Il-kju


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Għal uħud kelma mill-aktar mistkerrħa! U la semmejtha qisek semmejtilhom Dak ta’ denbu twil. Uff! Xi dwejjaq! Mela isa! Ħaffef! Ħa nfittxu naslu! L-għaliex nobgħod noqgħod fil-kju!

Jimporta nistaqsik l-għaliex? U ajma! Ma tafx li fil-kju irridu noqgħodu nistennew? Mela ma tafx x’int tgħid! Tagħmel siegħa tistenna! Ma tafx li għandi x’nagħmel x’kull waħda? Il-ħajja trid tkompli! Ma rridx naħli xeba’ ħin fil-kju! Għalxejn!

Hekk kont nirraġuna jiena. Sakemm kont tlajt m’oħti, Alla jaħfrilha, l-Ingliterra meta kienet ma tiflaħx. U hemm aqta’ kemm kelli nibdel l-ideja tiegħi! Konna inkunu tista’ tgħid l-ewwel nies fil-kju. Imma, u għadni ma nafx l-għaliex, dejjem konna nispiċċaw nidħlu ma tal-aħħar għand it-tabib!

U xi kju kien ikun hemm? Għidli! Imma l-kju, kuntrarju għal dak li ġieli niġu ittentati naħsbu, ma jfissirx dwejjaq. Jew ħela ta’ ħin biss. Il-kju hawnhekk fisser għalija tagħlim kbir! Opportunità tad-deheb li niltaqa’ man-nies u ngħid kelma. Niftakar li f’dawn il-kjus partikulari tgħidx kemm konna niltaqgħu ma nies differenti. Ilkoll għal għand it-tabib! Saħansitra darba minnhom konna iltqajna ma studenta Ingliża ta’ 22 sena li kienet fit-tielet sena tad-dentistrija. Avolja kienet tfalja daqshekk sabiħa u moħħha jagħtiha fl-iskola, il-mard ma ħafirilhiex! Niftakar li meta smajna fil-kju l-istorja tagħha jiena u oħti għedna: “Kemm hawn min hu, Alla jbierek, kuraġġuż! U l-mard jiġġiliedlu bis-snien u d-dwiefer!” Mela sewwa qal Mark Terry li “fil-kju tal-bidliet l-ewwel persuna li tibda’ tinbidel hija jiena nnifsi!” Din it-tfajla, li bqajt nitlob għaliha sallum, għallmittni tagħlima kbira f’ħajti: ibqa’ għixha sal-aħħar! Ibqa’ agħmel l-aħjar tiegħek sal-aħħar nifs tagħha!

Imbagħad, f’dan it-tip ta’ kju fl-isptar fl-Ingilterra, konna nidħku wkoll tafux! U dan l-aktar meta kont niftakar f’dak li kien qal George Mikes: “Raġel Ingliż, anki jekk ikun waħdu, jifforma kju fl-ordni ta’ wieħed.” L-Ingliżi kont narahom jaqraw fil-kwiet. Kulħadd tista’ tgħid għal rasu. U min jaqra xi magażin. U min xi novella. U min il-gazzetta. Skiet perfett! Issa dak l-iskiet tgħidx kemm kien iċarrattli ħalqi! L-għaliex kien ifakkarni f’Mr Bean! Kont ngħidilha Alla jaħfrilha lil oħti: “Issa kieku jinżel Mr Bean minn dak is-saqaf? Ara xi straġi jagħmel!” Għax Mr Bean l-inkwiet kien jieklu! Jidħol għalih! Letteralment jivvintaħ!

U f’dak l-iskiet ta’ qari l-uniku nies li kienu jagħmlu l-istorjbu kien aħna, il-grupp tal-pazzjenti Maltin. Għal uħud minna din pastażata. Imma għall-oħrajn hija barka wkoll. L-għaliex għalina l-Maltin li nitħaddtu u nidħku flimkien hija ċelebrazzjoni tal-ħajja!

Kemm tagħlimiet hux meta wieħed joqgħod fil-kju! L-għaliex, li toqgħod fil-kju, ma jfissirx li toqgħod bilwieqfa tistenna. Tista’ tistenna bilqiegħda. Forsi bil-biljett f’idejk. Imma, tistenna kif tistenna, hemm valur! Li tosserva u titgħallem minn dak li jkun qed jiġri taħt imnieħrek!

U, wara kollox, kif jgħid Robert D Dangoor, “in-nies jiddejqu jistennew sakemm immisshom fil-kju. Imma fl-aħħar kulħadd imissu”. U mela ejja ma nagħmlux għaġeb l-għaliex qiegħdin nistennew! Se jmissna żgur! L-għaliex fil-ħajja li nistenna mhijiex biss problema. Hija wkoll grazzja li nitgħallem nistenna! L-għaliex min jistenna, anki bit-tbatija, dejjem jithenna!

Mela … VIVA L-KJU!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: