Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > U dak u dik mhux hekk?

U dak u dik mhux hekk?


Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Ma nafx jekk ihijex xi waħda mill-mardiet umani. Inkella hijiex xi ħaġa made in Malta. Li naf żgur hu kemm joħloq l-uġiegħ dak il-misħut ġudizzju! Jiġifieri meta jien, għax naf li int, li ġej minn dak il-kulur jew minn dak il-partit, li se tgħid jiena inwaħħalha awtomatikament f’rasi li int dak li għedt għedtu bi skop. Biex tigwadanja. Biex tikseb xi vantaġġ.

Din il-ħaġa laqqamtha saħta. U saħta se nerġa’ ngħidilha! Is-saħta treġġa’ il-ġid u tbiddlu fi nkwiet u saram. Jagħmlu min jagħmlu. Jgħidu min jgħidu. Is-saħħta hija bħal bastun fir-rota. Kif ikissirha! Jifqagħha! Joħroġha minn sura ta’ nies! U hekk nagħmel jien meta ngħix bil-preġudizzju kontra xi ħadd. Meta ndaħħal f’moħħi li kulma tgħid int huwa kollu ħażin! Ma jagħmilx sens! Ma fih xejn ta’ siewi! Din il-mentalità tassew li tagħmel ħafna ħsara! Għax il-progress ma jsir qatt! U dan l-għaliex jiena nibqa’ imwaħħal u mwaħħla mat-twemmin tiegħi mingħajr ma nħallih jiġi sfidat mill-avvanzi tas-soċjetà u d-dinja tallum.

L-aħwa! Irridu noħorġu minn din il-mentalità li tisħetna tassew. Il-verità sħiħa, ċara, u tonda, għand il-Mulej biss qiegħdha. Lanqas il-Knisja, għalkemm ixxandar il-verità u tħares il-verità, xorta waħda qiegħdha fi vjaġġ biex din il-verità, kemm jista’ ikun, tkun kapaċi dejjem tagħmilha aċċessibbli għal kull ċirkustanza li ngħaddu minnha aħna l-bnedmin. Taf kemm hu faċli hux li tgħid dak li konna ngħidu meta konna nilgħabu ferħana u b’avventura liema bħalha l-logħba tan-noli jew il-ħarba: “Min hu barra barra u min hu ġewwa ġewwa!?” Faċli tafux! Ħafifa biex tobżoqha minn ħalqek imma ħej il-konsegwenzi tagħha huma tabilħaqq tal-biża’! U allaħares nibqgħu ngħaddu minnhom!

Le ħbieb! Mhux hekk! Fil-ħajja jrid ikollna l-paċenzja li nisimgħu lil xulxin. Ibda’ minn taħdita bejn tnejn u ċorma ħbieb f’ħanut. U spiċċa fil-Knisja jew fil-Parlament fejn kwistjonijiet ta’ mportanza nazzjonali jiġu diskussi ta sikwit. Irridu nitgħallmu niddiskutu! U kif Sur Patri? Ħa nieħu eżempju mill-ħajja tal-kunvent ħa! Lilna l-patrijiet minn dejjem għallmuna li kien il-Mulej innifsu li laqqagħna flimkien. Kienu hu li ġabarna għalenija. Kulħadd bil-bagalja tiegħu. Bil-karattru u l-ħiliet tiegħu. Mela l-kajman u l-bużbetiku qiegħdin jgħixu fil-kunvent, ħajt ma’ ħajt. Iħokku ma’ xulxin! Bir-riskju li jisparjkaw! U mur ara! Kemm se ngħaġġbuha! U kif il-magna se taħdem sieħbi jekk ma tisparkjax?

Mela, qabel niddiskuti, ħa nifhem darba għal dejjem, li mingħandi quddiemi, ikunx qassis, patri, isqof, raġel, mara, deputat, ministru, insomma, hu min hu, huwa bniedem. Ħa nġiblu rispett ta’ bniedem li hu. Bid-dinjità kollha li jixraqlu! Hemm bżonn li nħallih jgħid tiegħu. Li joħroġ dak li għandu f’qalbu. Tiskanta! Ġieli, meta tħalli lil dak li jkun jiżvoga, issibek li tibda’ tintebaħ kemm hemm affarijiet li int u hu jew int u hi għandkom komuni bejnietkom. Tibda’ tintebaħ kemm hemm pontijiet bejnietkom li qabel lanqas biss ma kont tobsor li jeżiżtu! Mela isma’, bil-paċenzja. Bis-sabar. Bl-imħabba. Bir-rispett. Bir-rieda tajba li f’qalbek m’għandek l-ebda aġenda moħbija għajr li tibni. Li tirranġa. Li tinkludi. Li issaħħaħ. Li tagħti fiduċja. Li tirrikonoxxi. Li tfejjaq!

Tiskanta kif din l-attitudni tgħinek tara l-affarijiet xorta oħra. Il-ħajja, inkluża l-politika, hija magħrufa għan-negozzjar. Biex dak li jkun jagħmel dak il-mil iżjed bl-iskop li jsib it-triq ġusta u komuni għaż-żewġ naħat bil-għan li jintlaħaq ftehim. Sabiħa wisq din il-kelma! U lejha irridu nħarsu! Ilkoll kemm aħna! Hu x’inhu t-twemmin reliġjuż jew politiku tagħna. Il-ftehim! Il-paċi! Ir-rikonċiljazzjoni! Il-fraternità ta’ bejnietna!

Nawguralek minn qalbi li tikber f’din l-arti sabiħa tal-innegozjar. Tal-ftehim. Qatt tgħid: “Dak li jgħid dak jew dik huwa ħażin!” Imma għid: “Ħa nitgħallem l-affarijiet tajba li se jgħallimni dak jew dik!” Ir-riżultat ikun ferm isbaħ! Aqwa! Aħjar!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: