Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-gwardjani tal-istat

Il-gwardjani tal-istat


Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Ħajti ta’ Patri Franġiskan toħodni f’ħafna postijiet. Tlaqqagħni ma’ diversi nies. Għalhekk il-laqam mogħti lilna, il-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini, i frati del poplo fih sens. Mhux bi kburija jew prestiġju tafux! Imma l-għaliex aktar ipoġġilna responsabbiltà fuq spallejna! Fuq spallejja!

Dan l-aħħar iltqajt ma xi membri fil-korp tal-pulizija. Ħadt gost nitħaddet magħhom. Kull bniedem jgħallimni! Mela anki l-membri tal-korp tal-pulizija għandhom x’jgħallmuni. Kulħadd persuna. Kulħadd għandu qalb. Kulħadd jieħu gost jiġi apprezzat. Kulħadd jistenna li persuni oħra, ikunu min ikunu, juruh rispett. Stima. Ammirazzjoni.

Il-ħajja ta’ pulizija m’hix faċli. Il-pulizija jidħol f’ħafna basal. Mhux l-għaliex ikun għamel ir-rejat hu jew hi. Iżda biex iġib l-ordni tal-liġi. Li tkun pulizija mhux xi xogħol li tagħmlu għall-paga. Hawn tant xogħlijiet li tidħol għalihom biex taqla’ l-flus? Żgur li m’hemmx bżonn tidħol membru fil-korp tal-pulizija! Ix-xogħol ta’ pulizija tagħmlu b’sejħa. B’vokazzjoni! Għax tħobb minn qalbek lil pajjiżek!

F’soċjetà u mentalità li tirribella għall-ordni, għal kull awtorità kemm dik ċivili u kif ukoll dik spiritwali, mhux faċli li timplimenta l-liġi! Issib min jħarislek bl-ikraħ. Oħrajn jiskartawk. Oħrajn jitħaddtu bl-arroganza miegħek. Għaliex anki jekk jinqabdu jiksru l-liġi fil-fatt xorta waħda jridu jieħdu tagħhom. Sakemm ma ssibx min, l-għaliex tkun qed tagħmel xogħlok sewwa u b’kuxjenza, saħansitra jasal li jheddidlek il-familja u l-maħbubin tiegħek. Inġustizzja mill-kbar nett! Veru? Imbagħad issib min, għall-finijiet ta’ moħħu, isiblek ix-xagħra fl-għaġina ħa jikkritikak. L-għaliex hekk jaqbillu. Ħa jidher sabiħ hu!

U l-pulizija dejjem jisma’. Jisma’ it-tgergir tan-nies. Jisma’ l-inkwiet, ġieli banali, ta’ uħud minna ċ-ċittadini. Jisma’ anki l-kapriċċi ta’ uħud li joqgħodu jċemplu l-għassa biex jirrappurtaw lil dak jew lil dik. U dan l-għaliex? Mhux l-għaliex ikun hemm fuq xhiex. Imma hekk! Għax tant kemm m’għandhomx kwiet f’ġisimhom, u tgħidx kemm għandhom x’iħabbathom f’ruħhom, li moħħhom biss biex jaqbdu ma’ dawk u mal-oħrajn. U l-pulizija jkollu jħabbat wiċċu anki ma’ dawn it-tipi puliti ta’ vendetti. Skużi li jqażżuk. Għaliex ħlief ħdura fihom ma ssibx!

Min jaf minn liema esperjenzi koroħ jgħaddi pulizija! X’xeni jara ma’ wiċċu. Ħu l-inċidenti! Żgħażugħ, ibiegħ is-saħħa, imkaħħal ma’ ħajt fil-ġenb ta’ triq. Jew imkaħħal qalb il-friegħ ta’ xi siġra. B’liema kliem se jsabbar lil ommu u missieru? X’se jgħidilhom lil ħutu? Il-ħin kollu jara d-dmugħ! U jisma’ l-krib! Mela d-dar mhux mara u tfal għandu? U jekk tmur id-dar wara ġurnata iebsa ta’ xogħol ma tibdiex tibża’ li minflok dak iż-żgħażugħ imkaħħal ma’ siġra seta’ kien żewġha stess?

Barra minhekk il-pulizija għandhom ix-xogħol iebes tal-investigazzjonijiet bil-għan li jkunu jistgħu jipproċedu legalment fil-qorti. Kemm provi jridu jiġbru qabel iressqu lil xi ħadd. Iżda, u dan hu aspett li kważi ħadd ma jitħaddet fuqu, min jaf kemm f’sitwazzjonijiet il-pulizija jkunu l-ommijiet, il-missirijiet, l-ulied, in-nanniet, saħansitra l-ħbieb għalina.

Ejjew napprezzaw aktar ix-xogħol ta’ dawn in-nies! Ejjew meta jaqduna nuruhom apprezzament. Imqar tibgħatilhom kartolina ta’ radd-il ħajr! Dawn nies bħali u bħalek. Il-gwardjani tal-liġi demokratika. Il-gwardjani tas-sigurtà ta’ pajjiżna. Tiegħek u tiegħi!

Grazzi għeżież pulizija! Tax-xogħol sabiħ li twettqu għalina! Domine dirige vos! Il-Mulej imexxikom!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: