Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Għajn Dwieli tal-festa!

Għajn Dwieli tal-festa!


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-fraternità tagħna l-Franġiskani Kapuċċini f’Għajn Dwieli qiegħdha tiċċelebra l-50 anniversarju mill-ftuħ tal-knisja.

Kien nhar l-10 ta’ Lulju 1965, jum is-Sibt fis-6.30 p.m. meta l-Provinċjal Patri Fortunatu Pulè bierek il-Knisja iddedikata lil Sant’Antnin ta’ Padova u mexxa l-ewwel quddiesa konċelebrata fiha. L-għada, il-Ħadd u fil-jumejn ta’ wara saret Espożizzjoni Ewkaristika Solenni b’radd il-ħajr u b’qima lill-Mulej. Erba’ snin wara, jiġifieri nhar il-25 ta’ Ġunju 1969, l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Mikiel Gonzi ikkonsagra l-knisja. Minn dakinhar ‘il quddiem ħuti l-Patrijiet Kapuċċini ma waqfu qatt iwasslu t-tagħlim li ħallielna Ġesù miktub fl-evanġelju taħt bosta għamliet ta’ ħidma pastorali, soċjali u edukattiva.

Kull darba li jkolli l-grazzja indur dawra mal-knisja għall-kwiet, bħalma kien iħobb jagħmel il-mibki Fra Ġużepp Gatt OFM Cap, li l-ħajja qaddisa li għex f’dan il-kunvent għadha tinħass sewwa, f’moħħi u f’qalbi jitlagħli l-kliem qawwi li kien qal Papa Franġisku f’waħda mill-katekeżijiet bikrin tal-Pontifikat tiegħu. Nhar is-26 ta’ Ġunju 2013 meta tħaddet fuq il-Knisja bħala t-Tempju tal-Ispirtu s-Santu Papa Franġisku qal hekk:

“It-Tempju l-antik kien mibni minn idejn il-bnedmin: riedu ‘jibnu dar’ lil Alla, biex ikollhom sinjal li jidher tal-preżenza tiegħu qalb il-poplu. Bl-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla titwettaq il-profezija ta’ Natan lis-Sultan David (ara 2 Sam 7:1-29): m’huwiex is-sultan, mhux aħna li sa ‘nagħtu dar lil Alla’, imma hu Alla nnifsu li ‘jibni d-dar tiegħu’ biex jiġi u joqgħod magħna, kif jikteb San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu (ara 1:14). Kristu hu t-Tempju ħaj tal-Missier, u Kristu nnifsu jibni d-‘dar spiritwali’ tiegħu, il-Knisja, magħmula mhux minn ġebel materjali, imma minn ‘ġebel ħaj’, li huwa aħna. L-Appostlu Pawlu jgħidilhom hekk lill-Insara ta’ Efesu: Intom ġejtu ‘mibnija lkoll fuq is-sisien ta’ l-Appostli u tal-Profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka. Fih il-bini kollu jintrabat sewwa, jitla’ f’tempju qaddis fil-Mulej; fih, intom ukoll fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f’dar fejn jgħammar Alla’ (Efes 2:20-22). Din ħaġa tassew sabiħa! Aħna l-ġebel ħaj tad-dar ta’ Alla, magħquda profondament ma’ Kristu, li hu l-ġebla tax-xewka, u jżomm wieqfa anki lilna lkoll bejnietna. Dan xi jfisser? Ifisser li t-Tempju huwa aħna, aħna l-Knisja ħajja, it-tempju ħaj, u meta nkunu magħquda flimkien bejnietna jkun hemm ukoll l-Ispirtu s-Santu, li jgħinna biex nikbru bħala Knisja. Aħna m’aħniex iżolati, imma aħna poplu ta’ Alla: din hi l-Knisja!”

L-għaqda! Il-fraternità! L-idejal li nebbaħ lil Franġisku t’Assisi. Dak il-qaddis sempliċi u umli li għalih kollox u kulħadd kien ħuħ u oħtu! Saħanistra ħutu x-xemx u l-qamar, is-sema u l-kwiekeb u n-nar! Mela aħseb u ara l-familja ta’ Ġesù Kristu, il-Knisja, x’inhi? Kull darba li nimxi fil-knisja tagħna t’Għajn Dwieli nisma’ jidwi f’widnejja l-kliem ħelu u setgħani tal-Kurċifiss ta’ San Damjan: “Franġisku, mur u ibni l-Knisja tiegħi li qiegħdha tiġġarraf!”

Għax tassew! Kull Patri li għex u li qed jgħix f’dan il-kunvent, bil-mod kif inebbħu l-Ispirtu t’Alla, bil-karattru tiegħu, u mwieżen mill-ubbidjenza lejn is-supperjuri tiegħu, għex u qed jgħix fis-sempliċità, fl-umiltà u fil-ferħ Franġiskan din il-ħolma ta’ Franġisku. Ħolma li tħaddan lil kulħadd. M’hemmx xi faxxa ta nies partikulari tas-soċjetà li din il-ħolma hi għalihom biss. U tifimha! U mhux ilkoll, lil hinn mill-ingravajjet, il-ġlekkijiet, l-iPads, il-make-up, il-pożi, u għid li trid, ġo fina għaddejja l-għajta kbira li nħobbu u li nkunu maħbuba? Għax min tassew jista’ jaqtagħlna dak l-għatx klubi li għandna għall-imħabba jekk mhux l-imħabba ta’ Ġesù Kristu li sar fqir għalina biex jagħmilna sinjuri bil-preżenza tiegħu?

U, għax aħna ġebel ħaj, ġebel li jħoss, jirraġuna u jiżen, ġebel li għandu r-rieda li jaċċetta jew li jwarrab il-fejqan li jrid jagħtina l-Mulej, aħna msejħa biex noffru l-imħabba li jagħtina Ġesù għal xulxin. U biex tista’ toħroġ din l-imħabba li l-Mulej jiżra’ fil-qalb ta’ dawk li jiġu f’dan it-tempju biex jagħtuh il-qima tagħhom? Bil-Kelma setgħana tiegħu! Huwa għalhekk li fuq l-ambone tal-Knisja tal-Kapuċċini t’Għajn Dwieli hemm minquxa l-kelmiet: Il-Kelma tiegħek hi s-sewwa.

Sant’Antnin ta’ Padova, li għalih hija iddedikata l-Knisja t’Għajn Dwieli flimkien mal-kunvent tagħna, għandu dawn il-ħsibijiet sbieħ fuq il-Bibbja. “Kif id-deheb huwa l-iżjed metall prezzjuż, hekk l-istudju tal-Bibbja jgħaddi kull studju ieħor” (I, 1). “Fil-Bibbja hemm il-bidu ta’ kull għerf, il-veru għerf li jgħallem, u li bih wieħed jista’ jsir tassew għaref”. “Il-qari tal-Bibbja huwa bħal ġwienaħ li bihom ruħna togħla minn wiċċ id-dinja, u taħrab mix-xita ta’ nar tal-ġibda ħażina tal-ġisem u mill-qerq tax-xitan” (I, 3). “Il-Bibbja hija bħal mera li fiha naraw lilna nfusna: mnejn ġejna, kif aħna magħġunin – ‘Trab kont; lejn it-trab terġa’ tmur’ (Ġen 3, 19); kemm hija dgħajfa saħħitna fil-ħajja tagħna – jgħid is-salmista: ‘Ħajjitna hija bħal tnehida.’ X’hemm dgħajjef iżjed minhekk? Daqxejn ta’ marda jew ftit deni, u jeqridu l-ġisem kollu tagħna: għalfejn qiegħdin hawn – Alla ħalaqna biex ingawdu l-veru Dawl: ‘Il-ġusti għad jiddu bħax-xemx’ (Mt 13:43)”.

Kemm tagħlim u konverżjonijiet saru u jibqgħu isiru fis-skiet f’din il-knisja! U mhux din il-veru festa meta “midneb wieħed … jindem?” (Lq 15:7)? Mhux b’hekk Għajn Dwieli tal-festa?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: