Home > Riċensjoni > Il-Fundatriċi li ħabbet l-Imħabba

Il-Fundatriċi li ħabbet l-Imħabba


Ktieb bl-Ingliż dwar il-Venerabbli Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù

Xi żmien ilu kont ktibt dwar pubblikazzjoni bil-Malti li kien tana Mons. Ġużeppi Gauci dwar l-ispiritwalità tal-Venerabbli Madre Margerita De Brincat, fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.  Bi pjaċir ngħid li lanqas laħqu għaddew wisq xhur li Dun Ġużepp mhux qed joffri lill-pubbliku ktieb ieħor interessanti u kollu riflessjonijiet dwar din is-soru Għawdxija ta’ ħajja qaddisa, din id-darba bl-Ingliż.

Ktieb_Madre_MargeritaGħal snin twal lil Dun Ġużepp rajnieh idur id-djar tas-Sorijiet Franġiskani madwar il-kontinenti kollha biex lil dawk li jkunu jitħejjew għall-ħajja reliġjuża skond il-kariżma ta’ Madre Margerita u lis-sorijiet infushom jifformahom fl-ispiritwalità tagħha, li hi tant għal qalbu u li tagħha hu midħla sew.  Fuq xewqa tal-Kongregazzjoni nfisha, dawn il-lezzjonijiet u taħdidiet bl-Ingliż issa ġew miġbura fi ktieb li jġib l-isem The Foundress who loved Love, imxandar mis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù fl-2014.

Il-ktieb ta’ 400 paġna jiġbor serje ta’ 45 lezzjoni mogħtija lis-sorijiet f’pajjiżi differenti dwar l-ispiritwalità tal-Fundatriċi u r-relazzjoni intima tagħha ma’ l-Imħabba ta’ qalbha, Ġesù.  Barra minn hekk, lejn tmiem il-ktieb wieħed isib trattat interessanti dwar “Madre Margerita u l-ispirtu ta’ l-oriġni tal-Kongregazzjoni”, kif ukoll sinopsi ta’ l-ispiritwalità tagħha.  Għalkemm jaf ikun hemm ripetizzjonijiet minħabba l-fonti differenti li minnhom hu miġbur il-kontenut, kif jgħidilna tant tajjeb l-awtur, “repetita iuvant”.  Fl-addenda ta’ l-aħħar wieħed isib ukoll żewġ dokumenti importanti: id-Digriet tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin f’Ruma dwar il-virtujiet erojċi ta’ Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, u l-Ittra Pastorali ta’ l-Isqof Mario Grech meta hi ġiet rikonoxxuta mill-Knisja bħala Venerabbli.  Fl-għeluq tal-ktieb hemm għadd imdaqqas ta’ riferenzi li jgħinu wkoll għal iktar qari dwar il-figura u l-ispiritwalità ta’ Madre Margerita, li b’dan il-ktieb bl-Ingliż żgur li qed isiru iktar magħrufa.

Ma jonqsux ukoll diversi illustrazzjonijiet u ritratti li jżejnu din il-pubblikazzjoni, kif ukoll serje ta’ paġni b’ritratti bil-kulur li fost l-oħrajn jipprovdu album taż-żjajjar ta’ Dun Ġużepp lill-komunitajiet tas-Sorijiet imxerrda ma’ l-erbat irjieħ tad-dinja.

L-awtur fid-daħla tiegħu joffri dawn il-meditazzjonijiet lis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju presbiterali tiegħu din is-sena.  Imma l-qari hu tajjeb għall-pubbliku kollu, għax fih xmara ta’ għerf għar-ruħ imnebbaħ mill-“Fundatriċi li ħabbet l-Imħabba”.

Il-ktieb jista’ jinxtara mill-Casa Madre tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù fi Triq Palma, il-Belt Victoria.

Categories: Riċensjoni
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: