Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Bejn eżilju u eżilju  

Bejn eżilju u eżilju  


Patri Mario Attard OFM Cap

L-Ittra Pastorali għal dan ir-Randan 2012 li l-Isqfijiet tagħna Mons. Pawlu Cremona O.P. u Mons. Mario Grech ħarġu nhar is-solennità tal-Appostlu Missierna San Pawl titħaddet fuq suġġett attwali ħafna għaliex minnu nnifsu huwa bibliku għall-aħħar: l-eżilju!

Fl-Ittra Pastorali tagħhom l-Isqfijiet jagħmlu differenza bejn eżilju u eżilju. Fil-fatt wieħed jista’ faċilment jaqsam din l-ittra f’żewġ tipi ta’ eżilji: dak ta’ Kristu u l-ieħor li jinkludi fih lill-Poplu Lhudi flimkien mal-esperjenza tagħna. Ikun tajjeb jekk naraw ftit xi tfisser il-kelma eżilju.

L-Isqfijiet jorbtu l-kelma eżilju mal-kelma griega ‘Diaspora’. Il-kelma Eżilju “tindika ż-żmien meta l-Poplu Lhudi kien qiegħed jgħix fl-Eżilju, il-bogħod minn art twelidu”. Mela, fih innifsu, l-eżilju huwa abbandun minn dak li l-persuna hija ta’ ġewwa miegħu. Fost il-miljuni ta’ nies fl-istorja li soffrew l-eżilju kien hemm xi Ħadd li għax ried hu, għażel li jħalli t-tron irjali tiegħu tas-sema u jiġi jgħammar fostna. Dan huwa bla dubju Sidna Ġesù Kristu

L-eżilju ta’ Ġesù ma ġiex frott ta’ kastig li ġab b’idejh stess għal xi għemil ħażin li wettaq. Anzi, l-eżilju ta’ Ġesù kien ġej minn att erjoku ta’ sottomissjoni mimlija mħabba lejn Missieru biex jifdina. Dan tgħidulna l-Ittra lill-Lhud: “Għalhekk Kristu meta daħal fid-dinja qal: ‘Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int ħejjejt għalija; vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet lilek ma għoġbukx. Jiena mbagħad għidt: ‘Hawn jien, ġejt, biex nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla, kif fil-ktieb hemm miktub fuqi’” (Lhud 10, 5-7).

Il-vanġelu skont San Ġwann jissokta jurina li għalkemm Ġesù huwa il-Verb li fil-bidu “kien ma’ Alla u l-Verb kien Alla… kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru;” (Ġw 1, 1-2), mal-milja taż-żmien “sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1, 14). Barra minhekk l-abbandun ta’ Ġesù ma jseħħx biss b’mod vertikali, jiġifieri fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Iseħħ ukoll fl-aspett orizzontali tiegħu sewwasew fir-relazzjoni tiegħu mal-bnedmin. U dan iseħħ b’paradoss gwapp skont San Ġwann! “Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1, 10-11). Fi kliem l-Isqfijiet: “Anki Ġesu’ biex isalvana kellu jgħaddi minn dan l-Eżilju, bogħod umanament mill-Missier, u miċħud mill-Poplu li ġie biex isalva”. Mhux hekk kien ħabbrilha Xmun lil Marija: “Se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna” (Lq 1, 34-35)?

Barra minhekk Ġesù għex tip ieħor ta’ eżilju. Tul l-agunija tiegħu fuq is-Salib “hu kien bogħod umanament minn Alla l-Missier: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’, (Mt 27,46)”. Imma anki hawn toħroġ differenza importanti bejn l-eżilju ta’ Ġesù u tagħna. Ġesù qatt ma iddubita li Missieru kien telqu. Li kieku Ġesù kellu xi dubju fl-imħabba ta’ Missieru lejh kif kien se jgħidlu iktar tard: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi?” (Lq 23, 46). Interessanti li dan l-att ta’ fiduċja totali fil-Missier Ġesù kellu jesprimih f’”għajta kbira” biex juri kemm kien ċert minn dak li kien se jagħmel. Mela, dan għamlu daqskemm kien fiduċjuż li Alla l-Missier kien miegħu tassew!

L-istess ħaġa jgħidilna l-Papa Benedittu XVI fil-katekeżi li ta fuq it-talba ta’ Ġesù waqt li kien qiegħed imut fuq is-Salib, nhar it-8 ta’ Frar li għadda. “Meta tenna mis-Salib il-ftuħ tas-salm: ‘Eloì, Eloì, lamà sabaqtani?– Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’ (Mt 27, 46); meta għajjat dawn il-kelmiet tas-salm Ġesù qiegħed jitlob fil-mument taċ-ċaħda aħħarija tal-bniedem, fil-mument tal-abbandun. Madankollu, Huwa qiegħed jitlob is-salm fl-għarfien li Alla l-Missier li huwa preżenti, anki f’din is-siegħa meta qiegħed iħoss id-drama umana tal-mewt. It-talba ta’ Ġesù fiha l-milja tal-fiduċja u l-abbandun sħiħ f’idejn Alla… Għalhekk fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika naqraw: ‘Fl-imħabba ħelliesa li dejjem għaqqdietu mal-Missier, Huwa assuma lilna fl-istat tar-ribelljoni tagħna tad-dnub, sal-punt li Hu seta’ jgħid f’isimna mis-Salib: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’ (n.603). Tiegħu hi t-tbatija f’għaqda magħna u għalina hija mwielda mill-imħabba u diġà tinkludi fiha l-ħelsien, ir-rebħa tal-imħabba”.

Il-komunjoni vertikali ta’ Ġesù mal-Missier, li kienet il-fundament ta’ ħajtu u ħidmietu, sabet l-espressjoni konkreta u awtentika tagħha fil-komunjoni tiegħu mal-Appostli li hu kien għażel. Fil-fatt, l-Isqfijiet jgħidulna: “Nistgħu nifhmu ukoll għaliex Ġesu’ qabel ma beda l-missjoni tiegħu li jxandar il-Bxara t-Tajba, kien għażel l-Appostli u nies oħrajn biex jgħixu f’komunjoni miegħu. Kien isib il-ferħ tiegħu meta kien ikun imdawwar mill-appostli li kien għażel, ikellimhom fuq Alla l-Missier, u fuq it-triq li tridna twassalna għandu. Huwa ċar li Ġesu’ ried li aħna ngħixu f’komunità għaliex ma nafux li hu ppriedka waħdu, iżda dejjem kien imdawwar mill-appostli maħbubin tiegħu. Huwa kien għażel id-dixxipi tiegħu qabel ma beda l-missjoni tiegħu, u l-missjoni tiegħu saret fil-kuntest ma’ dan iċ-ċirku żgħir, fejn seta’ jħossu f’ambjent li seta’ jaqsam magħhom dak li kien imnebbah biex jgħidilhom”.

Mela, għalkemm eżiljat mis-sema b’għażla personali tiegħu, Ġesù xorta waħda baqa’ f’rabta perfetta mal-Missier u magħna!

Mhux hekk nistgħu ngħidu għall-eżilju tagħna l-bnedmin. Konna aħna li b’għażla personali tagħna għażilna li ninqatgħu minn Alla. Imma l-eżilju li qiegħdin fih ġie fuqna bħala l-frotta qarsa ta’ għemilna li kien ħażin. Bħall-Poplu Magħżul ta’ Alla, aħna wkoll nsibu ruħna eżiljati minnu meta inwarrbuh. Huma batew l-eżilji kiefra tal-Eġittu u l-Babilonja filwaqt li aħna, għaliex inħallu “dak kollu li jbegħdna minn Alla” ikaxkarna miegħu, insibu ruħna ilsira tagħna nfusna u tal-allat foloz li nkunu għamilna. L-Isfijiet jagħtuna dawn l-eżempji: “Meta taħseb li dak li tiddeċiedi inti huwa tajjeb jew ħażin bla ma tagħmel l-ebda rabta mal-Kelma ta’ Alla. Meta taħseb li f’ħajtek m’għandekx bżonn lil Mulej Ġesu u lill-Knisja li ħallilna Hu, ħlief meta tiltaqa’ ma’ xi emerġenza (mard, funeral, problema). Meta tintilef fil-ġirja għall-affarijiet materjali bla ma tagħti każ l-etika u l-ġustizzja”.

Ir-Randan huwa żmien eċċellenti li permezz tiegħu nerġgħu immorru lura għax-xewqa li hemm midfuna fina li ġurnata għad ingawdu lill-Mulej tagħna għall-eternità, l-Art Imwiegħda, Ġerusalemm tas-Sema. Huwa l-perjodu li fih niġu orjentati lejn is-Saltna ta’ Alla li tagħha l-Knisja hija l-qaddejja. Fir-Randan nibdew iżjed nintebħu bl-eżilju spiritwali li qiegħdin fih u nerġgħu lura għall-imħabba taż-żewġ kmandamenti l-kbar: “Il-Mulej, Alla tagħna, huwa l-Mulej wieħed, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha… Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn” (Mk 12, 29-31).

L-Isqfijiet ifissrulna kif dan il-kmandament nistgħu ngħixuh. “Il-ħin tat-talb iktar mis-soltu; ir-rażan mill-affarijiet purament materjali, is-sawm minn dak kollu li jxaqlibna lejn il-materjaliżmu; il-Qari tal-Kelma ta’ Alla li fiha t-triq għall-art imwegħda; is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (il-Qrar) li jgħinna nifhmnu iktar it-tajjeb u l-ħażin fil-ħajja tagħna; li wieħed jersaq iktar lejn l-Ewkaristija. Dawn huma kollha sinjali ta’ bniedem li mhux biss għażel  li joħrog mill-Eżilju, iżda li beda jimxi t-triq li tgħinu jidħol fil-fond fil-ħajja u fil-kultura nisranija”.

Ħa nitwaħħdu mal-eżilju ta’ Kristu għaliex fih żgur li ninħelsu mill-eżilju tal-egoiżmu li bih ninsabu mdawrin, u hekk nidħlu minn din il-ħajja fis-Saltna tal-Grazzja, kif imfissra għalina fil-passjoni, fil-mewt u fil-qamwien ta’ Ġesù Kristu!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: