Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-Papa Franġisku: “Aħna dgħajfin imma jeħtieġ li jkollna l-qawwa li naħfru”.

Il-Papa Franġisku: “Aħna dgħajfin imma jeħtieġ li jkollna l-qawwa li naħfru”.


In-Nisrani għandu jagħraf li mingħajr l-għajnuna tal-Mulej ma jistax jimxi fil-ħajja.   Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.  Il-Qdusija Tiegħu żied jgħid li aħna nkunu nistgħu nitobu tajjeb jekk għandna l-ħila naħfru u meta qalbna tkun fil-paċi.

Dgħufija, talb, maħfra.  Dawn kienu t-tliet punti li fuqhom bena l-omelija tiegħu l-Papa filwaqt li fakkar li, fuq kollox, aħna dgħajfin minħabba l-ferita tad-dnub oriġinali.

Aħna naqgħu fid-dnub u ma nistgħux nimxu mingħajr l-għajnuna tal-Mulej.  Min jaħseb li hu b’saħħtu, li għandu ħila jgħaddiha waħdu, hu inġenwu u fl-aħħar jispiċċa biex ikun tellief minħabba d-dgħufijiet li jġorr fih.

Id-dgħufija tagħna ġġegħelna nitolbu l-għajnuna tal-Mulej u ngħidulu li mingħajru ma nistgħux ngħaddu, ma nistgħux nimxu ‘l quddiem fil-ħajja nisranija tagħna…. U min hu bilwieqfa, jittendi li ma jaqax!

Aħna dgħajfin anki fil-fidi tagħna, kompla jgħid il-Papa.  Ilkoll għandna l-fidi, ilkoll irridu nimxu ‘l quddiem fil-ħajja nisranija imma jekk aħna ma nkunux konxji tad-dgħufija tagħna, aħna lkoll tellifin.

Għalhekk, qal Franġisku, hi tant sabiħa t-talba: Mulej naf li jien dgħajjef u ma nista’ nagħmel xejn mingħajr l-għajnuna tiegħek.

Biex nitolbu mhemmx għalfejn ħafna kliem, żied il-Papa.  Ġesù għallimna nitolbu “mhux bħall-pagani” li jaħsbu li talbhom jinstama’ għax jgħidu ħafna.  Franġisku fakkar li omm Samwel, li kienet titlob lill-Mulej biex ikollha iben, bilkemm kienet tħarrek xuftejha.  Is-saċerdot li kien qed jaraha ħasibha fis-sakra u ċanfarha.

Kienet titlob hekk għax ma kellhiex ħila titkellem.  Kienet titlob li jkollha iben.   Hekk għandna nitolbu għax nafu li Hu tajjeb, jaf kollox dwarna u jaf x’għandna bżonn.

Nibdew ngħidu dik il-kelma “Missier”, li hija kelma umana imma fit-talb ngħidulha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Nitolbu bil-qawwa tal-Ispirtu, li jitlob fina, ħeġġeġ il-Papa, u nitolbu b’mod sempliċi, b’qalb miftuħa fil-preżenza ta’ Alla li hu Missier u jaf x’għandna bżonn.

Franġisku żied jgħid li Ġesù jgħallem lid-dixxipli li jekk huma ma jaħfrux il-ħtijiet tal-oħrajn, il-Missier ma jaħfirx lanqas lilhom.  Aħna nistgħu nitolbu sewwa u ngħidu “Missier”, jekk qalbna hi fil-paċi mal-oħrajn, ma’ ħutna.

Issib min jgħidlek: imma dak għamilli dan u dan……  Aħfer, aħfer, saħaq il-Papa, aħfer biex Hu jaħfer lilek ukoll.  B’hekk id-dgħufija tagħna, bl-għajnuna tal-Mulej, issir forza, bis-saħħa tat-talb għax il-maħfra hi grazzja, tagħti l-qawwa.

Jeħtieġ li nkunu qawwija, temm jgħid il-Papa Franġisku, biex naħfru, imma din il-qawwa hija grazzja li rridu nirċievu mingħand il-Mulej għax aħna dgħajfin.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: