Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > In-Nisrani ma jitlifx rasu

In-Nisrani ma jitlifx rasu


Patri Mario Attard OFM Kap

Qrajt b’interess l-ittra pastorali tal-isqfijiet tagħna Mons. Pawl Cremona O.P. u Mons. Mario Grech fil-bidu tar-Randan ta’ din is-sena. Meta qrajtha sirt iżjed konxju kemm in-Nisrani mgħandux biex u għalxiex jitlef rasu fil-ħajja mgħaġġla li qiegħdin ngħixu fiha. Għaliex?

L-ewwelnett hawn biex illum titlef rasek? Tiċċajta! Minix qiegħed nitħaddet fuq dawk is-sitwazzjonijiet fejn wieħed taqbiżlu. Għidli ftit lil min ma taqbiżx. Illum ħafna nies saru lsiera tad-deadlines. Donnu kollox irid isir malajr u perfett. Jista’ ikun? Żgur li le. Niftakar li s-Superjur Delicata, l-eks-Superjur Ġenerali tas-Soċjeta tal-MUSEUM, kien iħobb igħidilna: “Malajr u tajjeb ma joqgħodux flimkien!” Għandu raġun biex ibiegħ! Ma jistax ikun li wieħed jagħmel kollox bl-eżatt u bi preċiżjoni f’ħakka ta’ għajn. Mela aħna magni? Il-bniedem irid iż-żmien tiegħu biex jikkonċentra ħalli jaħdem bil-għaqal. U lanqas jekk ikun irid jagħmel hekk saħħtu ma tippermettilux. Għid lil min hu bħali li jbati miċ-ċaqliq tal-ilma ta’ wara l-widnejn jekk jazzardax jgħaġġel iżjed milli jmissu!

Meta qiegħed ngħid li n-Nisrani ma jitlifx rasu dak li rrid infisser hu li n-Nisrani joqgħod b’seba’ mitt għajn qabel jagħmel deċiżjonijiet importanti f’ħajtu. L-aktar fejn jidħol iż-żwieġ u l-familja. Hemm xi ħaġa għeżeż mill-familja fil-ħajja? Ix-xogħol tal-Isptar għallimni li żgur li mhemmx. Interessanti li meta persuna tkun qiegħdha tmut l-aħħar ħaġa li tkun tixtieq hija l-komfort tal-familja tagħha. U bir-raġun. Min se jissotitwixxi l-imħabba tal-familja? Il-flus, l-unuri, l-imbrolji, it-taħwid, il-ġiri bla sens eċċ? Il-familja tibqa’ l-benniena tal-imħabba umana u divina, il-post minn fejn Alla jitkellem, iħobb, jipproteġi, ibierek, u jagħti l-ħajja. Il-familja hija tassew iċ-ċentru ta’ dak li hu ta’ Alla u dak li hu tal-bniedem!

Fil-pastorali għalliema u ta’ tħeġġiġa tagħhom l-isqfijiet tawna apprezzament mill-isbaħ ta’ x’inhi l-familja. Dan għamluh b’żewġ modi. L-ewwel ippreżentaw il-viżjoni ta’ Alla l-Missier għaż-żwieġ u l-familja. Sa mill-bidu, il-Mulej kien dak li waqqaf iż-żwieġ u ta l-mandat lill-ewlenin ġenituri biex jibnu l-familja tagħhom. Mill-Kelma ta’ Alla stess dan nistgħu narawh. “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom. U berikhom Alla u qalilhom: ‘Nisslu u oktru, u imlew l-art…’” (Ġen 1, 27-28).

Fi kliem ir-rgħajja spiritwali tagħna, “Alla kellu pjan għaż-żwieġ u l-familja. Kien l-ikbar don li Alla ta lill-bniedem. Dan il-pjan kien ibbażat fuq id-dinjità ta’ kull bniedem, raġel u mara, li tiġi mhux minn kultura iżda għax ġew maħluqin indaqs xbieha ta’ Alla; id-don ta’ Alla tal-mara lir-raġel u tar-raġel lill-mara; il-ġibda li poġġa fil-bniedem li mbagħad il-bniedem jeħodha f’idejh u jagħmilha mħabba stabbli – ‘ġisem wieħed’. Dan il-pjan kollu sawru Alla biex permezz tiegħu jitwieldu l-bnedmin ġodda mdawrin minn din l-istabbilità ta’ mħabba fit-tnissil u t-trobbija tagħhom (ara Ġenesi kap 1 u 2). Tant huma marbutin ma’ xulxin l-elementi kollha ta’ dan il-pjan, li meta żwieġ jitkisser dan il-ġid jintilef”.

L-isqfijiet bla ebda mod mhuma jiffavorixxu żwieġ ta’ rabta ċoff. Dak it-tip ta’ żwieġ fejn la kollox sejjer sewwa nibqgħu imma meta l-mewġ tal-ħajja jaħbat għad-dgħajsa matrimonjali tagħna arana sejrin kulħadd għal riħu ma jreġix. Mhumiex jgħidulna biex mal-ewwel intopp immorru niġru għand l-avukat ħalli kulħadd jaqbad it-triq għal rasu. Lanqas mhuma jħeġġuna li jekk żwieġ ma rnexxiex hemm is-soluzzjoni rħisa tad-divorzju. Għall-kuntrarju, ir-rgħajja spiritwali tagħna qiegħdin jiftħulna għajnejna li ż-żwieġ u l-familja jagħmlu sens għax kien Alla nnifsu li waqqafhom. Kien hu li qaddishom bil-barka li tahom. Mela, żwieġ u familja stabbli għandhom fihom infushom il-barka ta’ Alla nnifsu! Barra minhekk, iż-żwieġ u l-familja jgħollu d-dinjità tal-bniedem, maħluq xhieba ta’ Alla. Fil-fatt, l-isqfijiet jgħallmu li “skont dan il-pjan ta’ Alla, għażla favur iż-żwieġ u l-familja hija għażla favur il-bniedem innifsu”.

Għax Alla, li hu Missier, Iben u Spirtu Santu, qatt ma jista’ ikun maqsum jew f’kontradizzjoni miegħu innifsu, qatt ma nafu li biddel il-pożizzjoni tiegħu fuq iż-żwieġ u l-familja. Kien hu stess li qal: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-perfezzjoni. Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox” (Mt 5, 17-18). Fl-ittra pastorali tagħhom l-isqfijiet juruna kemm il-viżjoni ta’ Ġesù fuq il-familja hija l-istess bħal dik ta’ Alla Missieru.

“Għandna episodju fil-ħajja tal-Mulej Ġesù meta din l-għażla tidher ċara fil-kuntest tal-pjan ta’ Alla għaż-żwieġ u l-familja (Mt 19, 3-10). Hu ġie affrontat minn grupp ta’ Fariżej li kellmuh fuq id-divorzju. Ġesù juri fit-tweġiba tiegħu li hu mweġġa’. Ir-raġuni tal-weġgħa tiegħu kienet tixbah lil dik ta’ Alla fl-għażla li għamlu Adam u Eva. Il-fariżej iktar emmnu li jistgħu jibnu soċjetà aħjar jekk tiġi bbażata fuq il-possibiltà tad-divorzju milli jekk tibniha fuq l-istabbilità taż-żwieġ”.

Għandu raġun Ġesù li jkun mweġġa’ anki llum? U ngħidx! Il-loġika tagħna l-bnedmin iddgħajfet minħabba l-egoiżmu sfrenat tagħna. Kemm hawn żwiġijiet li waslu fix-xifer għax parti minnhom, għax hija nfidila, qiegħdha tkisser l-armonija fid-dar għaliex qiegħdha taqla’ xebgħa kwistjonijiet bla bżonn biex isserraħ il-kuxjenza tagħha? Kemm hawn żwiġijiet li tmermru għax iż-żewġ partijiet ma jitkellmux bejniethom? L-aqwa li kulħadd jagħmel dak li jrid u li jogħġbu?

Kien għalhekk li l-isqfijiet tagħna qiegħdin mill-ġdid ipoġġulna l-isfida quddiemna. Hija sfida ta’ deċiżjoni li trid tittieħed għax issa ninsabu f’salib it-toroq. Jew ma’ Alla jew max-xitan. “Erġajna għal deċiżjoni fundamentali għan-Nisrani: nemmen u nimxi fuq il-pjan u l-loġika ta’ Alla fil-ħolqien għal għaqda sħiħa bejn raġel u mara li jsiru ‘ġisem wieħed’, jew fuq il-loġika umana maqtugħa minn Alla li tinsab fit-tkissir ta’ din l-għaqda permezz tad-divorzju?”

Għan-Nisrani konvint l-għażla hija ċara kristall u bla kantunieri. Fejn jidħlu ż-żwieġ u l-familja mhemmx kompromessi. Iż-żwieġ u l-familja stabbli għandhom jiġu mħarsa akkost ta’ kollox. Anki jekk b’din l-għażla nidhru koroh jew ta’ wara l-muntanji. Wara kollox aħna ta’ Kristu u ta’ ħadd iżjed. Huwa għalhekk li  l-isqfijiet iħeġġuna bil-qawwa kollha biex nimxu fid-dawl u fl-ordni ta’ Kristu u mhux fid-dlam u fit-taħwid tax-xitan. “F’dan, in-Nisrani ma għandux jibża’ li jkun differenti minn ħsibijiet oħrajn għaliex jaf li, anki jekk ikun waħdu quddiem id-dinja, ma jkunx waħdu quddiem Alla. Hija ta’ konsolazzjoni kbira li jkun għamel din l-għażla quddiem Alla, anki jekk ikollu jħallas prezz”.

Biex in-Nisrani ma jitlifx rasu quddiem il-ħażen tad-divorzju, l-isqfijiet tawna suġġerimenti mill-aktar prattiċi u siewja biex il-familji tagħna jissaħħu. “Agħmlu l-meditazzjoni tal-ħajja miżżewġa tagħkom madwar il-kwalità tal-imħabba li ħarġet mis-salib ta’ Ġesù. Għaqqdu l-ħajja miżżewġa tagħkom iktar qrib tal-Mulej Ġesù: bil-quddies regulari tal-Ħadd, bit-talb ta’ kuljum. Għaqqdu l-penitenza tar-Randan mal-ħajja taż-żwieġ tagħkom: aħdmu kontra dak li qiegħed ifixkel l-imħabba tagħkom. Ibdew kunu xhieda taż-żwieġ tagħkom kullimkien bla misħtija: b’ritratt tal-mara/tar-raġel tagħkom jidher fuq il-post tax-xogħol; tidħlux f’diskors li jwaqqa’ l-ħajja taż-żwieġ, u ħafna drabi l-mara, għaċ-ċajt”.

Henjin aħna jekk nimxu ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Quddiem il-problemi fil-ħajja taż-żwieġ u l-familja n-Nisrani mhux talli ma jitlifx rasu u jagħmel bħall-oħrajn talli jiġi f’sensih billi jissieħeb u jaħdem kemm jiflaħ ħalli l-loġika ta’ Alla u ta’ Kristu tmexxi lilu u lil ta’ madwaru!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: