Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Ħalba xita  

Ħalba xita  


Patri Mario Attard OFM Cap  

Jekk f’dan iż-żmien issemmi l-kelma “xita” għal uħud tidher qisek ix-xitan! U ma tagħti tort lil ħadd! Mhux sabiħ li, f’dan it-temp bnazzi, f’daqqa waħda tibda’ nieżla x-xita!

Il-ħalba xita li għamlet nhar il-Ħadd, l-10 ta’ Mejju, f’jum l-omm, ma naħsibx li niżlet tajjeb ma’ kulħadd. L-aktar ma’ min kien qiegħed barra jieħu gost u kellu, f’daqqa waħda, jara x’jagħmel u jmur jistkenn x’imkien. Jekk ma riedx li jieħu tixriba nobis!

F’dak il-ħin jiena kont fi Knisja maħnuqa bin-nies. Ħdejja kelli Patri Franġiskan ieħor. Konna ftit marsusin. Ħeqq il-Knisja kienet żgħira għal dawk in-nies kollha! Imma, ngħid jien, x’tistenna minn Knisja li biswitha jgħixu l-Aħwa Foqra ta’ San Damjan? Maġenbi eżatt, fin-nofs, kien hemm soru mixħuta mal-art. B’rasha baxxuta mal-art. Kważi għall-qiegħa tal-art ħlief għat-tapit sabiħ, donnu tat-tieġ, li kien hemm mifrux tul il-korsija tal-Knisja.

Waqt dik il-ħalba xita li xi nies warajja ġabuni konxju li qed traxxax l-għaliex ikkumentaw: “Ix-xita!”, issemmew ruxxmata qaddisin. Ma nixtieqx noqgħod insemmihom wieħed wieħed. Ċert li l-ispazzju żgur li ma jservinix! Imma l-għajnuna tagħhom ħej isservi! Tiċċajta! Staqsi lil min qiegħed fl-eqqel tal-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin? Bejn il-barka u s-saħta? Bejn l-imħabba u l-mibegħda? Bejn il-Mulej u x-xitan?

Min għandu qalbu sinċiera, min tassew iħobb lill-Mulej u l-proxxmu tiegħu, min ifittex is-sewwa, min iħenn, żgur li qiegħed f’din l-armata tal-qaddisin. Avolja midneb u midinba. Imma sabiħ hux li meta tkun f’battalja bħal din taf li għandek min jitlob għalik! Min jiċċaħħad minn ikel u ħwejjeġ oħra biex il-familja tiegħek tkun maqgħuda. Biex fil-ħajja issib min iħobbok u jiftaħlek għajnejk. Biex tagħraf x’inhu l-veru għan ta’ ħajtek ħalli ma taħlihiex.

Nhar l-10 ta’ Mejju soru Klarissa, Sr. Maria Liliana tal-Qalb ta’ Ġesù u Marija, għamlet il-professjoni solenni fi ħdan l-Ordni ta’ Santa Klara. Kienet okkażjoni mill-isbaħ! Opportunità tad-deheb fejn wieħed jista’ jara persuna tagħti ħajjitha għalik u għalija. “Mur ara? U dik daħlet soru mhux biex taħrab mid-dinja?” tgħidli. Ngħidlek le! Anzi! Ilum tant kemm hawn postijiet fejn tiddeverti u biex tfassal ħajtek kif tixtieq li trid tkun miġnun u miġnuna biex twettaq dan il-pass! Imma din oħtna, l-għaliex kienet imqanqla minn imħabba li għall-moħħ uman tagħna ma tagħmilx sens, rat li din it-tip ta’ mħabba biss tista’ timlhielha ħajjitha. Tagħtiha sens! Tagħmilha ferħana!

Biex ħaġa nkun naf x’inhi irrid l-ewwel inġarrabha. Meta tkun imdejjaq jew imdejqa, minflok nitlef lili f’persuni oħra f’relazzjonijiet li jġibuni biċċiet, l-għaliex ma mmurx nitlob naqra fil-Knisja tal-Monasteru tal-Klarissi f’San Ġiljan? Il-paċi li hemm kbira! U int tfajla, mara! Jekk f’ħajtek tant kemm ilek tipprova imħabbiet tad-dinja li issa spiċċajt fixxa, l-għaliex l-irġiel daħku bik jew iddiżappuntawk, l-għaliex ma tagħtix ħajtek lil Ġesù Kristu? Forsi qed isejjaħlek bħalma sejjaħ lil Sr. Maria Liliana u oħrajn biex tkun tiegħu għal dejjem? U mela lill-Mulej qatt tista’ toħodlu kopja kif jaħdem.

F’każ li tħossu iħajrek għalih biex tagħtih ħajtek ċempel naqra fuq 21383341. U tkellem mal-Madre Superjura. Taf tkun l-imħabba li dejjem xtaqt u li l-ebda raġel għadu qatt ma tak! Isa! Taħlix żmien! Aqbad it-telefon u ċempel… Mintix qed tħossha nieżla fuqek … il-ħalba tax-xita tal-paċi?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: