Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-maternità: rigal u sejħa minn Alla

Il-maternità: rigal u sejħa minn Alla


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-Ħadd 13 ta’ Mejju hu jum importanti. Fost l-oħrajn insibu l-attentat fuq ħajjet il-Beatu Ġwanni Pawlu II u li seħħ wieħed u tletin sena ilu, il-festa tal-Madonna ta’ Fatima u, ovvjament, Jum l-Omm! Fit-tliet avvenimenti dak li hemm jgħaqqadhom bejniethom hija l-imħabba tal-omm. X’ma tagħmilx l-omm għal uliedha? F’liema baħar ta’ nkwiet tidħol għalihom biex teħlishom? Jekk Marija, bit-talb matern qawwi tagħha, ħelset lill-Papa Wojtyla minn mewta ċerta kif ma tidħolx bil-qawwa kollha għal kull omm li tirrappreżentaha f’din id-dinja?

F’jum daqshekk sabiħ kulħadd jaħseb x’rigal jaqbad jagħti lil ommu li tkun għadha magħna. Minħabba li l-ommijiet moderni qiegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi kbar, u li tkun omm titgħallimha biż-żmien, ħsibt li jkun għaqli jekk nissuġġerilkom tixtru lil ommijietkom dan il-ktieb sabiħ miktub minn Lisa Hendey bit-titlu The Handbook for Catholic Moms: Nurturing Your Heart, Mind, Body and Soul. Dan il-ktieb joffri ħafna kuraġġ u kif ukoll għajnunjiet prattiċi għal dawk li qiegħdin iqattgħu bi snienhom biex ikunu ommijiet Kattoliċi tajbin. Nixtieq ngħid li għalkemm il-ktieb huwa indirizzat lejn l-ommijiet Kattoliċi fih għajnuniet li ommijiet li m’humiex Kattoliċi żgur li jsibuhom utli fit-twettiq tad-don u s-sejħa materna tagħhom. Fil-fatt, is-sabiħ ta’ dan il-ktieb hu li jittratta għadd ta’ suġġetti li jmissu l-ħajja ta’ omm bħat-trobbija, il-finanzi, it-talb u s-saħħa.

F’dan il-ktieb Hendey taqsam l-esperjenzi u l-ħsibijiet tagħha minn għaxar snin ta’ ħidma fuq l-Internet ma’ ommijiet oħra permezz tal-website CatholicMom.com, li hija waqqfet fl-1999. Dan is-sit jissokta joffri artikli, pariri, ċajt u komunità għal ħafna nies madwar id-dinja. Biżżejjed insemmi li fl-2009 biss kien hemm mal-400,000 viżitatur. Minn barra li Hendey tikteb għall-għadd ta’ pubblikazzjonijiet hija tmexxi ukoll il-Web design business u anki tieħu ħsieb il-Web page tal-parroċċa tagħha. Għal Hendey, li tkun omm hija sejħa importanti ħafna. Personalment tħoss li xi affarijiet li tgħallmet bħala omm tgħallimthom mill-esperjenza tagħha u tal-oħrajn. It-tama tagħha hija dik li tinkoraġġixxi lin-nisa f’dan ir-rwol.

Bix-xogħol kollu li l-ommijiet għandhom f’dawn iż-żminijiet ħafna jistgħu jħossu li aħjar ikun hemm par idejn żejda ħa jgħinuhom milli ktieb kollu teoriji. Imma x’inhu l-aħjar li tagħti ħuta jew li tgħallem lil min jistgħad? Kif il-ktieb ta’ Hendey jista’ jgħin lill-ommijiet biex ikunu iżjed effettivi fit-twettiq tad-doveri u r-responsabbiltajiet tagħhom ta’ kuljum? X’qiegħed jimmira li jżid f’ħajjithom?

Hendey tammetti din l-isfida f’ħajjitha stess. Waqt li kienet qiegħdha tikteb il-ktieb qagħdet b’seba’ għajnejn li toffri “dinja reali”, soluzzjonijiet prattiċi għall-ommijiet. Fil-ktieb, Hendey ippruvat tolqot kull tip ta’ omm, fosthom dawk li jaħdmu barra mid-dar, dawk li jieħdu ħsieb familji kbar, dawk bi tfal li għandhom bżonnijiet speċjali u kif ukoll lis-single mothers li jaffaċċjaw sfidi mill-aktar kbar. Il-ktieb huwa miżgħud bi stejjer u pariri prattiċi minn familji madwar id-dinja li qasmu dak li sabu jgħodd f’ħajjithom u għal djarhom.

Fit-taqsima tal-ktieb imsejħa mind, Hendey titħaddet fuq ix-xogħol, kemm fid-dar u anki barra mid-dar u kif ukoll toħloq diskussjoni fuq l-importanza li l-ommijiet jieħdu ħsieb is-sejħa materna tagħhom b’ħafna attenzjoni u enerġija. Il-ktieb joffri strateġiji ta’ time management imam, u aktar minn hekk, iħeġġeġ biex in-nisa jqisu l-maternità tagħhom bħala don u sejħa tassew.

Hendey ikkummentat hekk: “Onestament inħoss li aħna, l-ommijiet Kattoliċi, jeħtieġilna nieħdu ħsieb bil-kbir lilna nfusna fir-relazzjonijiet tagħna, kemm b’mod intellettwali, fiżiku, u, iktar u iktar, spiritwali, bil-għan li nieħdu ħsieb bl-aħjar mod lill-familji tagħna. The Handbook for Catholic Moms għandu bħala għan li jipprovdi riżors qawwi f’kull qasam ta’ dawn it-taqsimiet billi jaqsam stejjer, kwotazzjonijiet, ideat u suġġerimenti ta’ mijiet ta’ ommijiet Kattoliċi madwar id-dinja. It-tama tiegħi għal dan il-ktieb hija li jgħin lill-ommijiet Kattoliċi iħossuhom megħjuna u mħeġġa fl-isfidi li qiegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom kuljum”.

Il-ktieb jinkludi fih taqsima li tgħin lill-ommijiet fil-finanzi, li huwa ta’ interess partikulari fir-riċessjoni ekonomika. X’wieħed jista’ jissuġerixxi lill-ommijiet li tant jixtiequ xorti għall-uliedhom imma għandhom qalbhom maqtugħa mir-realtà tal-kont tal-bank?

Minħabba l-qagħda diffiċli ekonomika huma ħafna l-familji li qiegħdin ibatu. Madankollu, l-akbar rigali li l-ommijiet jisgħtu jagħtu lill-uliedhom m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-kontijiet bankarji. Fi kliem Hendey, “fil-knejjes domestiċi tagħna (il-familji), għandna l-opportunità li ntellgħu erwieħ li javvalorizzaw relazzjoni tanġibli ma’ Alla, li jħobb lil kull wieħed minna mingħajr kundizzjoni, mingħajr l-iċken każ tal-qagħda ekonomika jew il-mertu personali tagħna”.

Għalhekk, ir-riċessjoni preżenti toffri lil kull omm iċ-ċans li tgħallem lill-uliedha dwar l-importanza tal-qadi, il-kura tal-oħrajn, u kif ukoll dwar il-ħniena vera u l-ferħ kbir meta wieħed jagħti. Hendey tissokta: “F’ħajti tgħallimt li l-paċi vera tiġi meta ngħix bil-mezzi li għandi u kif ukoll li ngħin lill-oħrajn kemm finanzjarjament u emozzjonalment fil-mumenti diffiċli u li joffru sfida kbira”.

Il-ktieb ta’ Hendey jiffoka fuq aspetti differenti tal-ħajja tal-omm bħall-moħħ, il-ġisem, il-qalb u r-ruħ. Kif l-ommijiet jisgħtu jgħixu l-ħajja spiritwali tagħhom b’mod profond? It-talb u r-riflessjoni għandhom posthom fid-dinja tal-omm jew hemm modi differenti biex titlob meta l-ħajja hija tant mimlija xogħol?

Il-ħajja tat-talb ta’ omm żgur li hija differenti minn Kattoliċi oħra li ħajjithom m’hijiex daqshekk mimlija daqs bajda bil-faċendi. L-awtriċi tħobb ħafna l-kliem ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux li tħeġġiġna biex inbiddlu kull għemil f’talba, f’sinjal konkret tal-imħabba tagħna lejn Alla. Din il-filosofija għandha x’taqsam ħafna mal-ħajja ta’ omm, li jiemha huma miżgħuda b’xogħolijiet mundani bħall-ħasil, tisjir, u tindif. Meta magħmula b’devozzjoni dawn l-għemejjel sempliċi jsiru t-talba tal-omm. Għal Hendey il-ħidma għandha tintiseġ mal-mumenti silenzjużi. Hija temmen bis-sħiħ f’dak li l-Beata Madre Tereża minn Kaklutta kienet tgħid: “Alla huwa ħabib tas-silenzju. Araw kif in-natura – is-siġar, il-fjuri u l-ħaxix – tikber fis-silenzju. Araw kif il-kwiekeb, il-qamar, ix-xemx, kif jimxu fis-silenzju. Iktar ma nirċievu fit-talb silenzjuż iktar nistgħu nagħtu fil-ħajja attiva tagħna”.

F’dan id-dawl, Hendey tagħti dawn il-pariri prattiċi. “Inħeġġeġ lil kull waħda minna – jiena inkluża – li noħolqu mumenti ta’ silenzju fil-ġenn ta’ din il-ħajja. Itfi l-iPod, il-mobile. Oħloq ‘spazzju ċkejken u sagru’ f’darek. Biżżejjed siġġu f’rokna jew anki mħadda żgħira għall-qiegħa tal-art fejn tista’ tinġabar għal ftit mumenti kuljum. Jekk għandek tfal żgħar fid-dar stedinhom biex jistrieħu fil-kwiet ħdejk, anki jekk għal ftit mumenti. U fissrilhom kemm huma prezzjużi għalik dawn il-mumenti siekta. Ħudhom għal żjara qasira fil-Knisja parrokjali tiegħek. Itolbu flimkien fil-karozza fi triqitkom lejn l-iskola u kun għalihom ta’ eżempju dwar l-importanza ta’ ħajja ta’ talb kontinwu. The Handbook for Catholic Moms għandu taqsima sħiħa li titratta fuq soluzzjonijiet prattiċi biex wieħed jilqa’ it-teżori spiritwali Kattoliċi tagħna fil-qalba tal-jiem imħabbta tagħna bħala ommijiet”.

Il-ġenituri jagħrfu li għandhom biss ħin limitat biex jgħaddu l-valuri fuq uliedhom qabel jidħlu fid-dinja. Huwa fatt li li tidħol f’soċjetà hija esperjenza tal-biża’. Imma kif l-ommijiet jistgħu iħejju lil uliedhom b’mod li jista’ jgħinhom iżommu l-valuri u l-virtujiet tagħhom? X’inhu li wieħed jista’ jissuġġerixxi lill-ommijiet li jaqgħtu qalbhom jew jibżgħu minn dak li jistgħu jgħaddu uliedhom waqt li jkunu qiegħdin jaraw l-aħbarijiet jew meta jisimgħu dwar il-problemi tas-soċjetà?

Ix-xhieda ta’ Hendey tista’ tagħti kuraġġ lil dawk l-ommijiet li jħossuhom maħkumin minn din il-biża’ li, għalkemm reali, faċilment tista’ issir esaġerata. “Bħala omm ta’ żewġ adoloxxenti, ninsab fil-qalba ta’ dan il-perjodu potenzjalment tal-biża’ f’ħajti stess. Ibni l-kbir se jitlaq lejn il-kulleġġ fil-ħarifa. Miegħu se jieħu l-lezzjonijiet li se jservuh ħajtu kollha u li aħna ippruvajna ngħaddulu waqt li kien qiegħed jikber. Onestament, għandi tama kbira għall-ġejjieni tal-Knisja tagħna meta nara tant familji li b’attenzjoni kbira ippruvaw jgħixu s-sejħa li jkunu ‘knisja domestika’ fi djarna. Nemmen li wieħed mill-aqwa modi li bih inħejju lill-uliedna biex jilqgħu għażliet morali huwa li jkollna diskussjonijiet kostanti magħhom fil-kuntest tal-ħajja ta’ kuljum. Meta naraw film flimkien malli jintemm niddiskutuh. Jekk tarahom qiegħdin jitħabbtu fi ħbiberija fl-iskola tħaddet fuqha fil-kuntest li tibni relazzjonijiet ta’ imħabba u qadi.

Meta jikbru f’adoloxxenti, nippruvaw nisimgħu lil uliedna, inkluż is-sinjali siekta li kull omm hija mħejjija li tagħraf. Nittama li uliedi jitilqu minn dari b’sens infurmat u sħiħ tal-fidi Kattolika tagħhom fil-qalba tal-viżjoni tagħhom dwar id-dinja. Iktar milli noqogħdu nibżgħu jew ningħalqu għad-dinja ta’ barra ejjew inħejju lill-mexxejja ġejjiena tal-Knisja u tad-dinja tagħna li bħalissa qiegħdin jgħixu fi djarna. Inħejjuhom biex jilqgħu l-valuri tal-Vanġelu fl-għażliet ta’ ħajjithom waqt li qiegħdin isiru adulti. Jiena, li naf lil uliedi u lil ħbiebhom, inħossni ottimsta li l-futur tagħna huwa sabiħ”.

Il-ġenturi jixtiequ li uliedhom ikunu ferħanin. Kif jistgħu iżommu l-ispirtu ta’ ferħ ħaj fihom waqt li jgħallmuhom it-tagħlim neċessarju, jiddixxiplinawhom jew li jħalluhom jgħaddu mill-uġiegħ li jġarrbu waqt li qiegħdin jikbru?

Għal Hendey, il-kommunikazzjoni kostanti hija ċ-ċavetta għad-dixxiplina u t-taħriġ effettiv. L-awtriċi ma tiddejjaqx turi d-dgħufija u d-dwejjaq tagħha meta tiġi biex tikkoreġi l-għażliet ħżiena li jagħmlu uliedha. Id-dinja tagħhom illum hija bil-wisq ikkumplikata mill-ambjent li ħafna minn dawk li illum huma ġenituri twieldu u trabbew fih. Ma’ din id-dinja li kontinwament qiegħdha tinbdel jiġu l-kumplikazzjonijiet kbar li, xi minn daqqiet, jitolbu li l-ġenituri għandhom bżonn jitgħallmu malajr dwar ħwejjeġ li qatt ma kienu antiċipaw qabel.

Bħalma Ġesù tħaddet mad-dixxipli tiegħu permezz tal-parabboli bil-għan li jgħallimhom, Hendey tgħid li meta trid tiddixxiplina lil uliedha hija tuża stejjer minn ħajjitha stess. Xi minn daqqiet jgħinhom li jkunu jafu li l-ġenituri tagħhom mhux dejjem kienu kif inhuma llum. Li, xi minn daqqiet, fil-passat huma wkoll tħabtu u wettqu għażliet żbaljati. U, l-għaliex jafu l-prezz qares ta’ dawn l-iżbalji jixtiequ ħafna jgħinuhom ħalli jqaqqsu mill-konsegwenzi negattivi li, mingħajr dubju, iseħħu meta jiġu magħmula għażliet ħżiena.

Hendey tgħid: “Nipprova insegwi l-eżempju tal-ġenituri tiegħi, li rabbew ħames ulied fi żwiġijiet li rnexxew u li llum għandhom il-familji tagħhom. Waqt li kont qiegħdha nikber qatt ma kelli dubju li l-iktar ħaġa li l-ġenituri tiegħi kienu l-iktar jixtiequ għalija kien il-ferħ. Ħajja ta’ fidi, tama u ferħ. Huma qasmu ma’ kull wieħed u waħda minna dan il-ħin kollu, anki f’mumenti ta’ diżappunt meta aħna għażilna t-triq il-ħażina. Nipprova insegwi dan l-istess messaġġ ma’ uliedi kuljum”.

X’inhu  l-idejal ta’ omm? Jekk mara timxi ma’ dan il-ktieb x’tittama li ssir? Hendey hi tal-fehma li kull dar hija mgħammra “bl-omm idejali.” L-ebda omm ma hi l-istess bħall-oħra. Minkejja r-riċetta ta’ suċċess li l-31 kapitlu tal-Ktieb tal-Proverbji jagħtina l-ebda mara ma jista’ ikollha eżatt l-istess sett ta’ ċirkustanzi tal-ħajja bħal mara oħra. Fil-familja tagħha stess, Hendey tinnota li hemm nisa jaħdmu, oħrajn jaħdmu mid-dar u oħrajn li joqgħodu d-dar. Fil-Knisja fejn tattendi hemm nisa miżżewġin, dawk li huma single u li għamlu d-deċiżjoni qalbiena li jżommu lil uliedhom, u ommijiet li jieħdu ħsieb ulied l-irġiel li żżewwġu u li kienu minn nisa oħra. Xi ommijiet uliedhom jeċċellaw fit-talenti filwaqt li oħrajn jaqdu lil uliedhom li għandhom bżonnijiet speċjali.

Fl-aħħarnett Hendey tgħid: “Aħna lkoll inqumu filgħodu nittamaw u nitolbu li nagħtu l-aħjar tagħna lil dawk li nħobbu l-iktar u lid-dinja ta’ madwarna. Sinċerament nittama li l-ommijiet li jaqraw The Handbook for Catholic Moms iħossuhom imħeġġa u mgħejjuna fis-sejħa tagħhom li jkunu ommijiet. Ma nħarisx lejn il-ktieb bħala riċetta għall-perfezzjoni imma bħala riċetta għall-ferħ, għall-qdusija u għall-ħajja mimlija kuntentizza. L-ingredjenti f’dik ir-riċetta jistgħu ivarjaw minn mara għall-oħra. Imma l-għan aħħari huwa l-istess – li nkunu nafu b’ċertezza kbira li aħna maħbuba minn Alla mingħajr kundizzjoni. Li aħna se naqsu din iċ-ċertezza mal-familji tagħna u li ġurnata se jkollna s-salvazzjoni miegħu flimkien”.

Dan huwa l-awguri tiegħi lil kull omm: li tkun mezz qawwi ta’ salvazzjoni għall-uliedha! Nawgura lil kull mara l-festa t-tajba!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: