Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Eroj sieket tat-Tieni Gwerra Dinjija

Eroj sieket tat-Tieni Gwerra Dinjija


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Nhar it-8 ta’ Mejju ħabat is-70 anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. Fost l-eroj siekta, iżda li xogħlu kien ta’ qlubija liema bħalha tul din il-gwerra qalila, kien dak ta’ Eugenio Pacelli, jew kif nafuħ aħjar bħala Papa Piju XII.

L-azzjoni diretta tiegħu salvat il-ħajja ta’ aktar minn 11,000 Lhudi f’Ruma tul it-Tieni Gwerra Dinjija. Dan joħroġ ċar minn dokumentazzjoni li sabu l-istoriċi daqs 4 snin ilu. Ir-rappereżentant tal-Pave the Way Foundation fil-Ġermanja, l-istoriku u r-riċerkatur investigattiv Michael Hesemann, skopra numru ta’ dokumenti oriġinali u mportanti ħafna fir-riċerka tiegħu fl-arkivji miftuħa fil-Knisja ta’ Santa Maria dell Anima, li hija l-Knisja Nazzjonali tal-Ġermanja f’Ruma.

Skont il-Lhudi Gary Krupp, il-fundatur ta’ Pave the Way Foundation, “ħafna ikkritikaw lil Papa Piju XII li baqa’ sieket matul l-arresti u meta l-ferroviji ħallew Ruma b’ 1,007 Lhudi li ġew iddeportati lejn il-kamp tal-konċentrament tal-mewt ta’ Auschwitz. Il-kritiċi lanqas ma jagħrfu l-intervent dirett ta’ Papa Piju XII biex iwaqqaf l-arresti tas-16 t’Ottubru tal-1943. Sejbiet ġodda jippruvaw li Piju XII aġixxa b’mod dirett, minn wara l-kwinti, biex iwaqqaf l-arresti fis-2.00 pm fl-istess ġurnata li bdew. Madankollu ma seta’ jagħmel xejn biex iwaqqaf dik il-ferrovija sfortunata”.

Skont studju li sar ukoll daqs 4 snin ilu mir-riċerkatur Deacon Dominiek Oversteyns, kien hemm mat-12,482 Lhudi f’Ruma fis-16 t’Ottubru 1943. Krupp fisser li “l-intervent dirett ta’ Piju XII salva l-ħajja ta’ il fuq minn 11,400 Lhudi. Meta fl-għodwa tas-16 t’Ottubru 1943 il-Papa sar jaf bl-arresti tal-Lhud ordna immedjatament protest uffiċjali tal-Vatikan mal-ambaxxatur Ġermaniż. Anki jekk kien jaf li kien se jkun għalxejn. Il-Papa imbagħad bagħat lin-neputi tiegħu, il-Prinċep Carlo Pacelli, biex jiltaqa’ mal-Isqof Awstrijak Alois Hudal. L-Isqof Hudal, il-mexxej tal-Knisja Nazzjonali tal-Ġermanja f’Ruma, kien jissimpatizza man-Nażi u kellu relazzjonijiet tajba magħhom. Il-Prinċep Carlo Pacelli qal lil Hudal li hu kien mibgħut mill-Papa u li Hudal kellu jikteb ittra lill-Gvernatur Ġermaniż f’Ruma, il-Ġeneral Rainier Stahel, biex jitolbu jwaqqaf l-arresti”.

L-Ittra tal-Isqof Hudal lill-Ġeneral Stahel kienet tgħid hekk: “Propju issa, sors għoli tal-Vatikan […] irrapurtali li f’din l-għodwa ingħata bidu għall-arrest tal-Lhud ta’ nazzjonalità Taljana. Fl-interess tad-djalogu paċifiku bejn il-Vatikan u l-kmand militari Ġermaniż, nitolbok b’urġenza tagħti l-ordni li jitwaqqfu immedjatament dawn l-arresti f’Ruma u fl-inħawi tal-madwar. Ir-reputazzjoni Ġermaniża f’pajjiżi barranin titlob miżura bħal din u kif ukoll il-periklu li l-Papa se jipprotesta kontrieha fil-pubbliku”.

L-ittra ġiet mogħtija bl-idejn lill-Ġeneral Stahel minn ħabib kbir ta’ Papa Piju XII, is-saċerdot Ġermaniż u superjur ġenerali tas-Soċjetà tas-Salvatur Divin, Patri Pancratius Pfeiffer. Pfeiffer kien jaf personalment lill-Ġeneral Stahel. L-għodwa ta’ wara Ġeneral Stahel wieġeb bit-telefon: “Għaddejt il-kwistjoni immedjatament lill-Gestapo lokali u lil Himmler personalment. Himmler ordna li, rigward l-istatus speċjali ta’ Ruma, dawn l-arresti għandhom jitwaqqfu minnufih”. Dawn il-ġrajjiet huma ikkonfermati wkoll mix-xhieda miġbura matul l-investigazzjoni tar-relatur (Imħallef għoli) tal-kawża ta’ Pius XII, il-Patri Ġiżwita Peter Gumpel.

Patri Gumpel qal li hu kien kellem personalment lill-Ġeneral Dietrich Beelitz, li f’dak iż-żmien kien l-uffiċjal intermedjarju bejn l-uffiċċju ta’ Kesserling u l-kmand ta’ Hitler. Il-Ġeneral Beelitz sema’ l-konverżazzjoni bejn Stahel u Himmler u ikkonferma li Ġeneral Stahel uża t-theddida ta’ fjask militari ma’ Himmler jekk l-arresti kienu se jissuktaw.

Interessanti wieħed jisma’ wkoll ix-xhieda ta’ raġel Lhudi, Robert Adler, li huwa membru tal-Kummissjoni tal-Olokawst ta’ Alabama fl-Istati Uniti. Adler fakkar kemm Papa Piju XII kien ħeba Lhud fil-Vatikan. Din ix-xhieda hija waħda mill-aktar reċenti li Pave the Way Foundation qiegħdha tiġbor minn dokumenti u rapporti dwar l-azzjonijiet ta’ Piju XII tul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Adler fakkar kif missieru, Hugo Adler, ittieħed fil-Vatikan fl-1941 fejn kien moħbi għal 5 ġimgħat. Matul dak iż-żmien huwa iltaqa’ personalment ma’ Papa Piju XII f’diversi okkażjonijiet. Imbagħad Hugo ġie mibgħut permezz tan-network tal-Vatikan minn Franza, għal Spanja, għal Sosua fir-Repubblika Domenikana. Fix-xhieda tiegħu Robert qal li fir-riċerka tiegħu sab li n-Nażi ippjanaw li l-ewwel jeqirdu lill-Lhud u warajhom lill-Kattoliċi. Kien minħabba f’hekk li l-Papa mexxa s-salvataġġ tal-Lhud b’mod sigriet. Robert ammetta li missieru żgur li kien jinqatel kieku Piju XII ma intervjeniex.

Gary Krupp, il-fundatur ta’ Pave the Way Foundation, wera l-gratitudni tiegħu għax-xhieda ta’ Adler. Huwa afferma li “l-fatt li xehed din ix-xhieda qawwija [Adler] feda dejn enormi li kien dovut lil dawk kollha li irriskjaw ħajjithom billi ħarġu għonqhom biex isalvaw lill-vittmi mill-Olokawst”. Il-fundazzjoni poġġiet mal-40,000 dokument flimkien ma’ xhieda bil-video fuq il-Website tagħha biex tipprovdi xhieda dwar ir-rwol ta’ Piju XII fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Elliot Hershberg, chairman tal-bord tal-fondazzjoni, innota: “Dan it-tentattiv kien jitlob ħafna. Kienet biċċa xogħol iebsa għal [Pave the Way Foundation]. Imma kienet tiswa’. Skont il-missjoni tagħha jekk aħna nistgħu ngħinu biex indawwlu dan il-perjodu kontroversjali, li kien l-għajn ta’ firda bejn il-Lhud u l-Kattoliċi għal 46 sena sħaħ, inkunu għenna nibdlu l-kors tal-istorja u ntejbu r-relazzjonijiet fi żmien li hu tant neċessarju”.

Il-verità tirbaħ dejjem! Iġri tasal il-ġurnata meta l-Venerabbli Piju XII ikun ibbeatifikat u ikkanonizzat kif tant jixraqlu!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: