Liema hi l-ħarsa ta’ Ġesù li qed inħoss fuqi?, staqsa l-Papa Franġisku waqt l-omelija ta’ dalgħodu.

Ġesù rxoxt iħejji l-ikel għad-dixxipli tiegħu u wara li kiel jibda djalogu intens ma’ Pietru.  Din kienet ix-xbieha li l-Papa Franġiksu bena l-omelija fuqha u qal li waqt it-talb ħass f’qalbu xi ħaġa dwar kif kienet il-ħarsa ta’ Ġesù lejn Pietru.  Il-Papa għalhekk deherlu li sab tliet modi ta’ ħars fil-Vanġelu: ħars ta’ ħatra, ta’ ndiema u ta’ missjoni.

Fil-bidu tal-Vanġelu, fakkar Franġisku, meta Indrì jmur għand ħuh Pietru u jgħidlu li sabu l-Messija, hemm ħarsa ta’ entużjażmu.  Ġesù jiffissa ħarstu fuqu u jgħidlu: Int Xmun, bin Ġona.  Ismek se jkun Pietru.

Din hija l-ewwel ħarsa, il-ħarsa tal-ħatra.  Hemm għalhekk l-ewwel ħarsa: dik tal-vokazzjoni, l-ewwel tħabbira tal-missjoni.  U kif inhi r-ruħ ta’ Pietru quddiem dik il-ħarsa?  Kienet entużjasta, qal Franġisku.  Kien il-waqt li mar wara l-Mulej.

Imbagħad hemm il-ħarsa drammatika ta’ nhar Ħamis ix-Xirka, wara li Pietru ċaħad lil Ġesù tliet darbiet.  Tilef kollox, tilef imħabbtu u meta Ġesù jħares lejh jibda jibki.

Il-Vanġelu ta’ Luqa jgħidilna li Pietru beka biki ta’ qsim il-qalb.  Dak l-entużjażmu li kellu biex jimxi wara Ġesù inbidel fi dmugħ, għax dineb: ċaħad lil Ġesù.  Dik il-ħarsa biddlitlu qalbu lil Pietru u bidlitu aktar minn qabel.

L-ewwel ħarsa kienet tfisser bdil fl-isem u fil-vokazzjoni.  Din it-tieni waħda hi ħarsa li tibdel il-qalb u hija ħarsa li tfisser konverżjoni lejn l-imħabba.

Imbagħad hemm il-ħarsa tal-laqgħa li seħħet wara l-qawmien mill-mewt.  Nafu li Ġesù ltaqa’ ma’ Pietru, jgħidulna l-Vanġelu, imma ma nafux x’intqal, osserva l-Papa.

Dik li nsibu fil-Vanġelu tal-lum, hija t-tlielet ħarsa: dik li tikkonferma l-missjoni, imma ukoll il-ħarsa li biha Ġesù jitlob il-konferma tal-imħabba ta’ Pietru.  Għal tliet darbiet il-Mulej jistaqsi lil Pietru biex jistqarrlu mħabbtu u jħeġġu biex jirgħa l-ħrief tiegħu.  Mat-tielet mistoqsija Pietru ħass qalbu tingħafas u kważi beda jibki.

Iddispjaċih għax għat-tielet darba Ġesù stqasieh: inti tħobbni?  Pietru jgħidlu: Mulej Int taf kollox.  Taf li nħobbok.  U Ġesù jwieġeb: irgħa n-nagħaġ tiegħi.  Din hi t-tielet ħarsa, il-ħarsa tal-missjoni.  L-ewwel ħarsa kienet dik tal-ħatra, it-tieni tal-indiema fil-waqt tant gravi taċ-ċaħda; it-tielet hija ħarsa ta’ missjoni: Irgħa n-nagħaġ tiegħi.

Imma, osserva l-Papa Franġisku, l-istorja ma tintemmmx hemmhekk.  Ġesù jmur aktar ‘l hinn u lil Pietru jgħidlu: Int tagħmel dan kollu għall-imħabba tiegħi.  U wara?  Se jinkurunawk re?  Le.  Ġesù jħabbar lil Pietru li anki hu kellu jimxi warajh fit-triq tas-Salib.

Allura anki aħna llum nistgħu naħsbu: liema hi l-ħarsa li Ġesù qed jagħtini?  Kif qed iħares lejja?  B’sejħa?  Bil-maħfra?  B’missjoni?  Imma aħna lkoll mixjin fit-triq li ħejjilna Hu u qiegħdin taħt il-ħarsa tiegħu.  Qed jitlobna xi ħaġa, qed jaħfrilna xi ħaġa, qed itina missjoni.

Issa Ġesù se jinżel fuq l-altar u kull wieħed u waħda minna għandu jaħseb: Int qiegħed hawn fostna.  Sammar ħarstek fuqi u għidli x’għandi nagħmel; kif għandi nibki l-iżbalji tiegħi, dnubieti; liema hu l-kuraġġ li bih għandi nimxi ‘l quddiem fit-triq li Int għaddejt minna qabli.

Illum, temm il-Papa Franġisku, jagħmlilna tajjeb nerġgħu naqraw dan id-djalogu mal-Mulej u naħsbu dwar il-ħarsa li Ġesù qed jagħti lil kull wieħed u waħda minna.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: