Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Ir-ragħaj li ragħa lir-rgħajja

Ir-ragħaj li ragħa lir-rgħajja


Sur Editur:

Fil-katekeżi li l-Papa Benedittu XVI għamel nhar it-30 ta’ Ġunju li għadda huwa tkellem dwar San Ġużepp Cafasso, il-formatur u l-għalliem ta’ ħafna saċerdoti, fosthom San Ġwann Bosco, il-fundatur tas-Soċjetà Sależjana u l-Beatu Dun Clement Marchisio, il-fundatur ta’ Wlied San Ġużepp. Il-ftit ħjiel fuq ħajtu li beħsiebni naqsam mal-qarrejja malajr juri xi bniedem kien.

Ġużepp Cafasso twieled nhar il-15 ta’ Jannar ta’ l-1811, f’Castelnuovo d’Asti, illum Castelnuovo Don Bosco, fil-Provinċja tal-Piemonte, madwar għoxrin mil ‘l barra minn Turin. Kienet it-tielet wild minn familja ta’ erba’. Il-ġenituri tiegħu, li kienu magħrufa għall-karità li kienu jwettqu mal-fqar, kien bdiewa ċkejkna li kellhom itejbu xi ftit is-salarju baxx tagħhom billi jaħdmu fl-irziezet tal-qrib. Sa minn ċkunitu, Ġużeppi wera li Alla kien l-ewwel post f’ħajtu, speċjalment bir-rebħiet li kien jagħmel fuqu nnifsu. Għalkemm ix-xewka ta’ darhu kienet deformata ma ħalliex dan id-difett iżommu lura milli jieħu l-ħajja spiritwali tiegħu bl-akbar serjetà. Għalhekk ħa ħsieb li jiddedika ċerti jiem għas-sawm, bħal kull nhar ta’ Sibt, li kien isumha f’ġieh il-Verġni Mbierka. Kien jattendi wkoll il-quddiesa ta’ kuljum, li kien ta’ sikwit iservi fiha. Alla żejnu b’moħħ għatxan għat-tagħlim u b’memorja mill-aqwa. Mhux l-ewwel darba li kien jiġi l-ewwel wieħed fil-klassi.

Fl-1833, ta’ tnejn u għoxrin sena, Ġużeppi ġie orndat saċerdot. Wara l-ordinazzjoni ġie magħżul assistent professur tat-teoloġija morali fl-Akkademja Ekkleżjastika ta’ San Franġisk ta’ Assisi f’Turin. Kien għalliem brillanti għall-aħħar. Il-fama tiegħu malajr inxterdet u ġibdet lejh għadd ġmielu ta’ studenti mhux biss minn Turin imma wkoll mid-djoċeżijiet ta’ madwar. It-tip ta’ saċerdot li l-Akkademja ppromoviet, iktar u iktar meta Dun Ġużepp Cafasso kien fit-tmun tagħha bħala rettur, kien dak ta’ veru ragħaj. Is-saċedot-ragħaj, propost mill-Akkademja, kien dak li kien imżejjen b’ħajja interjuri u b’żelu profond fil-ministeru pastorali. Fi kliem il-Papa Benedittu XVI, dan it-tip ta’ saċerdot kien “fidil għat-talb, impenjat għax-xandir tal-Kelma u l-katekeżi, mogħti għaċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika u għall-ministeru tas-Sagrament tal-qrar u r-rikonċiljazzjoni, skont il-mudell adottat minn San Karlu Borromeo, u San Franġisk de Sales u kif promulgat mill-Konċilju ta’ Trentu.

Dun Cafasso kien dak li għex dan l-idejal b’qalbu, b’moħħu u b’saħħtu kollha. Fil-fatt, fiż- żmien fejn il-Ġanseniżmu kien fl-aqwa tiegħu, jiġifieri dik it-teorija eretika kif mgħallma minn Cornelis Otto Jansen u d-dixxipli tiegħu, li s-salvazzjoni hija limitata biss għal dawk li ġew determinati b’mod sopranaturali li jsalvaw u l-bqija huma ddestinati li jintilfu hekk li ma ma hemmx bżonn li wieħed jirċievi s-sagramenti, San Ġużepp Cafasso kien l-appostlu tat-tama u l-fiduċja f’Alla. Kien għalhekk li kien iħeġġeġ it-tqarbina ta’ kuljum. Bit-tifsira eżatta tiegħu tal-prinċipji teoloġiċi morali, bix-xandir tal-ħniena ta’ Alla u bil-formazzjoni tas-saċerdoti żgħażagħ biex jaħdmu miegħu fil-ħabsijiet qalb l-irġiel li kienu kkunsidrati mill-Ġansenisti li ma jistħoqqilhomx li jirċievu s-sagramenti, Dun Cafasso saffa u saħħaħ il-Knisja ta’ Kristu.

Bħala formatur u għalliem tas-saċerdoti żgħażagħ, Dun Ġużepp Cafasso għallimhom kemm felaħ biex ikunu konfessuri tajba u diretturi spiritwali effikaċi, li f’moħħhom u f’qalbhom kellhom biss il-veru ġid spiritwali tal-persuna, imwieżen b’bilanċ meħtieġ tal-ħniena ta’ Alla flimkien mas-sens serju tad-dnub. Skont il-Papa, is-sigriet ta’ San Ġużepp Cafasso kien sempliċi, “li jkun bniedem ta’ Alla, li jagħmel, permezz ta’ l-għemejjel ċkejkna tiegħu ta’ kuljum, ‘dak li jista’ idur għall-ikbar glorja ta’ Alla u għall-ġid ta’ l-erwieħ’. Huwa ħabb lill-Mulej b’mod totali, kien mħeġġeġ b’fidi li għandha l-għeruq sodi, imwieżen mit-talb profond u fit-tul, u kellu karità sinċiera lejn kulħadd. Kif jaf it-teoloġija morali, imma wkoll kien jaf is-sitwazzjonijiet u l-qlub tan-nies. Kien għalhekk li sata’ jindokra l-akbar ġid tagħhom, bħar-Ragħaj it-Tajjeb”.

Imma qabel għallem, Dun Cafasso taha xhieda b’ħatju hu. Fil-fatt, dan is-saċerdot qaddis sata’ jifhem l-importanza tal-ministeru tal-qrar l-għaliex hu nnifsu kien iqatta’ ħafna ħin iqarar. Dak li kien jgħallem fl-Akkademja kien jikkonfermah fil-ħafna sigħat li kien jiddedika biex jisma’ l-qrar ta’ l-isqfijiet, is-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-lajċi, kemm dawk magħrufa u kif ukoll dawk sempliċi. Jissokta l-Papa Benedittu XVI: “Irnexxielu jagħti l-ħin lil kulħadd. Għal ħafna, li saru qaddisin u fundaturi ta’ Istituti Reliġjużi, kien bniedem għaref li kien jagħtihom pariri għaqlin. Tagħlimu ma kienx astratt, imsejjes biss fuq il-kotba li kienu jintużaw fi żmienu, imma kien ġej minn esperjenza intensa tal-ħniena ta’ Alla u ta’ għarfien profond ta’ l-ispirtu uman li kisibhom fil-ħafna sigħat li kien iqatta’ fil-konfessjonarju u fid-direzzjoni spiritwali. Ħajtu kienet tassew ħajja saċerdotali”.

Fi żminijietna hawn bżonn daqs il-ħobż ta’ saċerdoti bħal San Ġużepp Cafasso li jkunu konfessuri u diretturi spiritwali għaqlin. L-età mhijiex daqshekk importanti daqskemm il-ftuħ għar-rieda ta’ Alla. San Ġużepp wettaq dan kollu f’49 sena ta’ ħajja saċerdotali mpenjata bis-sħiħ fil-kura tar-rgħajja u l-merħla ta’ Alla. Din kienet ir-rieda ta’ Alla għalih u anki l-qdusija persunali tiegħu. Isimigħuh x’jgħallimna: “Il-milja tal-qdusija, il-perfezzjoni u l-profitt ta’ persuna hija li tagħmel ir-rieda ta’ Alla perfettament… Imbierka aħna jekk jirnexxielna b’dan nferrgħu qalbna f’Alla, li nagħqdu xewqatna u r-rieda tagħna ma tiegħu biex tiġi ffurmata qalb u rieda waħda: li rridu dak li Alla jrid, li rriduh b’tali mod, fil-mument u fiċ-ċirkustanzi li jrid hu, u li rridu dan kollu għall-ebda raġuni oħra għajr għal dik li Alla jrid hekk”.

Jalla aħna s-saċerdoti nħallu lil San Ġużepp Cafasso ikun ta’ dawl saċerdotali għall-ħajja u l-ministeru tagħna.

Patri Mario Attard OFM Kap

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: