Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-bniedem tat-tama

Il-bniedem tat-tama


Minn Patri Mario Attard OFM Cap                                                        

Il-motto kardinalizju tiegħu, Gaudium et Spes, jiġifieri l-hena u t-tama, ifisser ħajtu kollha. Il-Qaddej ta’ Alla, il-Kardinal Vjetnamita, François Xavier Nguyen van Thuân, għadda parti sostanzjali minn ħajtu mħabbat minn inġustizzji kbar imma, fl-istess ħin, imħarreġ fit-tliet virtujiet teologali tal-fidi, it-tama u l-imħabba. Minħabba l-vanġelu kien lest li jbati kull xorta ta’ tbatija speċjalment il-ġuħ u l-mibegħda li jġib miegħu l-fatt li tkun priġunier. Il-Kardinal kien vittma innoċenti tar-reġim Komunista fil-Vjetnam li żammu maqful għal tlettax-il sena sħaħ f’iżolament strett mingħajr qatt ħadd ma akkużah fuq xi ħaġa ħażina li seta’ wettaq. L-iskuża għal din il-priġunerija qarrieqa kienet sempliċiment għaliex kien meqjus bħala “perikoluż”. Madankollu, Van Thuân emmen bis-sħiħ li l-Mulej kien ħejja pjan apposta għalih f’dik il-ħajja krudili. Ittama kontra kull tama filwaqt li ħabb bi mħabba kbira lill-persekuturi tiegħu sal-aħħar. Interessanti ngħidu li wħud minn dawk stess li ħaqruh tant ġew misjuqa minn imħabbtu li sfaw ikkonvertiti minnu lejn il-Mulej Ġesù!

Dr Waldery Hilgeman, il-postulatur f’Ruma tal-kawża tal-beatifikazzjoni tal-prelat Vietnamita, stqarr x’laqtu mill-ħajja tal-Karinal Van Thuân. “Xi ħaġa li laqtitni fl-ispiritwalità tiegħu hija l-konsistenza li wera fl-imħabba tiegħu lejn il-proxxmu. Meta safa arrestat tulil-priġunerija tiegħu qattagħha jħobb lil dawk li kienu jaħqruh. Ibda mill-ogħla uffiċjali tar-reġim u spiċċa mill-gwardji tal-iżgħar grad”. Kardinal Van Thuân kien arċisqof koadjatur ta’ Saigon meta l-belt waqgħet taħt il-kontroll Komunista fl-1975. Ftit wara dan l-inċident il-prelat Vietnamita qatta’ l-isbaħ tlettax-il sena f’kamp ta’ ri-edukazzjoni.

B’xorti ħażina, il-Kardinal Van Thuân spiċċa ħabsi bl-iktar mod inġust. Fi kliem Dr Hilgeman, “qatt ma kien hemm akkuża reali kontrih għaliex qatt ma kien hemm proċess u wisq inqas xi forma ta’ sentenza. Għalhekk, li wieħed jista’ jgħid ta’ bilħaqq fuqhiex kien akkużat hija mistoqsija kbira anki għalina. Fil-kuntest soċjali ta’ dak iż-żmien hemm għadd ta’ aspetti li juru kemm dan l-isqof kien perikoluż għas-sistema bla sugu bħalma kienet dik tal-Komuniżmu li ma kienet msejsa fuq xejn. Madankollu ma kien hemm l-ebda akkuża formali kontrih”.

Tul il-priġunerija tiegħu Kardinal Van Thuân kiteb għadd ta’ messaġġi sigrieti lill-merħla tiegħu. Ħafna minnhom ġew miġbura snin wara u ppubblikati. Il-postulatur tal-kawża tal-kardinal qal li f’dawn il-messaġġi sigrieti l-Kardinal Van Thuân għaraf sa mill-bidu “li dak li l-Mulej kien qiegħed jitlob minnu kien li jagħtih kollox, li jħalli kollox warajh u jgħix għal Alla”. Hilgeman issokta ifisser li “l-kardinal fehem – speċjalment fl-ewwel perjodu tal-priġunerija tiegħu – li kien hemm xi ħaġa li hija qawwija ħafna. Din il-ħaġa kienet din: ix-xogħol ta’ Alla huwa Alla. U diġà, bħala arċisqof adjatur, huwa għex għax-xogħol ta’ Alla. Huwa għaraf li bil-priġunerija tiegħu Alla kien qiegħed jitlobu li jħalli xogħlu u jgħix għalih biss”.

Rigward l-anedotti li seħħew matul iż-żmien twil li għamel bħala priġunier, Dr Hilgerman fakkar il-konverżjoni ta’ ħafna mill-gwardji tal-ħabs li kienu għassa miegħu. Il-postulatur qal li Kardinal Van Thuân “bl-imħabba sħiħa tiegħu għal dawn il-persuni wera x’inhi l-imħabba ta’ Kristu. Anki jekk ma setax jippriedka u jitħaddet b’mod dirett fuq Kristu ma’ dawn in-nies xorta waħda irnexxielu jikkonvertihom permezz tal-eżempju tiegħu imsejjes fuq Kristu magħmul bniedem. Dan huwa aspett uniku”. Filwaqt li stqarr li, minħabba l-kuntest politiku tal-Vjetnam, kien diffiċli li jintervista l-gwardji li kellu miegħu minħabba l-kawża tal-kardinal, il-postulatur sostna jgħid li x-xhidiet tagħhom jistgħu jiġu inklużi fil-proċess.

Għalkemm baqa’ miżmum arrestat f’daru, il-Kardinal Van Thuân ġie meħlus mill-kamp fl-1988. Fl-1991 ir-restrizzjonijiet tiegħu ġew mneħħija sabiex ikun jista’ isiefer lejn Ruma. Kien wara l-2001 li seta’ jidħol fil-Vjetnam, sewwasew wara l-elevazzjoni tiegħu bħala Kardinal Djaknu ta’ Santa Maria della Scala. Dr Hilgeman tħaddet fuq il-kontribuzzjonijiet tal-kardinal bħala kap tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u Paċi. Huwa qal li l-Mulej kien qiegħed iħejji lill-Kardinal Van Thuân għall-ministeru tiegħu fil-Kurja Rumana. Dr Hilgeman qal: “Jista’ jingħad li bil-wasla tiegħu f’Ruma l-avvenimenti ġew maqluba għaliex ir-rwol tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u Paċi huwa ta’ sensittività mill-aktar kbira fil-kuntest tagħna. Dan għaliex jagħti ħafna attenzjoni lill-ekonomija, il-ġustizzja, il-ġuħ fid-dinja, il-paċi u s-solidarjetà bir-riżultat li jħaddan id-Duttrina Soċjali tal-Knisja kollha kemm hi”.

F’dan id-dawl, il-Kardinal Van Thuân ma setax ma jkunx promutur prim tal-ġustizzja minn qaddisu! Huwa għex f’inġustizzja kbira li ma ġietx magħmula biss lill-poplu tiegħu imma, l-ewwel u qabel kollox, lilu stess! Il-postulatur qal: “Għalhekk, isqof li ġie minn qafas soċjali ta’ faqar mill-aktar kbir, bħalma kien il-Vjetnam, u li ġie mitfugħ il-ħabs, għex f’ġismu stess l-inġustizzja tad-dinja minħabba s-sempliċi fatt li hu Nisrani. M’hemm l-ebda dubju li Ġesù ħejjieh bil-qabda għall-ministeru tiegħu hawnhekk f’Ruma”.

Il-Kardinal Van Thuân miet f’Ruma f’Settembru tas-sena 2002 mill-marda qerrieda tal-kanċer. Meta tħaddet fuq il-proċess tal-beatifikazzjoni tiegħu Dr Hilgeman qal li ‘il fuq minn 130 xhud li jvarjaw minn kardinali, isqfijiet, reliġjużi u lajċi ġew intervistati. Il-proċess tal-beatifikazzjoni jinstab f’fażi avvanzata ħafna. Dwar id-devoti tal-Kardinal Van Thuân li qiegħdin jittamaw li jarawh jiġi ibbeatifikat il-postulatur irrifletta fuq il-kelmiet tal-prelat Vietnamita fuq it-tama. “F’kitbietu u fil-kotba li kiteb huwa juża terminu li ta’ spiss jirrifletti fuqu. Dan it-terminu jidher ukoll fix-xhieda li jiġu quddiem il-Qorti ta’ Ruma. U dan hu: it-tama. Dik it-tama li qatt wieħed ma wieħed għandu jitlef. It-tama tiegħu f’Alla. Għalhekk huwa jista’ ikun ‘il-qaddis tat-tama’”.

X’kien is-sigriet ta’ din it-tama li ma spiċċat qatt f’ħajtu? F’messaġġ irrekordjat li ta lill-Insara tad-djoċeżi tiegħu, nhar is-7 ta’ Ottubru 1976, mill-iżolament tal-ħabs ta’ Phú Khánh, Kardinal Van Thuân qal: “Ninsab ferħan f’din iċ-ċella fejn il-faqqiegħ abjad qiegħed jikber fuq friexi. Għaliex intom qiegħdin hawnhekk miegħi. Għaliex intom triduni ngħix magħkom hawnhekk. Tħadditt ħafna f’ħajti. Issa ma nitħadditx iżjed. Issa jmiss lilek Ġesù li tkellimni. Qiegħed nisimgħek”. Kien Ġesù stess li, b’dak kollu li qallu f’moħħu, f’qalbu u fl-avvenimenti li kienu qiegħdin iseħħu madwaru, tah it-tama ċerta li hu kien miegħu. Anzi, tah l-ikbar rigal: dak li jgħix il-preżent bl-aktar mod intens u ferrieħi.  Aktar tard f’ħajtu stqarr: “F’pajjiżi hemm qawl: ‘Jum fil-ħabs jiswa daqs elf ħarifa ta’ ħelsien’. Jiena nnifsi esperjenzajt dan. Meta kont fil-ħabs kulħadd jistenna l-ħelsien. Kull jum, kull minuta. Hemm bżonn li ngħixu kull ġurnata, kull minuta ta’ ħajjitna, daqslikieku kienet l-aħħar waħda”.

L-iskola tal-iżolament tant kemm għenet bis-sħiħ lill-Kardinal Van Thuân biex jisma’ lil Ġesù, l-Imgħallem waħdieni tal-verità, li bil-għajnuna tiegħu rnexxielu jfassal għalih għaxar regoli li fuqhom seta’ jsejjes ħajtu:

“Jiena ħa ngħix il-mument preżenti sax-xfar. Ħa niddixxerni bejn Alla u x-xogħlijiet tiegħu. Ħa ninkolla ruħi ma’ sigriet: it-talb. Fl-Ewkaristija ħa nara l-qawwa waħdiena tiegħi. Ħa jkolli biss biċċa waħda ta’ għerf: ix-xjenza tas-Salib. Ħa nibqa’ fidil lejn il-missjoni tiegħi fil-Knisja u għall-Knisja bħala xhieda ta’ Ġesù Kristu. Ħa nfittex il-paċi li d-dinja ma tistax tagħti. Ħa nwettaq revoluzzjoni billi niġġedded fl-Ispirtu s-Santu. Ħa nitħaddet ilsien wieħed u nilbes uniformi waħda: il-Karità. Ħa jkolli biss imħabba speċjali waħda: L-Imqaddsa Verġni Marija”.

Nistgħu dawn l-għaxar regoli nagħmluhom tagħna ilkoll? Jirriflettux il-fidi, it-tama u l-imħabba li suppost aħna l-Insara qiegħdin ngħixu?

Fl-enċiklika tiegħu fuq it-tama ħelliesa tas-sena 2007, Spes Salvi, il-Papa Benedittu XVI jagħmel referenza diretta fuq it-talb tat-tama ta’ Van Thuận meta jgħid: “Tul it-tlettax-il sena li qatta’ fil-ħabs, f’sitwazzjoni li kienet tidher kompletament bla tama, il-fatt li seta’ jisma’ u jitħaddet ma’ Alla sar għalih qawwa dejjem tikber ta’ tama, li ippermettitlu, wara l-ħelsien tiegħu, li jsir xhud tat-tama għan-nies tad-dinja kollha. Ta’ dik it-tama kbira li ma tgħibx fl-iljieli tas-solitudni” (§ 32).

Jistax il-Qaddej ta’ Alla, Kardinal Van Thuận, jitqiesx bħala evanġelizzatur li evanġelizza b’ħajtu stess? Jistax jiġi ippreżentat bħala mudell ta’ tama għal min qiegħed ibati kull xorta ta’ iżolament u inġustizzja għaliex jimxi wara Kristu? Tistax il-Knisja Universali tippreżentahulna bħala għalliem għaqli fl-iskola tat-talb għaliex sema lil u minn Ġesù waqt li kien qiegħed ibati l-eħrex tbatija fil-ħabs? Huwiex l-eżempju tal-Kardinal Van Thuận anti-dipressant effettiv għal dawk fostna li jħallu d-disprament joħonqilhom ħajjithom minflok li jingħaqdu iżjed ma’ Ġesù ħalli jimliehom bit-tama tiegħu waqt l-uġigħ ta’ ħajjithom? U, jekk il-Knisja qiegħdha tħejji bil-kbir għas-sinodu dwar l-evanġelizzazzjoni l-ġdida għax-xandir tal-fidi Nisranija, tistax iżżid mal-lista tal-Beati lill-Kardinal Van Thuận, li b’ħajtu, wassal b’persważjoni erojka l-messaġġ Nisrani tal-imħabba lejn l-għedewwa?

  1. Anonymous
    May 21, 2015 at 1:21 pm

    Once when I use to live in NY i us e to he ar Father Corapoli and preach about hope.He say Nevef Never loose HOpe

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: