Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Kemm hu sabiħ u ħelu li l-aħwa jgħammru flimkien!

Kemm hu sabiħ u ħelu li l-aħwa jgħammru flimkien!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Il-kelma fraternità, jew komunità, saret kelma fuq fomm kulħadd! Dan hu tassew pożittiv! L-għaliex x’isir minnu l-bniedem jekk ma jgħix fis-sliem u l-għaqda ma’ ħutu l-bnedmin? Żgur li ma jibqax bniedem!

Għal min hu midħla tat-talb tal-qassisin, il-patrijiet, is-sorijiet, u llum ta’ bosta minn fost ħutna Nsara Maltin ukoll, fis-Salm 132(133), naqraw dan il-kliem li hu t-titlu ta’ din ir-riflessjoni tallum: “Kemm hu sabiħ u ħelu li l-aħwa jgħammru flimkien…” Santu Wistin, bħas-soltu, ma kienx kuntent b’din is-sentenza hekk kif kien jaqraha ta’ spiss fl-Iskrittura Mqaddsa! Le! Bħala tifsila tal-ħajja li kien għażel li jgħaddi hekk kif intebaħ li l-Mulej kien sejjaħlu sabiex idur lejH, huwa mill-ewwel xtaq li jqatta’ ħajtu bħala lajk Nisani f’għamla ta’ ħajja ta’ flimkien ma’ ħutu li kienu ġew mgħammdin miegħu nhar l-24 t’April tas-sena 387.

Din l-għamla ta’ ħajja ta’ flimkien li xtaq ifassal u jħaddan Wistin kien wieħed qadim ħafna u li jmur saħansitra għal dik li għorrief kbar tal-qedem Grieg, fosthom Pitagora (għex bejn is-snin 570q.K. u l-450q.K.), fasslu, għexu u għamlu l-almu tagħhom kollu sabiex iniżżluh fil-prattika tal-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Kien Santu Wistin iżda li seħħlu jwettqu dan b’qawwa li ħalliet sinjali qawwija fil-ġrajja tal-Kristjaneżmu ġewwa l-Afrika ta’ Fuq, u, tista’ tgħid, fil-Punent Nisrani kollu.

Għall-bidu, l-istil li fassal Santu Wistin kien dak li fih ikun hemm għadd ta’ Nsara mgħammdin li jgħixu taħt saqaf wieħed, qalb waħda u ruħ waħda f’Alla, u li kienu jaqsmu kull ma kellhom flimkien, skont kif kien jaqra fl-Atti tal-Appostli 4,26. Ftit tas-snin wara dan l-idejal kien għoddu ntemm għalih meta fis-sena 393 ġie magħżul qassis, u fis-sena 396, Wistin inħatar bħala isqof ta’ Ippona. Minkejja dan il-ministeru ta’ isqof Wistin baqa’ jisħaq li mqar bħala isqof, kull min ried li jgħix miegħu bħala qassis fid-djoċesi tiegħu ta’ Ippona, kellu jgħix l-istil ta’ ħajja tal-irħieb. Mela dak ta’ ġewwa l-kunventi. Għal dan il-għan tfasslet Regula ta’ ħajja apposta għal dan l-istil ta’ ħajja. F’dan l-istil kien jispikka fih il-fatt li fil-ħajja ta’ dawn kollox kellu jkun ta’ kulħadd. Li kulma jaqla’ l-patri kien jitqiegħed f’kaxxa waħda. U kien jinqasam kollox skont ma’ kull wieħed kien ikun jeħtieġ.

Dan kien l-għan u l-ispirtu li għexna dan l-aħħar ġewwa dar tal-irtiri, jiġifieri fl-1, 2 u t-3 ta’ Mejju. Konna grupp ta’ għoxrin, bosta midħla ta’ snin ta’ tagħlim fuq Santu Wistin bis-saħħa tal-korsijiet li jsiru ġewwa l-Istitut Agostinjan. Patri Wim Sleddens, Agostinjan, mill-Olanda, ġie mistieden mill-Istitut sabiex imexxi l-konferenzi dwar l-Istqarrijiet u l-Ittra 130 li Wistin kien kiteb lill-armla Proba, dwar it-talba tal-Missierna. L-atmosfera li nħolqot, u l-mod ta’ kif tħalltu u twaħħdu flimkien l-etajiet, il-backgrounds tal-ħajja ta’ kuljum ta’ min ħa sehem, fosthom ukoll Reliġjuża, kien eċċezzjonali. Grazzi kbira lil Patri Salvino Caruana OSA u lil Ms Antoinette Borg għax-xogħol organizzattiv li wettqu.

Ix-xewqa ta’ kull min ħa sehem, u li spiċċat saret waħda li bdejna nitħadduha bis-sħiħ, kienet li ma stajnix inħallu l-Live-In li jmiss għal sena oħra! Kellu jsir xi ħaġa bħalu iktar ta’ spiss matul is-sena. Saħansitra sejrin nibdew naraw ukoll jekk is-sena d-dieħla jkunx possibbli immorru għand Patri Wim Sleddens, fil-Kunvent ta’ Eindoven, fl-Olanda, sabiex hemm nagħmlu esperjenza wkoll tal-ħajja reliġjuża Agostinjana tal-Patrijiet Olandiżi, u niltaqgħu mal-ħidma ta’ għadd ta’ gruppi ta’ lajċi mpenjati fil-ħidma u l-ħajja tal-Kunventi Agostinjani t’hemm. Jekk tixtieq li l-quddiem nħgarrfuk meta tkun sejra ssir xi esperjenza oħra ta’ ġranet bħal dawn organizzati mill-Istitut Agostinjan, ikteb lil P. Salvinu Caruana OSA Istitut Agostinjan PO Box 61 Imsida PO MSD 1000, jew cempel fuq 2124 9407 / mob. 9940 2102 / 7929 4177, jew ibg]at email: salvino.caruana@um.edu.mt / caruana.salvino@gmail.com  jew lis-Segretarja Ms A. Borg: Istitut Agostinjan 9945 0099 / 7708 7711 2701 0827 – email: toineborg@onvol.net

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: