Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Patri! Aħna hekk nibdew il-ġurnata!

Patri! Aħna hekk nibdew il-ġurnata!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Is-6.45 am ta’ filgħodu. Pager! X’ġara? “Raġel ħalliena Patri”, weġibni l-infermier tas-sala. Iġri Patri ħa tlaħħaq il-quddiesa! Iġri lejn waħda mill-wards l-aktar imbiegħdha tal-isptar!

Nidħol. U nsib ċorma infermiera. Qawsalla ta’ nazzjonalitajiet. Kien hemm Rumena, Ingliża, Pakistana, żewġ Spanjoli u xi ftit Maltin. Sellimitilhom: L-Għodwa t-Tajba! Good Morning! Bonas Dias! Issa sew! U bir-Rumen kif tgħid l-Għodwa t-tajba? Emmnuni li ma nafx! Għalhekk, dort lejn l-infermiera Rumena u staqsejtha kif tgħid L-Għodwa t-Tajba! B’ilsienha. Bună dimineața! Weġbitni. Ippruvajt ngħidha. Imma ilsieni weħilli! “Tajjeb għedtha?” staqsejtha. “Le,” qaltli. U tennithieli. Ippruvajt ngħidha darb’oħra. Din id-darba tbissmitli. Xegħel il-kulur l-aħdar! Il-frażi issa tgħaddi!

“Fejn hu l-pazzjent?” staqsejtha. “Niġi miegħek jien”, qaltli. U morna. Dħalna ħdejh. Kien raġel imdaħħal fiż-żmien. Ħdejna kien hemm xi ħadd jiġi minnu. Għalhekk stedintu jiġi jitlob magħna. U lill-infermiera? Se nwarrabha hekk? Ma tarax! Stidintha tibqa’ magħna biex titlob magħna hi wkoll. Tlabna bil-Malti. Imma l-Missierna kulħadd talabha b’ilsienu. U l-barka? Eħ ħija! Dik internazzjonali! Mela bl-ilsien Ingliż. L-għaliex Missierna tas-Sema huwa internazzjonali. Kif tgħid eżatt l-Ittra lill-Efesin: “Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd” (Efes 4:6).

Aħna u ħerġin minn ħdejn il-mejjet għedt lill-infermiera: “Ma taħsibx li barka filgħodu mhix imbuttatura tajba għall-ġurnata?” Il-ħarsitha kliem biss kien jonqosha! Naf li f’qalbha qablet miegħi mija fil-mija. Għax tassew! Ġesù Kristu, Alla li sar bniedem, iġib id-differenza kollha. Nerġa’ ngħid, Ġesù Kristu! Alla li jitlaħħam magħna. Anki fis-sitwazzjonijiet tal-mard. U mhux Alla ‘l fuq ‘l fuq. Qisu l-baxà! Il-Padrun! Li jħares ċass lejna!

Intant! Mort fejn in-nursing station. Staqsejt għal karta tal- AOS (Anonting of the Sick). Kont se nibda’ nara x’fiha. Tinsewx! Kien għadhom lanqas is-seba’ ta’ filgħodu! F’daqqa waħda nara quddiemi ruxxmata infermieri. Kien hemm numru mdaqqas mhux ħażin. Barra minhekk kien hemm bilqiegħdha fuq siġġu, biswieti, in-Nursing Officer u d-Deputy tiegħu. Sadanittant, quddiemi, kien hemm infermiera Ingliża u qbadna parlata żgħira. Iżda t-taħdita tagħna kellha tieqaf ħesrem. Iżda b’interruzzjoni sabiħa! Qaddisa! Mela x’ġara?

F’daqqa waħda d-Deputy, raġel kbir mid-daqs iżda wisq aktar mill-qalb għall-Mulej, x’ħin daqqu s-6.55 am bum qal b’leħen li semgħu kulħadd: “Mela, fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Tlabna l-Missierna. Is-Sliema. U l-Kredu flimkien. Naf. Uħud mill-infermieri ma fehmux x’aħna nitlobu. Imma s-salib rawħ jintradd! Quddiem dik it-turija kbira ta’ fidi ma stajt ma ninġarrx mill-eżempju sabiħ tagħhom. Għalhekk għalaqt għajnejja. Rassejt idejja ma’ xulxin u magħhom tlabt dak it-talb sabiħ. Bibliku. Marjan. Ħiereġ minn qlub ta’ nies li l-Mulej waħdu jaf kemm jgħixuh mal-morda.

Imbagħad, is-skiet mimli fidi tal-miġemgħa, qajjem il-karattru saċerdotali fija minn waħda mir-raqdiet tiegħu. U kif wasalna għas-salib berikt minn qalbi lill-miġemgħa.

Wara li spiċċajna mit-talba dort lejn in-Nursing Officer u għedtlu: “Prosit ħabib! Xi priedka sabiħa għamilthuli illum!” “Patri! Aħna hekk nibdew il-ġurnata!” Ħallieni bla kliem! Apprezzajt. Iżżejt ħajr il-Mulej kemm il-fidi għadha tixgħel f’pajjiż fejn iċ-ċiklun tas-sekulariżmu irid jifti kull dawl tal-fidi f’Ġesù Kristu. L-uniku Salvatur. L-Iben ta’ Alla li sar bniedem għalina biex jifidna. U jissokta jifdina mill-ħażen tal-mewt u d-dnub.

Quddiem ix-xhieda tagħhom ħassejt li għandi nirreċiproka. Il-Jien saċerdotali tiegħi mar jiġri għall-but il-lemini. Għall-aspergis mimli bl-ilma mbierek. Ħriġtu. Ftaħtu. U f’dak il-waqt bdejt inraxxax l-ilma wara l-bank tan-Nursing Station. “Patri! Berikni! Tgħidx kemm għandi bżonn!” Din kienet l-għajta, mimlija ħrara, ta’ waħda mill-infermieri. Minn waħda spiċċajna tnejn. Tlieta u Erbgħa. Tifraħ! Tirringrazzja ‘l Mulej! Imma titnikket ukoll. L-għaliex żewġ infermieri, li pajjiżhom kien Kattoliċissimu sa ftit snin ilu, tmehżmu mill-ilma imbierek. Resqu lura. Beżgħu minnu! Kważi ħarbu! X’ħasra li taħrab mill-barka ta’ Alla! Għax, jekk taħrab mill-barka ta’ Alla, taħseb li s-saħta tal-għadu se jkollha ħniena mill-ħlewwa naturali tiegħek? Żgur li le! Anzi. Għax hija bhima feroċi u infernali, tagħmel festa bik! Mela iġri lejn ixxarrab bl-ilma mbierek!

Saru kważi s-seba’. U l-quddiesa? Kif se nlaħħaq? B’kuxjenza kwieta l-għaliex qdejt dmiri, ċempilt lil sieħbi. Fehmni. Għax spiritwali. Mhux ħa joqgħod isib ix-xagħra fl-għaġina! Ma jimxix mal-karta! Inkella ħoll xagħrek u ġib iż-żejt! Jimxi “mill-“qalb ħanina ta’ Alla tagħna” (Lq 1:78). Għahekk is-soluzzjoni kienet sempliċi ħafna. Qaddes il-quddiesa hu! L-aqwa li l-Patri ħuħ kien mal-ħaddiema. Talab magħhom. U magħhom ħa sehem minn din il-grazzja. L-istess bħalma kien jismu l-pazzjent li għalih kien mar f’dik is-sala: Grazio!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: