Hawn passa!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Bħalissa hawn passa! Ħafna persuni jinsabu ma jifilħux. Kull min tisma’! X’saru minnu? Kemm ilni ma naraha? It-tali u t-talija kienu ma jifilħux. U mela x’hawn idur fl-arja bħalissa biex hawn daqshekk nies mixħutin fis-sodda? “Bilfors ħi!” issib min jgħidlek. “Qed jinqaleb it-temp!” U, milli jidher, dan it-taqlib tat-temp qed iqalleb ukoll is-sistema ta’ saħħitna! Madankollu, u għall-grazzja ta’ Alla, il-mediċina għamlet passi ta’ ġgant f’dan ir-rigward. It-tipi qawwija u effikaċi ta’ mediċina li hawn fis-suq flimkien mal-mistrieħ jawguraw fejqan ta’ malajr. Almenu dawn huma ż-żewġ pariri li jagħtu t-tobba bravi tagħna.

Xi jiem ilu jiena wkoll għaddejt minn din l-esperjenza xejn sabiħa li numru kbir minna, Maltin u Għawdxin, għaddew jew jinsabu għaddejjin minnha. Il-passa tkissrek. L-ewwel nett taqgħtek kompletament minn kull attività. Il-mard ineħħilek is-saħħa li tieħu gost u tapprezza l-kumpanija ta’ ħaddieħor. Għalhekk, trid jew ma tridx, il-mard jitfgħek f’dinja għalik. Meta jkollok xi infezzjoni fis-sider tħossok letteralment bla saħħa.

Ix-xogħol inħobbu. U b’Papa Franġisku fit-tmun tat-tmexxija tal-Knisja ma jtikx li ma tħobbux! Daqskemm jisħqilna lilna s-saċerdoti biex ningħataw għall-oħrajn! Għalhekk, imqanqal mill-eżempju ta’ dan il-Papa qaddis, ippruvajt naħdem. Imma x’naħdem naħdem ħbieb! L-ewwel ħaġa li għamilt kienet li mmur bil-ġiri għand it-tabib! U wara li dan inviżtani viżta viżtun għal ġewwa!

L-aħwa man-natura ma tiċċajtax! Ma tigdibx! Anqas li kieku trid! Hija toħroġ kollox għad-dawl. In-nuqqas ta’ saħħa jibda’ jidher. Jinħass. L-għajnejn jinkisru. Il-leħen jiddgħajjef. U, b’dak kollu li jkun qiegħed jiġri fil-ġewwieni ta’ sidrek u li fis jikkorrespondi għal rasek, tibda’ tħossok qiegħed f’dinja li m’hix dinja. Dinja ta’ bejn rejaltà u fantasija.

Kieku tipprova tgħid kelma. Imma x’tgħid tgħid! Ma tkunx tista’! Ħalqek jixxotta. Tipprova tistrieħ. Imma meta tagħlaq għajnejk biex tipprova tistrieħ ftit fil-kwiet jibdew l-esperjenzi koroħ tad-deni. Dawk l-esperjenzi li jfakkruni fil-kliem li jgħid Ġesù, mgħobbi bis-salib, lin-nisa ta’ Ġerusalemm, li “bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh” (Lq 23:27). Lil dawn hu qalilhom: “Mbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet, ‘Ordmuna!’” (Lq 23:30). Id-deni ġagħlni nara l-muntanji jaqgħu fuqi. U l-għoljiet jordmuni.

Imma l-Mulej ħanin! Jagħmel ħwejjeġ kbar! L-għaliex fil-mument fejn l-aktar kelli bżonn l-għajnuna bagħtli l-anġli tiegħu. Anġli li tawni kelma li biha biddluli ħajti. Imqar meta, b’paċenzja kbira, urewni kif għandi nistrieħ. Jew kull kemm sigħat għandi nieħu l-mediċina kontra l-ħajta tad-deni li kellha seba’ mitt sena biex terġa’ taqbad tiela’. Għalkemm jiena ma ħellejtiex b’xejn tafux!

Kos! Kemm jagħmlu differenza dawn in-nies! U kemm, fis-siekta tal-friex tal-mard, bdejt narahom tassew anġli neżlin mis-sema għalija biex ifarrġuni! U jagħtuni d-duwa tal-Mulej għalija! F’dan il-ħin ma stajtx ma niftakarx f’wieħed mis-salmi, sewwasew Salm 91, li ma nixba’ qatt nitolbu u nħajjar lin-nies jitolbuħ! Il-qawwa ta’ dan is-salm tgħallimhuli r-rejaltà mqallba tal-ħajja tallum. Għaliex, f’dan it-taqlib tal-ħajja li qiegħdin ngħixu fiha, f’dan it-taqlib sfrenat fil-mod ta’ kif nieklu u saħansitra tan-nifs li nieħdu, għiduli intom għandniex bżonn inkunu kontinwament taħt il-ħarsien ta’ Alla? “Ebda deni ma jiġrilek, ebda ħsara ma tersaq lejn darek. Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha” (Salm 91:10-11).

Il-passa ta’ mard li għaddejja bħalissa f’pajjiżna, u li tagħha jiena kont wieħed mill-vittmi tagħha, għallmitni napprezza x-xogħol kbir li t-tobba, l-infermieri u l-ħaddiema jwettqu b’tant imħabba u dedikazzjoni fl-isptarijiet tagħna. Għallmittni kemm fil-ħajja jiena ma jien aħjar minn ħadd. Nimrad bħal kulħadd. Għalhekk niżżi ħajr lill-Mulej ta’ kull nifs li nieħu. Għerf Salm 39 huwa kbir! “Ara, tul xibrejn għamiltli jiemi, żmien ħajti qisu xejn quddiemek. Tassew, daqsxejn ta’ nifs kull bniedem (Salm 39:6-7).

Madankollu l-istess salm jgħid: “U issa, Mulej, jien x’nistenna? Fik biss hija t-tama tiegħi. Eħlisni minn ħtijieti kollha” (Salm 39:8-9). Eħlisni Mulej mill-ingratitudni! Mis-suppervja! Mill-qalb magħluqa! U grazzi tal-passa li qabditni. Għaliex tajtni l-kuraġġ li nitlob l-għajnuna. U għax ħabbatt fetħuli (ara Lq 11:9).

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: