Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > L-apoloġetika hija evanġelizzazzjoni!

L-apoloġetika hija evanġelizzazzjoni!


Patri Mario Attard OFM Cap

F’dawn l-aħħar snin, speċifikament fil-kitbiet tal-Beatu Ġwanni Pawlu II u kif ukoll f’dawk ta’ Benedittu XVI, il-Knisja qiegħdha titħaddet b’qawwa kbira fuq il-frażi pastorali “evanġelizzazzjoni ġdida”.  Hemm bżonn kbir li l-messaġġ Nisrani jiġi mgħoddi b’mod ġdid lill-kontinent li minnu iffjorixxa: l-Ewropa. Imma dan il-proċess tat-tħabbir tal-kelma huwa, minnu nnifsu, apoloġetiku. Għaliex?

It-terminu apoloġetika jfisser “twieġeb, tagħti raġuni jew tiddefendi”. Fl-ewwel ittra ta’ Pietru għandna eżempju klassiku ta’ kemm il-komunità Nisranija hija msejħa biex tagħti tweġiba l-għaliex tgħix u tippromovi l-fidi li tħaddan. Il-kuntest ta’ din l-ittra m’huwiex ‘il bogħod mill-kuntest storiku u spiritwali li fih qiegħdin ngħixu fl-Kontinent Antik tal-Ewropa. Konxju tad-diffikultajiet li l-komunità Nisranija fl-Asja Minuri kienet qiegħdha tħabbat wiċċha magħhom, San Pietru jaħtaf l-opportunità biex isaħħaħhom fil-fidi tagħhom u jurihom kif għandhom jgħixu f’soċjetà li, fil-maġġoranza tagħha, kienet pagana. Kien għalhekk li fit-tielet kapitlu tal-ittra tiegħu huwa jgħidilhom: “Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom; imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett” (1 Pt 3, 15-16).

Tul iż-żminijiet il-Knisja għożżot dan it-test u ħadmet fuqu kemm felħet. Permezz tal-apoloġisti, il-Konċilji, il-Papiet, it-teoloġi, u x-xhieda qawwija tal-qaddisin, wasslet id-dawl dejjem jiddi ta’ Kristu ma’ kullimkien. Ta’ omm għarfa li hi l-Knisja wessgħet il-viżjoni tagħha. Ma illimtatx ruħha għall-kitba imma estendiet il-messaġġ ta’ Kristu b’mezzi oħra li setgħu jinftehmu minn nies taż-żmien konċernat bħal ngħidu aħna l-pittura, l-iskultura, l-arkittetura u l-mużika. Ix-xbieha għenet bis-sħiħ biex terfa’ l-moħħ u tiftaħ il-qalb tal-individwu ħalli jħares lil hinn minn dak li jaħseb u jikkonċerna lilu nnifsu. Ix-xbieha għenitu jikkonċentra l-ħarsa tiegħu fuq il-misteru ta’ Alla, it-traxxendenti imma li sar bniedem bħalna! Ix-xbihat, il-kuluri, il-bini, il-melodiji laqqgħu lir-ruħ għatxana għal Alla biex tiltaqa’ mal-Ħallieq tagħha.

Għaliex il-Knisja hija magħmula mill-bnedmin li faċli jidinbu u hekk iġagħlu lil xulxin ibatu minħabba dnubhom, fil-ħeġġa tagħha li twassal lil Kristu li hu waħdu “it-triq, il-verità, u l-ħajja” (Ġw 14, 6), sfortunatament ġieli irrikorriet għall-mezzi li dgħajjfu bis-sħiħ il-qawwa li Ġesù ta biex twasslu lill-ġnus kollha. Kien għalhekk li f’diversi okkażjonijiet il-Beatu Ġwanni Pawlu II għamel għadd ta’ stqarrijiet fejn talab maħfra f’isem il-Knisja Kattolika tal-iżbalji li wettqet tul is-sekli. Il-Papa ammetta li kien hemm mumenti fejn Kristu twassal mhux “bil-ħlewwa u bir-rispett” (1 Pt 3, 16), iżda bil-korla, bil-mibgħeda, bis-sejf u bil-qerda tal-persuni. Dan l-għemil kien ħażin u ta’ min jikkundannah anki jekk l-intenzjoni kienet tajba.

Madankollu, fi kliem l-introduzzjoni tad-dokument maħruġ mill-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali fl-1999 bit-titlu Memorja u Rikonċiljazzjoni: Il-Knisja u l-Iżbalji tal-Passat, “il-Knisja, li tħaddan magħha l-uliedha subjien u bniet kemm tal-imgħoddi u kif ukoll tal-preżent, f’komunjoni profonda u rejali, hija l-Omm waħdiena tal-Grazzja li tieħu fuqha wkoll il-piż tal-iżbalji tal-imgħoddi biex issaffi l-memorja u tgħix it-tiġdid tal-qalb u l-ħajja skont ir-rieda tal-Mulej”. U, għaliex il-Knisja hija konvinta mis-sejħa li għamlilha Kristu biex tkun “il-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja” (ara Mt 5, 13 -14), tħoss tbaqbaq ġewwa fiha dik l-imħabba tal-bidu li ġagħlitha ixxerred saħansitra demmha għall-Maħbub tagħha. Il-Knisja ma tistax tieqaf milli xxandar u tfiehem lill-Fundatur Divin tagħha għaliex temmnu u tħobbu. Ma tistax ma tfissirx u ma tiddenfendix l-imħabba kbira li għandha għalih!

Għalhekk, l-ewwel raġuni għalfejn il-Knisja għandha tagħti spjegazzjoni l-għaliex temmen f’Ġesù Kristu hija biex tissaħħaħ hi! Mela, l-ewwel moviment ta’ evanġelizzazzjoni l-ġdida iseħħ ad intra, mill-Knisja għall-Knisja. Kien Ġesù stess li wera dan meta lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13, 35). L-imħabba li Ġesù qiegħed jitħaddet fuqha tinkludi wkoll l-għarfien tal-persuna tiegħu! Kien għalhekk li fi ktieb li ħareġ kważi sentejn ilu, bl-isem The Difference God Makes: A Catholic Vision of Faith, Communion, and Culture, il-Kardinal Francis George jikteb hekk: Apologetics is important first of all within the Church herself.  We need to give reasons for the faith not only to enlighten those who do not share it but also to strengthen those within the household of the faith.

Liema huma t-temi li jeħtiġielhom jissaħħu fl-apoloġetika l-ġdida fi ħdan il-Knisja? Hawnhekk nixtieq nipproponi dak li kiteb Mons. Ronald Knox, konvertit mill-Anglikaniżmu. Fil-ktieb tiegħu Ronald Knox as Apologist, Milton Walsh jippreżentalna l-ħames kwestjonijiet bażiċi tal-apoloġija ta’ żmienu. The existence of God, the Old Testament as prophecy, the Person of Christ, the New Testament as a reliable record, and the Church as authorized teacher. Personalment niltaqa’ ma għadd ta’ persuni li jiddubitaw jekk Alla jeżiżtix? Jekk il-Bibbja hijiex tassew il-Kelma ta’ Alla ispirata? Jekk Ġesù hux bniedem biss? U b’liema awtorità l-Knisja trid tindaħal f’kollox.

Barra minhekk il-Knisja ma tistax tibqa’ barra mid-diskussjonijiet max-xjenzi umani. Bil-qawwa tal-għerf u l-ħila li jagħtiha l-Ispirtu s-Santu, il-Knisja jeħtieġilha tiddjaloga mas-soċjetà tallum billi tuża’ l-istess prinċipji filosofiċi tagħha u tapplikahom għall-fidi, tirrispetta x-xjenzi umani, u tisħaq fuq l-importanza tal-libertà umana. Il-fidi u r-raġuni jimxu flimkien! Dan reġa’ sostnih il-Kardinal Francis George fix-xogħol tiegħu The Difference God Makes: A Catholic Vision of Faith, Communion, and Culture, meta qal: A new apologetics must therefore be grounded in a philosophy that grants the sciences their rightful autonomy but not a hegemony; it must make use of a philosophy that is open to contemporary concepts, especially those that promote an appreciation or human subjectivity and for the centrality of human freedom in our experience.  In an effective apologetics, reason finds itself strengthened in its dialogue with faith, and vice versa.

L-apoloġetika l-ġdida, għaliex hija imsejsa fuq ir-rabta bejn il-fidi u l-ħajja minn dak li jfisser jew li jiddefendi l-fidi tiegħu, għandha bżonn tiffoka fuq is-sbuħija tal-ħolqien. Il-qalba ta’ dan l-apprezzament għandu jinstab fil-misteru u s-sbuħija tal-kult Kattoliku. Jeħtieġ li nibdew inqisu l-ħolqien bħala s-sagrament “tas-smewwiet ġodda u art ġdida” (2 Pt 3, 13). Meta nittrattaw mal-ħolqien irridu nikkultivaw l-istess attitudni li l-Mulej talab minn Mosè: “Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa” (Eż 3, 5).

L-apoloġetika l-ġdida tfisser li aħna l-Insara npoġġu l-fidi tagħna fil-prattika billi, fuq l-eżempju ta’ Sidna Ġesù Kristu, naħdmu għall-ġustizzja u l-imħabba. Is-solidarjetà tagħna maċ-ċittadini ħutna, li huma wkoll iħossuhom responsabbli, għandha twassalna biex naħdmu spalla ma’ spalla magħhom fi kwistjonijiet ambjentali, biex ngħinu lill-batuti u anki għall-ġustizzja ekonomika. Fl-istess ħin, l-abbiltà tagħna li nfissru l-viżjoni sħiħa tal-verità, il-ġustizzja u l-karità hija essenzjali biex niżguraw li xhieda u azzjoni bħal din tikkontribwixxi bil-kbir għall-ħolqien taċ-ċiviltà tal-imħabba.

Fl-apoloġetika l-ġdida jinħass bżonn kbir tad-djalogu bejn it-tifsira u l-għan tal-libertà umana. Bis-saħħa ta’ dan id-djalogu l-kultura kontemporanja ssib iżjed saqajha mal-art. Jekk il-libertà tispiċċa isaħħaħ l-individwaliżmu tal-kultura “l-ewwel jien”, hija qatt mhu se jirnexxielha issarraf il-potenzjal li afdalha f’idejha Dak li ħalaqna xbieha tiegħu biex inkunu nistgħu inwieġbu b’libertà għad-don kbir tal-imħabba divina. Meta jkun hemm l-għarfien proprju tal-libertà umana s-sesswalità tal-bniedem tiġi mifhuma u apprezzata bil-wisq iżjed milli hi bħalissa!

 

L-apoloġetika l-ġdida lanqas ma trid tittraskura d-djalogu max-xjenza u t-teknoloġija. Għadd ta’ xjentisti jitħaddtu minn fidi personali. Madankollu, il-wiċċ pubbliku tax-xjenza huwa ċertament wieħed anjostiku. Hawnhekk tinstab għalqa fertili u neċessarja għad-djalogu. Teilhard de Chardin ipprova jippreżenta apoloġetika għad-dinja tax-xjenza b’fantasija kbira. Għall-grazzja ta’ Alla, il-millenju l-ġdid se joffri opportunitajiet ġodda biex iwessa’ din id-dimensjoni essenzjali tad-djalogu bejn il-fidi u r-raġuni. Mingħajr dubju waħda mill-kwistjonijiet l-iżjed jaħarqu hija dik tal-evoluzzjoni f’rabta mad-duttrina tal-ħolqien.

Fl-aħħarnett, l-apoloġetika l-ġdida jeħtieġ tinkludi fiha l-kuntest ekumeniku u interreliġjuż tad-djalogu dwar il-fidi reliġjuża f’dinja sekularizzata. Kwistjonijiet ta’ spirtu u fidi għadhom jisirqu l-attenzjoni tat-tradizzjonijiet reliġjużi kbar u bħala tali għandhom jiġu mitħaddta bi ftuħ ta’ djalogu interreliġjuż. Ta’ min isemmi wkoll li l-progress ekumeniku uriena l-ħafna doni li naqsmu ma’ ħutna l-Insara l-oħra. L-apoloġetika tagħna l-Insara se tkun imsaħħa bix-xhieda komuni ma’ ħutna l-Insara dwar l-għan tar-rivelazzjoni ta’ Alla fi Kristu għal ħajjitna u għad-dinja li fiha ngħixu.

L-apoloġetika mhux biss hija parti importanti mill-evanġelizzazzjoni Nisranija imma nistgħu ngħidulha li hija l-istess qafas tagħha! Minnha nnifsiha, l-apoloġetika hija evanġelizzazzjoni!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: