Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-Papa Franġisku: “Inġemmgħu l-ġid li jiswielna “fis-suq finanzjarju” tas-sema”.

Il-Papa Franġisku: “Inġemmgħu l-ġid li jiswielna “fis-suq finanzjarju” tas-sema”.


Il-ġid u l-għana li jiġġemmgħu għalihom infushom huma l-bidu tal-gwerrer, tal-familji mkissrin, tat-telfien tad-dinjità.  It-taqbida li għandna kuljum hi li namministraw ir-rikkezzi li jkollna u dawk tad-dinja, għall-ġid komuni.

Ir-rikkezzi mhumiex ċassi qieshom statwa, u, f’ċertu sens, mingħajr ebda effett fuq il-ħajja tal-persuna.  Ir-rikkezzi, osserva l-Papa Franġisku waqt l-omelija ta’ dalgħodu, għandhom it-tendenza li jikbru, li jiċċaqalqu u jieħdu posthom fil-ħajja u fil-qalb tal-bniedem.

U jekk dak il-bniedem ikun moħħu biss biex iġemma’, l-għana jirfidlu qalbu u jispiċċa bniedem korrott.  Dak li jsalva l-qalb hu li l-għana jintuża għall-ġid komuni.

Il-Papa kien imnebbaħ mill-Vanġelu tal-lum fejn Ġesù jgħid lid-dixxipli li “t-teżor tiegħek jinsab fejn tinsab qalbek” u wara jwissi biex ma nġemmgħux teżori f’din l-art fejn il-kamla u s-sadid jikkunsmaw kollox u fejn jistgħu jaslu l-ħalleli,n imma nġemmgħu għalina teżori fis-sema.

Hu minnu, żied Franġisku, li fl-għeruq ta’ dan hemm ix-xewqa tas-sigurtà.  Imma hemm periklu kbir li dan nibdew nagħmluh biss biex naħsbu għal rasna u għalhekk hemm riskju kbir li jagħmilna skjavi.

Fl-aħħar mill-aħħar dawn ir-rikkezzi ma jagħtux sigurtà għal dejjem.  Anzi jnaqqsul id-dinjità.  Dan jiġri f’ħafna familji…….kemm familji mifrudin minħabba f’hekk!

Imbagħad, fl-għeruq ta’ ħafna gwerrer hemm propju din l-ambizzjoni li tkisser, tikkorrompi.  Bħalissa għaddejjin tant gwerrer minħabba r-rgħejba għall-poter, għar-rikkezzi.

Imma nistgħu naħsbu ukoll dwar il-gwerra li għandna f’qalbna.  Żommu ruħkom bogħod mir-rgħejba, hekk jgħid il-Mulej.  Għax ir-rgħejba tiddominakom u mill-ewwel tarġa jinfetaħ il-bieb, tidħol il-vanità, nibdew naħsbu li aħna importanti, li għandna l-poter, u mbagħad tasal il-kburija, is-suppervja.  U minn hemm jinbtu l-vizzjijiet l-oħra kollha.  Dawn huma tarġiet li l-ewwel waħda minnhom hi r-rgħejba, il-kilba għar-rikkezzi.

Franġisku żied li hu minnu li waħda mill-kwalitajiet tal-bniedem hi li jaħżen u jaħseb li meta jagħmel xi ħaġa biex jiddomina lid-dinja, għalih hi xi missjoni.  Allura din hi l-ġlieda ta’ kuljum: kif nimmaniġjaw tajjeb ir-rikkezzi tal-art ħalli dawn ikunu orjentati lejn is-sema u jsiru r-rikkezzi tas-sema.

Ħaġa hi minna, kompla l-Qdusija Tiegħu, meta l-Mulej ibierek persuna bil-ġid, jagħmilha amministratur ta’ dak li jkollha biex ikun għall-ġid komuni, għall-ġid ta’ kulħadd mhux għaliha biss.

Mhux faċli li wieħed isir amministratur onest għax dejjem hemm it-tentazzjoni tar-rgħejba, li wieħed isir iħossu importanti.  Id-dinja hekk tgħallem u f’dit-triq tmexxik.  Imma ridu naħsbu fl-oħrajn, nifhmu li dak li għandna qiegħed għas-servizz tal-oħrajn u li ebda ħaġa li għandi ma jien se neħodha miegħi.  Imma jekk dak li jtini l-Mulej nużah għall-ġid komuni, bħala amministratur iqaddisni, jagħmilni qaddis.

Spiss nisimgħu il-ħafna skużi ta’ dawk li jqattgħu ħajjithom iġemmgħu r-rikkezzi.  Imma, min-naħa tagħna rridu kuljum nistaqsu lilna nfusna, kompla l-Papa, “fejn hu t-teżor tiegħek?  Fir-rikkezzi, jew fl-amministrazzjoni tagħhom għall-ġid komuni?

Huwa diffiċli, qiesek qed tilgħab man-nar!  Bosta nies iraqqdu l-kuxjenza billi jagħtu xi karità u jagħtu miż-żejjed tagħhom.  Dak mhux amministratur.  L-amministratur jieħu għalih dak li jibqa’ wara li jkun ta dak li għandu lill-oħrajn.

L-amministrazzjoni tar-rikkezzi tfisser li aħna ninżgħu il-ħin kollu mill-interessi tagħna u ma naħsbux li dawn se jtuna s-salvazzjoni.
Naħżnu, iva, temm il-Papa, Naħżnu t-teżori, imma dawk li jtuna prezzhom, biex ngħidu hekk, “fis-suq finanzjarju” tas-sema.  Hemmhekk għandna naħżnu!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: