Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Jagħmlilna tajjeb naħsbu fil-waqt li nħallu din il-ħajja.

Jagħmlilna tajjeb naħsbu fil-waqt li nħallu din il-ħajja.


Ġesù jinfired biex imur għand il-Missier u jibgħatilna l-Ispirtu.  San Pawl isellem qabel ma jitlaq lejn Ġerusalemm u jibki flimkien mal-anzjani li ġew biex isellmulu minn Efesu.

Il-Papa Franġisku għamel omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta li fiha, mnebbaħ minn dawn l-epsiodji fil-liturġija tal-lum, spjega xi jfisser tgħid “addio” għan-Nisrani.

Niftakru ftit, qal Franġisku, f’dawk li jkollhom bilfors jaħarbu minħabba l-persekuzzjonijiet.  Ġesù jinfired, Pawlu jinfired u dan jgħinna nirriflettu fuq il-“firdiet” tagħna.  F’ħajjitna, osserva l-Papa, nsibu ħafna firdiet kbar jew żgħar li uħud minnhom iġibu t-tbatija u tant dmugħ.

Niftakru llum f’dawk l-imsejkna Rohingya ta’ Myanmar.  Fil-mument li ħallew arthom biex jaħarbu mill-persekuzzjoni ma kinux jafu x’se jiġri minnhom.  U baqgħu fuq dgħajsa xhur sħaħ.  Jaslu f’belt fejn ituhom l-ilma u l-ikel imma jgħidulhom: itilqu minn hawn.  Hija firda.  Illum, żied Franġisku din il-firda eżistenzjali għandha dimensjoni kbira.  Niftakru fil-firda tal-Insara, tal-Yażidi, li jaħsbu li forsi qatt mhuma se jerġgħu jaraw pajjiżhom għax imkeċċijin minn djarhom.  Dan qed iseħħ illum, żied josserva.

Fil-ħajja hemm ħafna mumenti ta’ firdiet bħal dik tal-omm li ssellem lil binha li sejjer għall-gwerra u kuljum tqum bil-biża li jiġi xi ħadd jgħidilha: nirringrazzjaw ħafna l-ġenerożità ta’ ibnek li ta ħajtu għal pajjiżu.

U hemm ukoll il-firda aħħarija li lkoll irridu ngħaddu minnha meta l-Mulej isejħilna għax-xaqliba l-oħra.  Jien qed naħseb f’dan?

Dawn il-firdiet tul il-ħajja, anki l-aħħar waħda, mhumiex tislima bħal “narak aktar tard”, “arrivederci”, tislim li jimplika li dak li jkun se terġa’ tiltaqa’ miegħu ġurnata, ġimgħa wara, imma huma firdiet ta’ “ma nafx meta u jekk nerġax lura”.

U, innota l-Papa, dawn il-firdiet insibuhom ukoll fl-arti, fil-kanzunetti.

Qed tiġini f’moħħi dik il-kanzunetta tal-Alpini li fiha l-kaptan isellem lis-suldati tiegħu: it-testment tal-kaptan.  Imma jiena naħseb dwar il-firda l-kbira, il-firda l-kbira tiegħi, mhux meta ngħid “niltaqgħu ma ndumux”, imma meta jkun “addio”?

Il-qari tal-lum ikellimna dwar il-kelma “addio”.  Pawlu jerħi lil tiegħu f’idejn Alla u Ġesù jerħi f’idejn Alla lid-dixxipli tiegħu.  “Mhumiex tad-dinja, imma ħu ħsiebhom”.  Li nafdaw fil-Missier, li nafdaw ruħna lil Alla: din hi l-oriġini tal-kelma “addio”.

Aħna ngħidu addio meta nsellmu kemm fil-ħajja u kemm fl-aħħar firda.  Nemmen, żied jgħid Franġisku, li dawn iż-żewġ ikoni, dik ta’ Pawlu li jibki għarkuptejh fuq ix-xatt u Ġesù mnikket quddiem id-dixxipli teigħu għax kien sejjer lejn il-Passjoni, u kien qed jibki f’qalbu, jgħinuna niftakru fl-addio tagħna.  Jagħmlilna tajjeb.  Min se tkun il-persuna li tagħlaqli għajnejja?  X’se nħalli warajja?

Kemm Pawlu kif ukoll Ġesù, f’dawn is-siltiet jagħmlu speċi ta’ eżami tal-kuxjenza: “Jien għamilt hekk, jew hekk….”  Jiena x’għamilt?  Jagħmilli tajjeb nimmaġinani f’dak il-waqt li ma nafx meta se jasal, imma se jasal żgur, il-waqt li “niltaqgħu għada” jew “minn hawn u ftit ieħor”, isiru “addio”.

Jien lest biex inħalli lil tiegħi f’idejn Alla?  Lest li nħalli lili nnifsi f’idejn Alla?  Lest ngħid dik il-kelma li biha l-iben jafda kollox f’idejn il-Missier?

Il-Papa għalhekk ta parir lil kulħadd biex jimmedita l-qari tal-lum u jaħseb li għad jasal il-jum li fih anki aħna rridu ngħidu l-kelma “addio”.  Inħalli ruħi f’idejn Alla, inħalli l-istorja tiegħi f’idejn Alla, inħalli lill-familja, lill-ħbiebi f’idejn Alla, inħalli kollox f’idejn Alla.

Jalla, temm Franġisku, Ġesù li miet u rxoxta jibgħatilna l-Ispirtu s-Santu biex nitgħallmu dik il-kelma, il-kelma tal-aħħar “addio”.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: