Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-imħabba hi konkreta u tikkomunika, lanqas ir-reliġjużi tal-klawsura mhuma iżolati.

L-imħabba hi konkreta u tikkomunika, lanqas ir-reliġjużi tal-klawsura mhuma iżolati.


Fl-omelija tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta dalgħodu, il-Papa Franġisku għamel riflessjoni dwar il-kriterji tal-imħabba vera.

Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jitlobna nibqgħu fl-imħabba tiegħu.  Hemm żewġ kriterji, afferma l-Papa, li jgħinuna nagħrfu l-imħabba vera minn dik li mhix.  L-ewwel kriterju hu li l-imħabba tinsab aktar fil-fatti milli fil-kliem; mhix imħabba ta’ telenovella, fantasija, stejjer li jġegħelu ‘l qalbna tħabbat xi ftit aktar mgħaġġel u kollox jibqa’ hemm.

L-imħabba tinsab fil-fatti konkreti.  Infatti Ġesù lil tiegħu kien iwissihom: Mhux min jgħidli Ġesù, Ġesù jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet imma dawk li jagħmlu r-rieda ta’ Missieri, li josservaw il-kmandamenti tiegħi.

Li jfisser, li l-imħabba vera hi konkreta, tinsab fl-opri, hija mħabba kostanti.  Mhux sempliċi mument ta’ entużjażmu.  Xi min daqqiet l-imħabba fiha t-tbatija: niftakru f’Ġesù jġorr is-salib.  L-opri tal-imħabba jgħidilna liema huma Ġesù, fil-kapitlu 25 tal-Vanġelu skont San Mattew.  Min iħobb jagħmel dan: kont bil-ġuħ u tmajtni u l-bqija tal-versi 34 sa 36.  Din hi l-konkretezza.  Anki l-Beatitudnijjiet, kompla jgħid il-Papa, li huma l-programm pastorali ta’ Ġesù, huma konkreti.

Waħda mill-ewwel ereżiji tal-kristjaneżimu, żied il-Qdusija Tiegħu, kienet il-filosofija njostika, li kienet titkellem dwar Alla mbiegħed….. fiha ma kienx hemm konkretezza.  Iżda, l-imħabba tal-Missier kienet konkreta għax bagħat lil Ibnu li sar laħam biex isalvana.

It-tieni kriterju tal-imħabba, kompla l-Papa, hu li tikkomunika, ma tibqax iżolata.  L-imħabba tagħti lilha nfisha u tirċievi, issir dik il-komunikazzjoni li hemm bejn il-Missier u l-Iben, komunikazzjoni li jagħmilha l-Ispirtu s-Santu.

Mhemmx imħabba mingħajr komunikazzjoni, mhemmx imħabba iżolata.  Xi ħadd jista’ jistaqsini: allura r-reliġjużi li jgħixu fil-klawsura huma iżolati?  Dawk jikkomunikaw ħafna, osserva l-Papa, jikkomunikaw ħafna mal-Mulej u anki ma’ dawk li jmorru jfittxu l-Kelma t’Alla.  L-imħabba vera ma tistax tinqata’ għaliha waħedha.  Jekk tkun iżolata mhix imħabba, tkun għamla spiritwalistika ta’ egoiżmu li tibqa’ magħluqa fiha nfisha biex tfittex tara x’se tiggwadanja…. Hija egoiżmu.

Għalhekk, afferma Franġisku, li nibqgħu fl-imħabba ta’ Ġesù jfisser ġesti konkreti, ħila li nikkomunikaw, bid-djalogu, kemm mal-Mulej kif ukoll ma’ ħutna.

Dan sempliċi ħafna imma mhux faċli.  Għax aħna nħossuna miġbudin lejn l-egoiżmu, lejn l-interess personali u dawn iwebbluna biex ma’ ningħatawx.

Xi jgħid il-Mulej għal dawk li jibqgħu fl-imħabba tiegħu?  “jien għidtilkom dawn il-ħwejjeġ biex il-ferħ tiegħi ikun fikom u l-ferħ tagħkom ikollu l-milja tiegħu”.   Il-Mulej, li jibqa’ magħqud fl-imħabba mal-Missier, hu ferħan: “u jekk intom tibqgħu f’imħabbti, il-ferħ tagħkom ikun sħiħ”.  Ferħ li tant drabi jħib miegħu is-salib.  Imma dak il-ferħ, qalilna Ġesù stess, ħadd ma jkun jista’ joħodulna.

Il-Papa temm l-omelija b’din it-talba: Jalla l-Mulej itina l-grazzja tal-ferħ, dak il-ferħ li d-dinja ma tistax ittihulna.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: