Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Int prezzjuż/a!

Int prezzjuż/a!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Kienet tassew grazzja kbira għalija meta l-Mulej, permezz tas-superjuri tiegħi, tani l-grazzja li niġi magħżul u mibgħut bħala membru fil-fraternità Franġiskana Kapuċċina ta’ Għajn Dwieli sentejn ilu. F’dan il-kunventin u fil-Knisja ħelwa maqgħuda miegħu għamilt ħabib ma’ Sant’Antnin ta’ Padova! Imma min hu dan il-qaddis kbir u tant umli Franġiskan? Dan il-qaddis li kellu l-grazzja jiltaqa’ ma’ San Franġisk t’Assisi?

Antonju ta’ Padova jew Antonju ta’ Lisbona, huwa wieħed mill-aktar qaddisin magħrufa fil-Knisja Kattolika kollha. Huwa meqjum mhux biss f’Padova, fejn illum tinsab Bażilika mill-isbaħ li ġiet mibnija biex iżżomm b’għożża kbira l-fdalijiet tiegħu imma wkoll mal-erbat irkejjen tad-dinja. Sant’Antnin huwa irrappreżentat bil-ġilju jiġifieri bis-simbolu tas-safa. Ġieli nsibuh wkoll bil-Bambin Ġesù f’idejh. Dan biex titfakkar dehra mirakoluża li hija mniżżla f’ħafna għejjun letterarji dwar ħajtu. Imżejjen kif kien mid-doni kbar tal-intelliġenza, il-bilanċ, iż-żelu appostoliku u l-fervur mistiku Sant’Antnin ikkontribwixxa bil-kbir għall-iżvilupp tal-ispiritwalità Franġiskana.

Huwa twieled f’familja nobbli f’Lisbona madwar is-sena 1195. Ġie mgħammed bl-isem ta’ Fernando. Daħal mal-Kanonċi Regolari ta’ Santu Wistin l-ewwel fil-Monasteru ta’ San Vinċenz f’Lisbona. U, aktar tard, fil-Monasteru tas-Salib Imqaddes f’Coimbra, li f’dak iż-żmien kien ċentru kulturali magħruf fil-Portugal. Huwa iddedika lilu nnifsu għall-istudju tal-Bibbja u ta’ Missirijiet il-Knisja. Din it-tħejjija servietu bil-kbir meta aktar tard insibuh jgħallem u jippriedka.

Il-ġrajja li bidlitlu ħajtu seħħet f’Coimbra. Kien f’din il-belt li, fl-1220, kienu nġibu għall-wiri r-relikwi tal-ewwel ħames martri Franġiskani missjunarji li kienu marru jevanġelizzaw fil-Marokk u, minħabba f’hekk, kienu spiċċaw maqtula għal Ġesù Kristu. L-istorja tagħhom tant laqtet il-qalb taż-żgħażugħ Fernando li b’riħithom xegħel biż-żelu li jimxi fuq il-passi tagħhom. Bħalhom xtaq jimxi t-triq tal-qdusija. Għalhekk huwa talab lill-Kanonċi Regolari ta’ Santu Wistin biex iħalli l-ordni u jsir membru fl-Ordni tal-Aħwa Minuri. It-talba tiegħu intlaqgħet. U Fernando, li issa kien ħa l-isem ta’ Antonju, huwa wkoll kien deċiż li jmur il-Marokk. Madankollu l-Provvidenza Divina kellha pjanijiet oħra. Wara li sofra marda kien kostrett li jirritorna lura lejn l-Italja. Fl-1221 Sant’Antnin ħa sehem fil-magħruf “Kapitlu tal-Ħsajjar” f’Assisi. Kien hawnhekk li ltaqa’ personalment ma’ San Franġisk. Imbagħad għex għall-perjodu għas-skiet ta’ kunvent ġewwa Forlì fin-naħa ta’ Fuq tal-Italja fejn il-Mulej sejjaħlu għall-missjoni oħra.

Lill-Mulej ma jifhmu ħadd kif jaħdem. Jingħad li darba minnhom, f’okkażjoni ta’ ordinazzjoni saċerdotali, min kellu jippriedka dakinnhar ma deher imkien. Għalhekk Sant’Antnin intalab jippriedka hu. Tela’ fuq il-pulptu u beda jippriedka. Id-diskors li ħareġ minn fommu dak il-ħin wera x’għerf u x’kapaċità kbira għall-predikazzjoni kellu maħżuna fih. Kien għalhekk li s-Superjuri tiegħu tawh l-uffiċċju tax-xandir tal-Kelma ta’ Alla. Sant’Antnin, b’żelu kbir, medd għonqu għax-xogħol appostoliku fl-Italja u fi Franza. Issa dan ix-xogħol tant kemm kien intensiv u effettiv li l-patri żgħażugħ reġġa’ lura ħafna nies li kienu ħallew il-Knisja.

Antonju kien wieħed mill-ewlenin aħwa, jekk mhux ukoll l-ewwel wieħed, li beda jgħallem it-teoloġija lil ħutu l-patrijiet. Huwa ta bidu għal dan ix-xogħol daqshekk importanti f’Bologna. San Franġisk Missierna kien bierku b’dawn il-kelmiet. “Lil Fra Anton, l-isqof tiegħi, jien Frangisku nibgħat is-sliem u l-barka Hu bi pjaċir tiegħi li inti tgħallem it-Teoloġija mqaddsa lill-aħwa patrijiet, sakemm b’dan l-istudju int ma tħallix jintefa’ fik l-ispirtu ta’ talb u l-ġabra, hekk kif hemm miktub fir-Regola”. Sant’Antnin waqqaf is-sisien tat-teoloġija Franġiskana li kellha tasal fil-quċċata tagħha permezz ta’ San Bonaventura ta’ Bagnoregio u l-Beatu Ġwann Duns Skotu.

Wara li sar Superjur Provinċjali tal-Aħwa Minuri fin-Naħa ta’ Fuq tal-Italja Sant’Antnin issokta l-ministeru tal-predikazzjoni flimkien mal-uffiċċju tiegħu ta’ tmexxija. Meta l-perjodu tiegħu ta’ Provinċjal spiċċa huwa inqata’ f’post ħdejn Padova. Sant’Antnin miet f’bieb il-Belt nhar it-13 ta’ Ġunju 1231. Padova, li laqetgħu b’tant imħabba u qima f’ħajtu, minn dejjem tagħtu l-ġieħ u d-devozzjoni. Papa Gregorju innifsu, li kellu x-xorti jisimgħu jippriedka, iddeskrivieh bħala “l-Arka tat-Testment”. Minħabba l-mirakli attribwiti għat-talb tiegħu l-Papa ikkanonizzaħ qaddis fl-1232, sena wara li miet.

Sant’Antnin huwa l-awtur tas-Sermones jew priedki li jġibu l-isem Il-Priedki tal-Ħdud u Il-Priedki tal-Qaddisin. Dawn kitibhom għall-predikaturi Franġiskani u għall-għalliema tal-istudji teoloġiċi. Fihom Sant’Antnin jikkummenta fuq it-testi tal-Bibbja billi fisser il-Kelma ta’ Alla fis-sens litterali jew storiku, allegoriku jew Kristoloġiku, tropoloġiku jew morali u fl-aħħar fis-sens anagoġiku, li jorjenta l-persuna għall-ħajja ta’ dejjem.

Passaġġ li jolqotni minn dawn is-sermones huwa dak fejn Sant’Antnin jgħid li fi Kristu Msallab hemm id-dinjità vera tal-bniedem. “Kristu, li huwa ħajtek, jinsab imdendel quddiemek. Ħalli tħares lejn is-Salib bħal f’mera. Hemmhekk int se tkun taf kemm il-ġriegħi tiegħek kienu mortali. Tant li l-ebda mediċina aktar mid-Demm tal-Iben ta’ Alla ma setgħet tfejjaq. Jekk tħares sewwa se jirnexxielek tirrejalizza kemm hi kbira d-dinjità u l-valur tiegħek… Imkien aktar għajr meta jħares fil-mera tas-Salib ma jista’ l-bniedem jifhem aħjar kemm hu prezzjuż” (Sermones Dominicales et Festivi III).

U biex tissokta tiskopri kemm int prezzjuż/a għall-Mulej nistiednek tiġi għall-Festa ta’ Sant’Antnin fil-Knisja tal-Kapuċċini ta’ Għajn Dwieli billi tieħu sehem fil-quddiesa solenni li se ssir nhar is-Sibt 13 ta’ Ġunju fis-6.30 pm. Tinsix!… Int preżżjuż! Preżżjuża!

  1. NN
    May 20, 2015 at 9:49 am

    Just returned from Padova 2 days ago and for the 3rd or 4th time visited once again St.Anthony’s Basilica and prayed over his tomb. No wonder he is known in the area as “Il Santo” – he was a great man and a super scholar!!
    Pse pray for me as I will be having a small operation tomorrow. Big or small I still need your prayers even though I know that “Il Santo” will be praying for me too. Hope that I will be able to make it to the 13/06 Mass.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: