Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-Papa Franġisku: “Il-faqar nisrani mhux ideoloġija imma l-qofol tal-Vanġelu”.

Il-Papa Franġisku: “Il-faqar nisrani mhux ideoloġija imma l-qofol tal-Vanġelu”.


Jekk inneħħu l-faqar mill-Vanġelu ma nkunux nistgħu nifhmu l-messaġġ ta’ Ġesù.

San Pawl, qal il-Papa Franġisku waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta dalgħodu, jagħmel ġabra għall-Knisja ta’ Ġerusalemm li kienet għaddejja minn mumenti diffiċli u ta’ faqar.

Il-Qdusija Tiegħu għamel riflessjoni fuq it-teoloġija tal-faqar bi spunt li ħa mill-ewwel qari tal-ġurnata.  Huwa osserva li llum, bħal qabel, il-kelma “faqar” dejjem hija kelma imbarazzanti.  Spiss nisimgħu: Imma dan is-saċerdot jitkellem wisq dwar il-faqar, dan l-isqof l-istess, l-istes jagħmel dan-nisrani, din is-soru.  Allura dawn xi ftit komunisti, mhux hekk?, osserva l-Papa.

Imma, wissa Franġisku, il-faqar hu propju l-qofol tal-Vanġelu.  Jekk aħna nneħħu l-faqar mill-Vanġelu, ma nkunu qed nifhmu xejn mill-messaġġ ta’ Ġesù.

Meta San Pawl kien qiegħed ikellem lill-Knisja ta’ Korintu, uriehom liema hija l-għana vera: “Intom għonja f’kollox, fil-fidi, fil-kelma, fl-għerf, fiż-żelu kollu u fl-imħabba li aħna rawwimna f’qalbkom”.  Din hi l-eżortazzjoni tal-Appostlu tal-Ġnus: “bħalma intom għonja, kunu ġenerużi f’din l-opra, f’din il-ġabra”

Jekk għandkom tant għana f’qalbkom, din ir-rikezza tant kbira – iż-żelu, l-imħabba, il-Kelma t’Alla, l-għarfien ta’ Alla – araw li dan il-ġid jasal anki fil-bwiet.  Din hi regola tad-deheb.  Meta l-fidi ma tasalx sal-bwiet, mhix fidi ġenwina.

Hi regola tad-deheb dik li jgħid Pawlu: Intom għonja f’tant ħwejjeġ issa, kunu ġenerużi f’din l-opra ukoll.  Hawn dik il-kontrapożizzjoni bejn l-għana u l-faqar.  Il-Knisja ta’ Ġerusalemm hi fqira, tinsab f’diffikultajiet ekonomiċi, imma hi għanja għax għandha t-teżor tat-tħabbira Evanġelika.  U din il-Knisja ta’ Ġerusalemm, fqira, għaniet lill-Knisja ta’ Korintu bit-tħabbir tal-Evanġelju; tatha r-rikkezza tal-Vanġelu.

Intom, kompla jgħid il-Papa billi mill-ġdid ikkowta lil San Pawl, li intom għonja ekonomikament u li għandkom il-ġid, għandkom tant affarijiet, kontu foqra mingħajr it-taħbira tal-Evanġelju, imma għanejtu lill-Knisja ta’ Ġerusalemm u b’hekk kabbartu l-għadd tal-Poplu t’Alla.

Mill-faqar toħroġ ir-rikkezza – kompla Franġisku – hu skambju reċiproku.  Dan hu l-pedament tat-teoloġija tal-faqar.  Ġesù Kristu li kien għani bir-rikkezza ta’ Alla, ftaqar, tbaxxa minħabba fina.  Hawn għalhekk, insibu t-tifsira tal-ewwel Beatitudni:  Imberkin il-foqra fl-ispirtu.  Jiġifieri li tkun fqir ifisser li tħalli l-faqar ta’ Kristu jgħanik u mhux li trid tisgħana b’ġid ieħor li mhux dak ta’ Kristu.

Meta aħna ngħinu l-foqra, kristjanament ma nkunux qed nagħmlu opra ta’ benefiċenza.  Dan hu tajjeb, huwa uman – l-opri ta’ benefiċenza huma tajbin u umani – imma dan mhux il-faqar Kristjan li jrid Pawlu, li jipprietka Pawlu.

Il-faqar Nisrani hu meta lill-fqir intih minn tiegħi, anki minn dak li hu meħtieġ għalija, mhux minn dak li għandi żejjed, għax naf li l-fqir se jgħanini.  U għaliex il-fqir jgħinni nistagħna?  Għaliex Ġesù qal li Hu nnifsu jinsab fil-fqir.

Meta nirrinuzja għal xi ħaġa, żied il-Papa, mhux minn dak li hu żejjed, biex nagħtih lill-fqir, lill-komunità fqira, dan jgħinni nistagħna.  Ġesù jkun qed jaħdem fija meta nagħmel dan l-att u jkun qed jaħdem fl-ieħor biex nistagħna, jien u nagħmel dan.

Din hi t-teoloġija tal-faqar: dan, għaliex il-faqar hu l-qofol tal-Vanġelu, mhux ideoloġija.  Dan hu propju l-misteru: il-misteru li Kristu sar xejn, umilja ruħu, ftaqar biex nistgħanew aħna.  B’hekk nifhmu għaliex l-ewwel Beatitudni hi “Imberkin il-foqra fl-ispirtu”.

Li tkun fqir fl-ispirtu jfisser li timxi f’din it-triq tal-Mulej: il-faqar tal-Mulej, li jasal biex jitbaxxa tant li jsir “ħobż” għalina f’dan is-sagrifiċċju.  Ikompli jitbaxxa tul l-istorja tal-Knisja, fil-memorjal tal-Passjoni tiegħu, fil-memorjal tal-umiljazzjoni tiegħu, fil-memeorjal ta’ kemm tbaxxa għalina, fil-memorjal tal-faqar tiegħu.  U Hu jgħanina b’dan il-“Ħobż”, temm il-Papa Franġisku.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: