Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Uċuħ it-tbatija!

Uċuħ it-tbatija!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Illum ma tiftaħx stazzjon tat-televiżjoni. Jew tidħol x’sit elettroniku. Inkella tibda’ tqalleb xi paġni mill-ġurnali lokali u internazzjonali li ma tarahomx. Bilkemm ma tasalx għall-konklużjoni li saru sinonimi ma dak kollu li jagħmel l-aħbarijiet aħbarijiet!

U x’aħbarijiet! Aħbarijiet ta’ nies ippakjat f’dgħajjes mimlija daqs bajda bin-nies. Donnhom sardin! Aħbarijiet ta’ nies ta’ karnaġġjon skura. Għalkemm, fil-verità, il-kulur la jnaqqas u lanqas iżid it-tbatija tagħhom. It-tbatija li jġorru hija tassew kbira. Profonda. Huma nies li ġejjin minn kullimkien. Minn fejn hemm il-gwerrer. Il-ġlied. Il-ġuħ. Nies li, l-għaliex il-ħajja tabilħaqq tagħthom fuq wiċċhom, ikollu jaħarbu b’ta fuqhom senduqhom. Anki jekk qalb il-bullets tal-azzarini li bla ħniena ixekkluhom milli jgħixu fil-kwiet li għandhom dritt għalih. Bħali u bħalek.

Jivvjaġġaw eluf ta’ mili. Jużaw kull tip ta’ trasport. Ħafna drabi jispiċċaw saħanistra jimxu kilometri wara kilometri. Basta jaslu fl-art fejn, minħabba li tmiss mal-baħar Mediterran, tkun tista’ isservihom ta’ pjattaforma għad-dinja ċivilizzata. Industrijalizzata. Modernizzata. Basta jaslu fil-kosta fejn hemm ikunu jistgħu jaqbdu dik id-dgħajsa li se twassalhom għall-kontinent tal-ħolm tagħhom. L-Ewropa! Dak il-kontinent li, min jaf kemm, forsi nies tal-familja tagħhom stess, jaf għamlu l-vjaġġ tat-tama qabilhom. U tant kemm raw id-differenza bis-saħħa ta’ vjaġġ bid-dgħajsa tgħidx kemm qalulhom fuqu!

Hu x’inhu l-każ, is-sitwazzjoni mwiegħra ta’ pajjiżhom iġġagħlhom jaħabru ma kull okkażjoni li jkollhom. Iżda ma jaħarbux b’xejn. Magħhom jieħdu is-somma flus li biha jkunu jistgħu jitilgħu fuq il-biċċa tal-baħar li tkun se teħlishom darba għal dejjem mill-kapitlu mimli uġiegħ li ilhom għaddejin minnu f’pajjiżhom. Għal min hu iddisprat u ma jafx fejn se jaqbad jagħti rasu, kull kelma li se tidher li se tibdillu ħajtu jibda’ jemminha. Anki jekk warajha min jaf min ikun hemm! U, fuq kollox, x’ikun hemm!

La jaslu fil-ponta tal-Afrika jibdew il-wegħdi. L-aqwa li jqabżu l-flus. Eluf f’eluf. “Tuna li għandkom! Inkella tibqgħu l-art!” U kif tridu jirraġuna l-imsejken jekk mhux b’dan li mod? “Tbatija bi tbatija, riskju f’riskju, mhux aħjar nirriskja dan il-vjaġġ u mbagħad nasal f’art oħra? Jaħasra! Naqra oħra baqagħli! Naqra oħra! U nkun salv. Salva!” U jagħżlu li jimbarkaw. L-għaliex immexxijin mir-raġunament tat-tama. Tal-ħelsien. Tal-fidwa. “Għax jekk seħħilhom dawk l-għaliex ma jirnexxilhiex jien?”

Imma xi jsibu? Il-jasar. Il-ħakma. L-isfruttament. In-naqra ta’ pistola tal-ftit tiddetermina l-ħajja ta’ dawk li jkunu fuq id-dgħajsa. Abbli wkoll il-fatt li persuni huma ta’ ċerti nazzjonalitajiet u mhux oħrajn jista’ jagħmel id-differenza. Daqskemm li tħaddan reliġjon u mhux oħra jaf jagħżel min għandu d-dritt li jgħix u min jeħtieġlu imut. U tassew! Għax kemm-il darba smajna li wħud tilfu ħajjithom l-għaliex ġew imwaddba f’nofs ta’ baħar? Bejn sema u ilma? X’ħajja hux!

Dgħajjes jinqalbu. Nies jisfaw mgħerrqa fl-isbaħ u fl-iprem snin ta’ ħajjithom. Laqgħat kontra laqgħat. Imma qajla titfaċċa soluzzjoni. Tgħid il-paroli mingħajr fatti huwa hu li qed inawwar il-ferità fl-uċuħ ta’ dawn in-nies tat-tbatija? U ma min, bħalna l-Maltin u t-Taljani, li qegħdin ngħinunhom? Tgħid meta pajjiżna, flimkien mat-Taljani, se nsibu min jagħtina daqqa t’id f’din il-kriżi u mhux min jgħoddosna aktar l’isfel?

Meta?

p

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: