Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > L-ispiritwalità tar-romol

L-ispiritwalità tar-romol


Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Nhar it-Tnejn 4 ta’ Mejju kienet il-festa ta’ Santa Monika, omm Santu Wistin. Santa Monikahija l-qaddisa padruna tar-romol. Min huma r-romol? Kif jistgħu jersqu lejn il-Mulej? Teżiżti spiritwalità għalihom?

Daqqa t’għajn lejn il-Kelma ta’ Alla malajr turini kemm ir-romol għandhom importanza kbira kemm fil-żewġ Testmenti, il-Qadim u l-Ġdid. Fit-Testment il-Qadim insibu li r-romol kienu foqra u minsija. Madankollu kienu erojċi. Eżempju mqaxxar ta’ dan li qiegħed ngħid hija Rut. Wara li mitilha żewġha sfat minsija. Imma l-erojċità tagħha toħroġ mid-determinazzjoni tagħha li tħalli lill-poplu tagħha basta timxi wara l-kunjata tagħha f’art barranija. Iktar tard raġel ikbar minnha iżżewwiġha. Rut hija mudell għar-romol li jinħtieġu l-protezzjoni mit-tieni raġel jew, iktar u iktar, il-ħarsien minn irġiel pjuttost imdaħħla fiż-żmien. Kemm ir-romol illum huma tassew imħarsa fil-familji u l-parroċċi tagħna?

It-tieni eżempju li l-Kelma ta’ Alla tippreżentalna dwar ir-romol huwa dak ta’ Ġuditta. Din l-armla magħrufa mhux biss ħelset lill-poplu tagħha mit-tirannija iżda saħansitra irrifjutat li tiżżewweġ. Kif qattgħet ħajjitha li kienet tlaħħaq mal-105 snin? Qatetgħha tgħallem lix-xjuħ tal-poplu. F’Ġuditta għandna mudell għar-romol li jagħmlu vot privat jew konsagrazzjoni pubblika. Meta l-armla tkun għalliema hija tixxiebaħ mal-Verġni Marija, l-armla l-aktar għolja fil-ġieħ, li kienet tgħallem lill-Appostli wara l-mewt ta’ Ġesù kif insibu fir-rivelazzjonijiet privati u mill-aktar interessanti dwar il-ħajja ta’ Madonna li huma miġbura fi ktieb bit-titlu Il-Belt Mistika ta’ Alla, miktubin mill-Beata Maria minn Agreda.

Minn naħa l-oħra fit-Testment il-Ġdid ir-romol huma ippreżentati fix-xogħol tal-qadi tal-komunità Nisranija. Hekk ngħidu aħna l-armla Tabita hija mqajma mill-imwiet l-għaliex kienet ta’ ħtieġa kbira fil-qadi tal-komunità. Mingħajrha l-membri tal-komunità Nisranija ta’ Ġaffa ma setgħu jagħmlu xejn! (ara Atti 9:36-42). Romol kontemplattivi fit-Testment il-Ġdid huma mxebbħa ma’ Anna li ma kinitx titwarrab mit-Tempju biex taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb bħala tħejjija għall-miġja tal-Messija. Ma nistgħux ma niftakrux f’Marija, Omm Ġesù u Ommna, bħala l-armla kontemplattiva. Skont it-tradizzjoni Efesina Marija qattgħet ħajjitha tikkontempla fuq dak li wettaq Binha fostna. Xi wħud jgħidu li Ġesù kien sensittiv ħafna għar-romol l-għaliex kien jaf min xiex għaddiet ommu stess. Għalhekk huwa feda lil Marija f’idejn Ġwanni. Ċertament li jekk Ġużeppi kien għadu ħaj żgur li Ġesù ma kienx sejjer jagħmel dan il-pass.

Rigward ir-romol fil-Knisja ewlenija ta’ min jgħid li wħud minnhom kienu jiffurmaw l-ewwel forma ta’ konsagrazzjoni fil-Knisja. Il-ministeru tar-romol ikkonsagrati beda jmajna sakemm sparixxa għal kollox mat-twaqqif tal-komunitajiet tas-sorijiet. Għall-grazzja ta’ Alla il-ministeru tagħhom qiegħed jerġa’ jinġieb għad-dawl. Fl-Ewwel Ittra lil Timotju (1 Tim 5:3-16) insibu referenzi mportanti għar-romol. “Jekk mara armla għandha l-ulied jew ulied uliedha, dawn għandhom jitgħallmu l-ewwel jagħmlu dmirhom billi jġibu rispett lill-familja tagħhom u jroddu lill-ġenituri tagħhom dak li ħaqqhom: għax dan jogħġob lil Alla” (1 Tim 5: 4). Madankollu romol li huma waħedhom għandhom jgħixu ħajjithom fit-talb. Ir-romol żgħażagħ għandhom jiġu mgħejjuna biex ma jidħlux għal żwiġijiet li aktar tard ikunu għelew li daħlu fihom. Tajjeb ngħidu li jekk wieħed jerġa’ jiżżewweġ dan m’huwiex kuntrarju għall-fidi. Ma rridux ninsew ukoll li r-raġuni għalfejn fil-Bibbja r-romol huma marbuta mal-orfni hija l-għaliex ir-romol kienu jieħdu ħsiebhom.

Fil-ħajjiet tal-qaddisin wieħed jinnota li ħafna romol kellhom żwieġ ħieni. Barra minhekk qalb qaddisa u sensittiva ta’ mara miftuħa għal Alla tesperjenza iktar niket u uġiegħ minn dik ta’ mara li moħħha biss fil-frugħa tal-ħajja. Jekk l-imwiet tal-irġiel tagħhom seħħu wara perjodu twil ta’ mard ħafna romol ħassew niket kbir li jinfdilhom qalbhom meta żwieġhom mitulhom. Madankollu wara li ġarrbu telfa daqshekk kbira dawn ir-romol bdew jirkupraw malajr. Minn naħa l-oħra jekk il-mewt tkun seħħet għall-għarrieda ir-romol jgħaddu minn fażijiet ta’ xokk. Problemi prattiċi oħra jagħmlulhom ħajjithom bil-wisq iżjed diffiċli tant li ma jirnexxilhom qatt jadattaw ruħhom għas-sitwazzjoni tagħhom. Anki jekk xi rġiel tan-nisa qaddisa ma kienux jeċċellaw fil-ħajja tal-virtù xorta waħda ir-romol qaddisa immisjawhom meta mitulhom. L-umanità tibqa’ umanità anki fil-qdusija!

Xi romol qaddisa spiċċaw jieħdu ħsieb uliedhom wara li żwieġhom mietu. Għalhekk parti mill-mixja tagħhom lejn Alla kienet tfisser ukoll li jibqgħu jaqdu l-obbligi tagħhom ta’ ġenituri billi rabbewhom b’valuri Insara. Waħda minnhom kienet Santa Rita. Wara li żewġha safa maqtul uliedha kienu determinati li jfittxu l-qattiela ta’ missierhom u jagħmlu vendetta minnhom kif tmiss il-liġi. Madankollu l-armla Rita rnexxielha tipperswadi lil uliedha subjien biex jikkonvertu. Imn’Alla seħħ hekk l-għaliex t-tnejn li huma sfaw vittmi ta’ epidemija li kaxkrithom sal-qabar f’età daqshekk ċkejkna. Mill-eżempju ta’ Santa Rita r-romol huma mħeġġa li jitfgħu l-inkwiet li għandhom fuq uliedhom fil-qalb ta’ Ġesù. Oħrajn, bħal Santa Marguerite d’Youville, jgħaddu minn kriżijiet finanzjarji kbar. Il-qdusija ta’ dawn it-talin tidher l-għaliex minkejja din il-kriżi xorta waħda baqgħu jħobbu lil Ġesù fil-batut!

Lesta ninvesti mħabbti ta’ armla f’Ġesù? Lesta li nqatta’ iktar ħin nitħaddet miegħu u naqdih fil-foqra tallum bħar-romol qaddisa?

Mulej għinni biex bħala armla jiena nkun l-omm spiritwali għal dawk kollha li niltaqa’ magħhom illum. Romol qaddisa li qiegħdin fis-sema, itlobu għalija. Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: