħrajn li kienu ħżiena jinbidlu l-għaliex wieħed jaħseb fit-tul fuq il-konsegwenzi ta’ dak li jkun se jiddeċiedi. Meta kont nitgħallem l-etika minn kien jgħallimni kien iħobb jgħidilna biex inħallu f’diskussjoni iż-żewġ estremi tal-ħsieb. U meta kont nitgħallem il-psikoloġija spiss kienu jfakkruni li fil-ħajja ir-raġunament mhuwiex sempliċiment either … or imma both and … Dan huwa importanti!

B’daqshekk ma jfissirx li f’ċerti kustjonijiet hemm it-triq tan-nofs. Fi kwistjonijiet fejn jidħlu prinċipji wieħed ma jistax ikollu sieq waħda ‘l hawn u l’oħra l’hemm. Tant hu hekk li fl-istorja tal-ħsieb ġie żviluppat il-prinċipju tat-tertium non datur, jew principium tertii exclusi. Jiġifieri “ma teżiżtix it-tielet possibbiltà.” F’dawn il-każi mhux dan il-prinċipju għandu jitħaddem? Imma fil-ħajja, f’ħafna sitwazzjonijiet, tista’ tinstab it-triq tan-nofs. U, wara kollox, l-aqwa nies fl-istorja dejjem kienu bħaż-żiffa sabiħa ta’ filgħaxija li, fin fin, tidħollok f’għadmek u tgħaxxik bi ħlewwietha waqt li treżżħek xi ftit bil-bard ukoll!

Dak jagħmlu biss min jimxi fit-triq tan-nofs. Min jisma’. Jagħrbel. Jara l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tiegħu. Jiddeċiedi. U, għax umli, fil-proċess kollu jitlob lill-Ispirtu s-Santu ħa jdawlu.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: