Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > L-etika fuq il-Post tax-xogħol  

L-etika fuq il-Post tax-xogħol  


Patri Mario Attard OFM Cap

Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Mejju 2015, Il-Kummissjoni għall-Pastorali mal-Ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa tal-Arċidjoċeżi ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fi ħdan l-Università ta’ Malta, organizzat forum bit-tema, ‘L-Etika fuq il-Post tax-Xogħol’. Dan sar fis-South Auditorium tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-Isptar Mater Dei. L-Arċisqof Mons Charles J. Scicluna mhux biss wassal il-messaġġ tiegħu marbut ma’ din it-tema iżda wkoll mexxa dan il-Forum għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa. Għadd ta’ professjonisti u ħaddiema fil-qasam tas-saħħa attendew għal dan il-Forum interessanti.

Għoġbitni ħafna t-talba tal-bidu li għamlet Desireé. Fit-talba tagħha hija talbet lill-Mulej biex aħna, il-ħaddiema fl-Isptar, nifhmu aktar lill-pazzjent, naraw lil Kristu fih u li l-pazzjent jara lil Kristu fina. Fl-indirizz tagħha Dr Josephine Attard, President tal-Kummissjoni għall-Pastorali mal-Ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa, emfasizzat fuq il-bżonn tal-etika li tiggwida d-deċiżjonijiet fit-trattament. Prof Angela Xuereb, Dekan tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa, qalet li l-etika għandha tiggwida lill-professjonisti kollha fil-qasam tas-saħħa. Il-kodiċi tal-etika għandu jwassal għall-ġid individwali u komuni. Meta nittrattaw mal-pazzjenti żewġ temi importanti fil-kura huma t-team work bejn il-professjonisti bejniethom u l-kommunikazzjoni. Prof Xuereb saħqet fuq l-importanza li l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa iżommu mal-kodiċi tal-etika.

Il-Forum ħa aktar ħajja bl-esperjenza ta’ żgħażugħa pazjenta li soffriet minn marda serja. Din il-pazzjenta irrakkuntat kemm ħassitha tajba u kemm għena l-mod kif il-konsulent ta l-aħbar dwar il-marda tagħha. Il-pazzjenta ħasset li dan l-konsulent “għandu l-ħin kollu tad-dinja għalija”. Għalkemm l-aħbar li ta kienet kerha huwa emfasizza fuq il-fatt pożittiv ta’ x’jistgħu jagħmlu ħalli, fi kliem din il-pazzjenta, “lili ifequni”. Il-pazzjenta faħħret ħafna n-non verbal communication tal-konsulent. Hija qalet: “Kellu way kif ippreżenta ruħu. Poġġa bilqiegħdha ħdejja. Kellu l-ħin kollu għalija. Anki jekk għandu x’jagħmel ħafna”.

Il-pazzjenta issuktat tgħid li kien hemm ħafna professjonisti li laqgħuha fis-sala. Iżda kien hemm il-ftit li ixxukkjawha. Dan l-għaliex, kif fissret il-pazzjenta stess, “ma kellhomx delikatezza lejja”. Madankollu meta affaċċjat il-persuna konċernata l-affarijiet ittranġaw. Semmiet li imġieba bil-ħlewwa tgħin ħafna lill-pazzjenti biex jirkupraw aktar malajr. Filwaqt li imġieba żorra toħloq stress fuqhom u, bħal dan il-każ, toħloq saħansitra problemi fl-immunity system minħabba l-istress li jinħoloq. Filwaqt li minn din l-esperjenza ħareġ ħafna pożittiv huwa importanti li imġibiet negattivi bħal dawn niftakru fihom ħalli ma jirrepetux ruħhom.

Fl-intervent tiegħu dwar l-Etika fil-kura tal-pazzjent u l-imġieba bejn l-istaff, Profs Emmanuel Agius ippreżenta żewġ mudelli jew metodi ta’ etika fil-qasam tas-saħħa. L-ewwel mudell jitħaddet minn kodiċi ta’ mġieba. Permezz ta’ dan il-metodu l-professjonist ikun jaf aktar x’għandu jagħmel fis-sitwazzjonijiet partikulari. Madankollu qajla fih edukazzjoni tal-qalb. Fil-fatt, Profs Agius emfasizza t-tieni mudell ta’ etika. Jiġifieri dak li jgħin lill-ħaddiem fil-qasam tas-saħħa jikber fil-mod ta’ kif għandu jġib ruħu mal-pazzjenti. Semma kif din il-pazzjenta baqgħet impressjonata bl-atteġġamenti li rċeviet kemm mill-konsulent u anki mill-mod kif ġiet milqugħa fis-sala. Il-mistoqsija prinċipali li kull ħaddiem jeħtieġlu jistaqsi hija: “Kif nista’ insir aħjar fir-relazzjoni tiegħi mal-pazzjenti, il-familjari u sħabi li jaħdmu miegħi fl-Isptar?”

L-għaliex il-pazzjenti huma vulnerabbli huwa importanti li l-professjonist ikollu sensittività kbira magħhom. Din is-sensittività tagħmlu aktar bniedem li qed jaqdi lill-bniedem. Kif jgħid Aristotile, il-virtujiet huma essenzjali. Dawn jgħinu bis-sħiħ biex il-professjonist jagħti id-dinjità li tistħoqq lill-pazzjenti li jservi. Dan is-sens ta’ solidarjetà m’għandux jieqaf mal-pazzjenti u l-qraba biss imma anki mal-ħaddiema l-oħra tal-isptar. Biex ħaddiem fil-qasam tas-saħħa jikber fl-edukazzjoni ta’ qalbu huwa importanti li jġib quddiem għajnejh l-isfidi li tgħaddi l-persuna marida kemm f’ġisimha, f’moħħha, fl-emozzjonijiet tagħha, fl-aspett soċjali tagħha u anki fl-ispiritwalità u r-reliġjożità tagħha. Meta l-professjonist jisma’ minn qalbu lill-pazzjent ikun qed jurih wiċċ uman.

Fid-diskors konklussiv tiegħu Mons Arċisqof, Charles J. Scicluna tħaddet fuq it-tema Naraw lil Kristu fil-persuna vulnerabbli. Huwa beda l-intervent tiegħu billi għamel referenza għat-titlu tal-bolla tal-indult tal-ġublew straordinarju li nieda Papa Franġisku, Misericordiae Vultus, Wiċċ il-Ħniena. L-Arċisqof qal li s-sejħa tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa hija li juri wiċċ uman mall-pazzjenti li jaqdi. Dan ifisser li iħoss u jifhem minn xiex ikun għaddej il-pazzjent. Il-missjoni tal-professjonist hija maqgħuda ma’ dik ta’ Ġesù li ismu jfisser “Alla jsalva”. Kull pazzjent għandu jiġi ittrattat bl-istess dedikazzjoni u mħabba. Il-wiċċ uman irid jidher ukoll bejn il-ħaddiema tal-isptar. Ir-retitudni fix-xogħol, l-indafa, in-nuqqas ta’ zekzik u għawwi kontra xulxin iżid il-wiċċ uman bejniethom. Hemm bżonn li kulħadd jaħdem biex jitfejjaq mill-egoiżmu, l-għira u l-kattiverja reċiproka. Aktar ma jkun hemm l-armonija bejn il-caregivers aktar is-servizz ikun tajjeb. B’hekk is-servizz tas-saħħa ikun ta’ saħħa għal min jirċevieħ u għal min jipprattikaħ.

L-Arċisqof qal li għalkemm il-flus huma importanti imma dan ix-xogħol isir mhux biss għall-flus. Isir b’vokazzjoni. Barra minhekk l-Arċisqof ħeġġeġ biex min jiġi magħżul biex imexxi l-Isptar jiġi magħżul b’kompetenza.

Il-Forum ingħalaq minnn Prof. Donia Baldacchino, is-segretarja tal-Kummissjoni għall-Pastorali mal-Ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa. Prof Baldacchino tħaddett fuq il-proġett tal-Spiritual Coaching għall-Health Caregivers li fih il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa se jiġu mgħejjuna jikbru spiritwalwament flimkien bħala team.

Mulej, kompli għinna biex nikbru aktar fil-vokazzjoni tagħna li nkunu l-wiċċ uman tiegħek għal ħutna l-pazzjenti, il-familjari tagħhom u għal xulxin. Amen.

p

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: