Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Mhux ir-responsabbiltà tal-Knisja biss!

Mhux ir-responsabbiltà tal-Knisja biss!


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-Knisja Kattolika tħobb, tgħożż u toffri s-servizz tagħha lill-familja. Huwa fl-interess ġenwin tagħha li l-familja tkun soda. Inkella x’ġejjieni se jkollha bħala l-Poplu ta’ Alla fid-dinja? Dan joħroġ b’mod ċar b’inizzjattivi prattiċi, bħalma hu l-Moviment ta’ Kana, li tul is-snin il-Knisja f’Malta għenet bis-sħiħ lill-bosta familji Maltin u Għawdxin fil-ħajja familjari tagħhom. F’dan l-isfond nixtieq infakkar ftit dak li l-eżortazzjoni appostolika tal-Beatu Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, li titħaddet fuq ir-rwol tal-familja Nisranija fid-dinja moderna, tgħidilna fl-ewwel numru tagħha:

“Għaliex taf li ż-żwieġ u l-familja jagħmlu wieħed mill-aktar valuri prezzjużi, il-Knisja tixtieq li titkellem u toffri l-għajnuna tagħha lil dawk li huma diġà konxji tal-valur taż-żwieġ u l-familja u li qiegħdin jippruvaw jgħixuh fedelment. Lil dawk li m’humiex ċerti u huma beżgħana u qiegħdin ifittxu l-verità, u lil dawk li huma imwaqqfa b’mod inġust milli jgħixu b’mod ħieles il-ħajja familjari tagħhom. Billi tħeġġeġ lil ta’ l-ewwel, iddawwal lil tat-tieni u tgħin lill-bqija, il-Knisja toffri s-servizzi tagħha lil kull persuna li tiddubita dwar id-destin taż-żwieġ u l-familja”.

Li l-Knisja, anki jekk hi midinba, toħroġ rasha għall-familja hija rejaltà kbira. Ma nistax ma nsemmix is-servizz mitqlu deheb li ruxxmata saċerdoti u lajċi jagħtu ‘il bogħod  mill-għagħa li joħolqu l-mikrofoni u l-cameras televiżivi, u fis-skiet jgħinu bis-sħiħ biex il-familji fi kriżi tingħatalhom l-għajnuna kollha li jinħtieġu fil-mixja tagħhom lejn Ġerusalemm tas-Sema. Barra mill-Knisja x’inhu jagħmel l-Istat biex jgħin tassew lill-familja? Qiegħed iserraħ rasu biss fuq il-ħidma fejjieda u siekta tal-Knisja? X’obbligi għandu biex isaħħaħ il-familji tagħna, speċjalment dawk imermra minn kull xorta ta’ problemi?

Hawnhemm ma nistax ma nagħmilx referenza għall-Ittra Pastorali li Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ippublika nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Mejju. It-titlu tagħha jitħaddet waħdu fuq il-kontenut li fiha: Insaħħu l-Familja. Hija ittra ħierġa minn qalb ta’ ragħaj li jħobb b’imħabba kbira l-merħla tiegħu. Li lest li jiddefendiha akkost li jidher ikrah għaliex ma jinftiehemx. Il-verità jgħidha kif inhi mhux biex isawwat daqskemm biex biha Alla jfejjaq lill-Poplu tiegħu! Fl-Ittra Pastorali, l-Isqof ta’ Għawdex jimraħ “lil hinn miz-zuntier tal-Knisja” u jidħol f’tip ta’ “Kristjaniżmu [li] għandu rilevanza soċjali u pubblika”. Il-messaġġ Nisrani fih il-qawwa li jibdel lis-soċjetà sekulari ta’ taħt fuq!

Skont l-Isqof Grech, il-familja hija “dik is-soċjetà naturali ta’ persuni mibnija fuq relazzjoni bejn mara u raġel, ibbażata fuq iż-żwieġ bħala rabta dejjiema immirata għall-għaqda u l-imħabba ta’ xulxin u għat-tnissil, it-trobbija u l-edukazzjoni tal-ulied”. Din id-definizzzjoni hija ikkonfermata saħansitra mix-xjenzi umani nfushom. Tant hu hekk, jgħid l-Isqof Grech, “li din l-għamla ta’ familja hija dik il-forma li tikkostitwixxi l-aqwa riżorsa għas-soċjetà”. Fi kliem ieħor, “ebda relazzjoni oħra ma għandha tiġi ekwiparata mal-familja” inkluż “kull esperjenza fejn persuni jiddeċiedu li jgħixu flimkien għax jinħabbu”.

L-Istat għandu responsabbiltà kbira li jgħin lill-familja mhux biss tqum fuq saqajha imma wkoll li tbaħħar f’sigurtà f’dawn il-ħallel ekonomiċi li d-dinja għaddejja minnhom. In-numru ta’ familji li qiegħdin ibatu bis-sħiħ minħabba l-piżijiet finanzjarji qiegħed dejjem jikber. Uħud tant kemm ma jistgħux ilħaqqu mal-ħajja li, sfortunatament, hija r-relazzjoni konjugali u familjari li jkollha tħallas il-prezz kiefer tas-sitwazzjoni mwiegħra li qiegħdin jgħixu fiha. Huma stess jgħidulek: “Ħin għal xulxin ma baqagħlniex!”

Barra minhekk, u dawn huwa każi inkwetanti ħafna, ħafna żgħażagħ qiegħdin jaqgħtu qalbhom milli jidħlu għall-impenn taż-żwieġ u l-familja. Fil-fatt, Mons. Grech jgħid li “l-piżijiet finanzjarji, il-prekarjetà tax-xogħol, l-akkwist tad-dar, eċċ…, jistgħu jkunu fost ir-raġunijiet għaliex illum il-koppji żgħażagħ qed idumu ma jidħlu għaż-żwieġ jew biex jibdew jiffurmaw familja”. Dan il-postponiment, li għal uħud donnu li se jibqa’ ikarkar is-snin, huwa ta’ twissija serja lill-Istat biex jidħol iżjed b’ruħu u ġismu ħalli jirrimedja s-sitwazzjoni. U xi ngħidu mbagħad għal dawk il-koppji li għadhom kemm jibdew il-ħajja taż-żwieġ? Dawn m’għandhomx jiġu mgħejjuna ħalli jissaħħu u hekk ikollna soċjetà tassew maqguħda? Kif jgħid tajjeb l-Isqof Grech, hemm bżonn li “s-soċjetà tkompli tgħin il-koppji ż-żgħar mhux b’karità, imma, filwaqt li jkomplu jinħolqu dawk il-kundizzjonijiet tax-xogħol li jkunu family friendly, il-familja li qed trabbi jkollha retribuzzjoni li tgħinha ma taqtax qalbha tibni familja”.

Numru mhux żgħir ta’ nisa qiegħdin jidħlu fid-dinja tax-xogħol mhux għaliex iridu daqskemm għaliex huma misjuqa minn nixfa finanzjarja. L-ilment li llum “b’paga waħda ma tgħaddix” huwa rejaltà. Is-sagrifiċċji li qiegħdin jidħlu għalihom koppji miżżewġin biex imantnu l-familji tagħhom huma kbar. Barra minhekk, il-problemi finanzjari jistgħu jixxuttaw bil-mod il-mod l-ambjent ta’ mħabba taż-żwieġ u l-familja. Forsi n-nuqqas ta’ finanzji ma jistax iżid “l-inċertezza tar-relazzjoni, il-biża’ li l-koppja ma tkunx taf teduka lil uliedha, u r-riskji tal-futur”? U, jekk dan hu l-kwadru tas-sitwazzjon preżenti, tgħid ma wasalx iż-żmien biex iż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati jingħaqdu flimkien biex ifasslu program finanzjarju li jsaħħaħ il-qagħda finanzjara ta’ dawk il-familji li jinsabu l-iktar fil-bżonn? Possibbli m’aħniex kapaċi inwarrbu l-pika politika fil-ġenb u ningħaqdu bejnietna sabiex niffedendu l-bejta li minnha ħriġna ilkoll, il-familja? Meta se nkunu ġenwini u politiċi ta’ kuxjenza li nfittxu dak li jgħodd għall-poplu tagħna u mhux għall-partit li nappartjenu għalih?

U jekk il-ġenituri, biex ilaħħqu mal-ispejjeż kbar finanzjari li għandhom quddiem wiċċhom, qiegħdin jaħdmu sigħat twal, huwiex issa ż-żmien li issir konsulta iktar wiesa’ mill-parlamentari tagħna ħalli jinstab l-aktar mod adegwat u ġust li jaħseb biex jgħin tassew lill-familji tagħna biex jgħixu iktar siguri finanzjarjament u psikoloġikament il-ħajja miżżewġa u familjari tagħhom? L-Isqof Grech jagħti dan is-suġġeriment fl-Ittra Pastorali tiegħu: “Narah ukoll ir-rwol tal-istituzzjonijiet li jiġbru taħt saqaf wieħed lill-imsieħba soċjali u lill-Gvern, biex dan il-bilanċ tant delikat bejn it-tisħiħ mixtieq tal-familji tagħna u l-ambizzjoni li jittejjeb il-livell tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna jintlaħaq aħjar”. Tgħid din ir-riflessjoni tar-ragħaj spiritwali tagħna għandha tiġi mittieħda bis-serjetà jew titħalla fuq l-ixkaffa?

Il-familja tissaħħaħ permezz tal-edukazzjoni tal-ulied. Għalhekk, jissokta Mons. Grech, “hija prerogattiva tal-familji li jagħtu l-edukazzjoni lil uliedhom skont it-twemmin reliġjuż jew filosofiku tagħhom. Dan id-dritt għandu jiġi rrispettat sal-aħħar, speċjalment fil-każ ta’ dawk il-familji li ma jkollhomx l-opportunità li jibagħtu lil uliedhom fi skola tal-għażla tagħhom… L-iskola għandha tirrispetta u tkompli fuq dak li l-ġenituri jridu jagħtu lil uliedhom. L-istess jingħad għall-Istat meta jkun qed ifassal il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali”.

Minn naħa tagħha, il-midja tal-komunikazzjoni soċjali hija fid-dmir li tbiegħ mal-konsumaturi tagħha s-sbuħija tal-familja. Fi kliem l-Isqof ta’ Għawdex, “ikun opportun li l-midja lokali tikber aktar fl-istima tagħha lejn il-familja, u li dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni jkunu strumentali biex isiru kampanji li jgħarrfu lill-pubbliku kemm dwar l-esperjenzi pożittivi tal-ħajja tal-familja u kemm dwar il-valuri li fuqhom għandha tinbena l-familja, bħalma huma l-fedeltà dejjiema, is-sagrifiċċju, l-għotja sħiħa, is-sabar, il-maħfra kontinwa u l-karità”.

Fl-aħħarnett, il-familji stess huma responsabbli għall-ġejjieni tagħhom. Dan jistgħu jwettquh billi jwaqqfu assoċjazzjonijiet magħmula minnhom stess li “jintervjenu fil-qasam pubbliku bħala protagonisti u jsemmgħu leħinhom biex jiddefendu l-familja. Hemm bżonn li l-familja tiġi rikonoxxuta bħala suġġett u interlokutur, li fi djalogu kontinwu mal-Istat tgħin fil-ħarsien tal-ġid komuni”. Skond l-Isqof Grech, “it-twaqqif ta’ din ix-xorta ta’ assoċjazzjoni tal-familji joffri opportunità għat-tisħiħ tal-ġid komuni fejn l-istituzzjoni tal-familja tibqa’ rrispettata bħala kisba għad-dinjità tal-bniedem u għall-formazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri”.

L-istat, il-midja, l-assoċjazzjonijiet tal-familji infushom mhux biss juru li l-ħarsien tal-familja hija fir-responsabbiltà ta’ kull entità soċjali imma wkoll jammettu kemm il-Knisja ħadmet u se tkompli taħdem favur il-familja!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: