Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-familja: is-santwarju għal soċjetà b’saħħitha

Il-familja: is-santwarju għal soċjetà b’saħħitha


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Il-Jum Internazzjonali ddedikat lill-Familja mill-Ġnus Maqgħuda, liema Jum jiġi iċċelebrat nhar il-15 ta’ Mejju, u li din is-sena kellu bħala tema Assigurazzjoni għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, ġagħlni naħseb fit-tul fuq l-importanza tal-familja fi ħdan is-soċjetà tallum.

Il-familja, il-ċellola bażika tas-soċjetà, għandha għadma iebsa quddiem wiċċha xi tgerrem: is-sekularizzazzjoni. Fl-omelija tiegħu tul il-laqgħa li kellu fl-okkażjoni ta’ l-Ewwel Jum Nazzjonali tal-Familji Kattoliċi Kroati, li seħħ nhar il-5 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet, il-Papa Benedittu XVI saħaq kemm is-sekularizzazzjoni moderna, għaliex kinset lil Alla minn nofs, spiċċat biex qerdet ukoll il-familja.

“B’xorti ħażina, ikollna nammettu li l-firxa tas-sekularizzazzjoni wasslet għat-twarrib ta’ Alla mill-ħajja u kattret it-tifrik tal-familja, speċjalment fl-Ewropa”. Is-sekularizzazzjoni sqiet lill-familja l-velenu ta’ libertà falza għaliex imnaddfa minn kull responsabbiltà komunitarja. Jissokta l-Papa: “Il-libertà mingħajr l-impenn lejn il-verità ġiet assolutizzata, u l-għana tal-individwu permezz tal-konsumiżmu tal-ġid materjali u tal-esperjenzi li jtiru mar-riħ huma meqjusa b’ idejal. Dan l-idejal joskura il-kwalità tar-relazzjonijiet interpersonali u tal-valuri umani profondi. L-imħabba ġiet ridotta għall-emozzjoni sentimentali u għall-gratifikazzjoni tal-impulsi mingħajr l-ebda impenn biex wieħed jibni rabtiet ta’ appartenenza reċiproka u mingħajr il-ftuħ għall-ħajja”.

Ma nafx liema familja tista’ tassew tibqa’ wieqfa fuq saqajha jekk il-membri li jiffurmawha jagħmlu dak li jaqblilhom? Fuq kollox, jekk għandhiex tibqa’ tissejjaħ familja sempliċiment għaliex il-membri ħaslu joqgħodu fl-istess dar? Mela, dak li jagħmilha m’huwiex għaliex fiha hemm persuni singoli. M’aħniex qiegħdin nitħaddtu fuq merħla annimali fejn l-importanti hu li jkunu gozz. Il-komunjoni familjari m’hijiex kotra bla sens iżda ċelebrazzjoni tal-kapaċità intrinsika u li Alla żejjen biha lilna l-bniedmin li ngħixu ma’ xulxin f’rabta ta’ mħabba u solidarjetà. Il-familja ma tistax tkejjel l-imħabba ta’ bejn il-membri tagħha fuq dak li jħossu għal xulxin. Il-ħass jiżloq. Kulħadd jgħaddi mill-kriżijiet tiegħu. Jiġu mumenti fejn membri differenti fi ħdan l-istess familja jgħaddu minn nawfraġji kbar. Anki l-istess qagħda ekonomika tal-familja taf toħloq piżijiet emozzjonali u spiritwali fuq il-membri tagħha li jistgħu jkunu tqal ħafna biex jinġarru. Aħħ jgħidha kulħadd!

Madankollu, il-familja għandha ħafna x’toffri lis-soċjetà tallum. L-akbar messaġġ li tista’ tgħaddilha hu li l-progress tassew hu dak li jolqot lill-persuna sħiħa. Li l-ħajja tmur lil hinn mill-flus u l-esperjenzi varji u eċitanti li wieħed jista’ jagħmel. L-aktar ħaġa mportanti li s-soċjetà kontemporanja jeħtieġilha tifhem hija li biex hi tkun tista’ tabilħaqq tiffjorixxi trid bilfors toħloq qafas ta’ support! F’dan il-qasam il-familja, sa minn ġuf ommha, hija esperta mill-kbar. Immaġina dawk il-familji fejn hemm persuni li qiegħdin ibatu. Ara ftit kif il-membri l-oħra jduru magħhom. Jgħinuhom. Jisimgħuhom. Jagħmlu minn kollox biex jgħinuhom iħossuhom speċjali. Ħu, ngħidu aħna, każi ta’ mard. Dan nista’ ngħidu jiena personalment. Meta dan l-aħħar għaddejt mill-esperjenza ta’ attakk tal-qalb, il-familja mxerrda tiegħi ingħaqdet miegħi minn kullimkien u għalenija issapportjatni bil-kbir. Bil-kuraġġ li tagħtni għenitni mhux ftit biex nintegra ruħi, bil-mod il-mod, fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum. Il-familja, għaliex hija għajn ta’ solidarjetà u mħabba bla kundizzjoni, kapaċi toffri mhux biss din id-duwa lis-soċjetà iżda wkoll tgħinha tifforma l-mod ta’ ħsieb tagħha stess fuq il-ħajja. Kemm-il darba nisma’ nies b’responsabbiltà ċivili li jirraġunaw hekk: “Li kieku kien missieri jew ommi, jew ibni jew binti, mhux hekk kont inġib ruħi miegħu u magħha?” It-trawwin ta’ mentalità familjari jgħinna bis-sħiħ biex lis-soċjetà tagħna nagħmluha iżjed ħanina u li tintegra lil kulħadd. Hemm bżonn li naħdmu ħalli nkunu familja nazzjonali!

Kuntrarju għal dak li jistgħu jaħsbu xi wħud, diskors bħal dan m’huwiex aljenazzjoni jew ħarba mir-rejaltà tal-ħajja. Huwa fatt li għadd mhux żgħir ta’ familji għaddejjin minn battalja kbira. Għal diversi raġunijiet, xi familji għaddejjin mill-ħallel ekonomiċi u soċjali iebsin li s-soċjetà kontemporanja tagħna toffrilna. Il-familja Maltija m’hijiex iżolata. Qiegħdha tgħix f’kuntest globali ta’ familji oħrajn f’għadd ta’ pajjiżi differenti. U għalhekk, qiegħdha hi ukoll taffaċċja sfidi mhux ħfief li d-dinja tallum tippreżentalha. Fattur importanti huwa ċertament dak ekonomiku. Il-familja trid tmanti lilha nnifisha. Jeħtieġ li jkollha riżorsi ekonomiċi biżżejjed biex tkun tista’ tfendi ‘l quddiem. Ix-xogħol għalhekk huwa meħtieġ. Irid ikun. Ma tistax tgħaddi mingħajru. Iżda hawnhekk jeħtieġ li jitħaddem għaqal kbir.

Huwa sewwa li familja tissagrifika l-ħin kollu tagħha basta l-membri tagħha jaqilgħu l-ħobżna ta’ kuljum? Għandu jkun hemm lista ta’ prijoritajiet fejn il-membri kollha ikollhom il-kuraġġ li jpoġġu bilqiegħdha madwar mejda biex flimkien jaraw x’jista’ isir biex, fiċ-ċirkustanzi li l-familja qiegħdha fihom, tkun tista’ tissokta tiltaqa’ flimkien ħalli mhux biss taħdem iżda wkoll tirrikreja ruħha bħala familja? Fid-dinja mgħaġġla tallum huwa possibbli li jinħoloq sens qawwi u b’saħħtu ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-mistrieħ fil-familja?

Ir-rieda tajba twettaq il-mirakli. Xi xhur ilu smajt bi storja ta’ mara li għall-ġid tal-familja tagħha kellha bżonn toħroġ taħdem. Bi ftehim ma’ żewġha, iddeċidew li toħroġ taħdem wara s-sitta ta’ filgħaxija ħalli meta uliedha jiġu mill-iskola isibuha. Temmen li l-preżenza tagħha fid-dar hija meħtieġa mhux ftit. Bil-ġebla waħda tad-djalogu din il-koppja seħħilhom jolqtu żewġ għasafar importanti: il-ħajja familjari u dik tax-xogħol. Bi djalogu miftuħ u sinċier wieħed jista’ jagħmel ħafna passi ‘l quddiem bil-għan li dan il-konflitt, li ħafna familji qiegħdin kontinwament jgħixu, jittaffa’ u minflok jissarraf f’opportunità ta’ tisħiħ fil-familja u fit-talenti personali tal-membri tagħha. Kulħadd JISTA’ jasal għal dan il-bilanċ b’saħħtu jekk tassew ikun irid f’qalbu!

Minn naħa l-oħra, ma nixtieqx nassolvi lill-Istat milli jibqa’ b’idejh fuq żaqqu milli tassew jgħin lill-familji biex jaslu għal dan il-bilanċ daqshekk importanti kemm għalihom u kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi. Kien il-Papa preżenti, Benedittu XVI, li fl-enċiklika tiegħu Caritas in Veritate, saħaq fuq l-importanza li l-istat jagħmel policies li jippromovu l-familja tradizzjonali kif nafuha illum. Huwa qal: “L-istati huma msejħa biex ifasslu policies li jippromovu ċ-ċentralità u l-integrità tal-familja, li hija msejsa fuq żwieġ bejn mara u raġel, iċ-ċellola primarja tas-soċjetà” (§ 44).

Bħala twettiq fil-konkret mill-policies li l-Papa Benedittu qiegħed jissuġġerixxi tgħid wasal iż-żmien li f’pajjiżna tinħareġ forma ta’ pensjoni għal dawk l-ommijiet (apparti s-single mothers) li jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb l-uliedhom? M’huwiex dan ukoll xogħol importanti fit-trawwin ta’ ċittadini responsabbli u ta’ kuxjenza li, għada pitgħada, pajjiżna se jkun f’idejhom? M’hux dan xogħol siewi li jassigura li l-aqwa żvilupp iseħħ fit-tkattir u fit-tisħiħ tal-persuna umana? Wara kollox, f’Caritas in veritate, il-Papa irrepeta dak li kien qal fil-messaġġ tiegħu għas-Sitt Laqgħa Dinjija tal-Familji li saret fil-Messiku fl-2009, fil-messaġġ li kien taha permezz ta’ xandira videoconference, nhar is-Sibt 18 ta’ Jannar mill-Vatikan. “Miżuri legali u amministrattivi li jgħinu lill-familji bid-drittijiet inaljenabbli tagħhom għandhom jiġu ipprommovuti. Dawn huma neċessarji biex il-familji jistgħu jissuktaw il-missjoni straordinarja tagħhom”.

Meta nieħdu ħsieb il-familja qiegħdin nieħdu ħsieb ta’ ħajjitna stess! Il-familja għandna ngħożżuha u nissallbu għaliha għaliex hija is-santwarju minn fejn minnu s-soċjetà tagħna tirkupra, tissaħħaħ u titqaddes!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: