No Number!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Ma nafx kif ħassejtukom meta irċevejtu xi telefonata u fuq l-iskrin tal-mowbajl tagħkom telagħlkom in-numru No Number.

Kull darba li nirċievi xi telefonata ta’ dan it-tip qalbi titnikket. Jiddispjaċini! Għax ngħid: “Din il-persuna ma tafdanix!” Għaliex, ngħid jien, wara li persuna tkun invadietli l-ispazzju privat tiegħi minn fuq m’għandiex il-kuraġġ li turini min hi? Sewwa! Mela lili tafni għax għandek in-numru tiegħi. Imma jiena ma nafekx. U minn fuq iċċempilli bin-no number. Din il-biċċa tal-anonimità ma toġgħobnix! Inġusta għall-aħħar!

U mhux għalhekk li l-aqwa mezz ta’ komunikazzjoni jibqa’ dejjem dik ta’ wiċċ imbwiċċ! Leħen ma’ leħen! Moħħ ma’ moħħ! Qalb ma’ qalb! Mhux din kienet l-intenzjoni qaddisa tal-Ħallieq meta ħalaqna? Mhux dan li ried li nagħmlu ma’ xulxin? Jiġifieri li nuru min aħna? Issa din il-biċċa xogħol divina u umana bdieha Hu stess! Għax Hu, Alla li jista’ kollox, x’għamel eżatt? Mhux wera lilu nnifsu? L-ewwel nett permezz tal-ħolqien tal-għaġeb li ħalaq b’ġenerożità mill-aktar kbira. Imbagħad għarraf lilu nnifsu permezz ta’ poplu li bagħtu jgħix fost qabda ġnus li kienu jemmnu fl-idoli. Aktar tard lil dan il-poplu żejnu bil-profeti. Imbagħad, fl-aħħar taż-żmien, il-Mulej poġġa l-icing fuq il-kejk billi bgħatilna lil Ibnu Ġesù Kristu. U illum, minkejja daqshekk żmien, il-Mulej għadu ħaj fostna permezz tal-Knisja tiegħu. Mela int u jien! Għaliex il-Mulej mhux jaħbi imma jikxef tassew min Hu. Għaliex m’għandux mniex jibża’!

Fil-vanġelu ta’ San Mattew insibu lill-Mulej li jgħidilna ċar u tond: “Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut” (Mt 10 :26-27). U, fl-Atti tal-Appostli, għandna t-temmija ta’ dan id-diskors meta l-Appostli, wara li rċevew l-Ispirtu s-Santu, ħarġu jħabbru “kull ma kienu raw u semgħu” (Lq 2:20). U b’fomm min? B’fomm dak li daqs sitt ġimgħat qabel kien ħalef li lil Ġesù ma kienx jafu. Mela b’fomm dak li meta kien iċempel ma nafx x’kien jagħfas fil-mowbajl tiegħu ħalli meta kont tirċievi t-telefonata tiegħu fuq l-iskrin tal-mowbajl tiegħek kien jitlagħlek No Number!

Issa kellu jgħid min hu. Kellu jikxef l-identità tiegħu mhux biss quddiem il-Ħdax-il dixxiplu imma wkoll quddiem il-Lhud kollha. U diskorsu ma baqax aktar ta’ wieħed li jitħaddet fil-widnejn l-għaliex beżgħani għall-mewt fuq il-kontenut ta’ diskorsu. Le! Xejn affattu! Min qiegħed fil-verità m’għandux mniex jibża’! Arawh! Issa tħaddet “bl-leħen għoli” (Atti 2:14). Mela quddiem kulħadd! Kollox sew! Imma quddiem min? Mintomx se temmnuni imma veru! Quddiem in-nisel tal-“qaddejja tal-qassis il-kbir” (Mk 14:66). Mela l-Lhud! Jiġifieri quddiem dawk l-istess nies li hu, għax beżżiegħi, sitt ġimgħat qabel kien “qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef: ‘Jiena ma nafux lil dan il-bniedem li qegħdin issemmu.’” (Mk 14:71). Tiskanta hux! Mela sewwa kien qal Ġesù fuqhom: “Iżda qabel xejn hu [Ġesù] għandu jbati ħafna minn dan in-nisel u jkun miċħud minnu” (Lq 17:25).

Ħija! Oħti! Issa apparti l-priedki! Ejja npoġġu subgħajna fuq il-ferita. Ara! Meta inċemplu lil xi ħadd ħallina milli noqgħodu inbabsu fil-mowbajl biex meta inċemplu lil dak jew lil dik li tkun fl-iskrin tagħhom tal-mowbajl jitlagħlhom No Number. Dan mhux lant! Jekk se nċempillek jew nuri min jien, jiġifieri li n-numru tiegħi jitla’ fuq l-iskrin tiegħek, inkella naqbad u ma nċempillek xejn. Din l-anonimità tferi bil-qabda! Ma jagħmilx sens li l-ewwel ma tafdanix u mbagħad tipprova tidħolli mill-bieb ta’ wara! Jew tafdani inkella stenna li naqtagħlek il-linja.

Wara kollox, meta l-Mulej iċemplilna, kif rajna fl-istorja ta’ Pietru, in-numru tiegħu dejjem urieħ. U tant kemm urieħ li jistenna lilek u lili li nċemplulu lura! Daqskemm irid jiltaqa’ magħna!

  1. Charles (M)
    May 26, 2015 at 8:39 am

    Naqbel perfettament mieghek Father, jien lil dawn in-nies ma nirrispondihomx. Naqta l-linja.
    Charles

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: